2010-2019
Jaħdem B’ Mod Meraviljuż!
Ottubru 2015


Jaħdem B’ Mod Meraviljuż!

Nitlob li aħna niffukaw fuq ”is-sempliċità li tinsab fi Kristu” u nħallu l-grazzja Tiegħu televana u ġġorna.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, huwa l-pjaċir tiegħi li ninsab hawn magħkom illum. Ilkoll kemm aħna ninsabu mnikktin bid-dehra ta’ tliet postijiet vojta fir-ringiela ta’ quddiem. Aħna nimmissjaw lill-President Packer, il-Presbiteru Perry u l-Presbiteru Scott. Aħna nħobbuhom, u nitolbu għall-benesseri tal-familji tagħhom.

Tul din it-tmiem il-ġimgħa tal-konferenza, aħna se jkollna l-privileġġ li nsostnu tliet aħwa li ġew imsejħin mill-Mulej biex jieħdu posthom fost il-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.

It-talb tagħna f’ isimhom isaħħaħhom hekk kif huma jxeddu fuqhom il-mantell sagru ta’ appostli.

Dan l-Evanġelju qiegħed Verament Jaħdem f’ Ħajjitkom?

M’ilux rajt kwotazzjoni li wasslitni biex nieqaf u naħseb. Kienet tgħid xi ħaġa hekk: ”Għid lil xi ħadd li fl-univers hemm triljun kewkba, u jemmnek. Għidlu li mal-ħajt hemm iż-żebgħa ċċappas, u huwa jmur imissha biex ikun ċert.”

Mhux ilkoll kemm aħna xi ftit jew ieħor hekk? Wara daqsxejn ta’ proċedura medika li għaddejt minnha riċentiment, it-tobba mill-aktar kapaċi tiegħi spjegawli x’ kelli nagħmel biex infieq sewwa. Iżda l-ewwel kelli nitgħallem mill-ġdid xi ħaġa dwari nnifsi li missni kont ili nafha; bħala pazjent ma tantx jiena paċenzjuż.

Konsegwentament iddeċidejt li nħaffef il-proċess tal-fejqan billi jiena stess immur infittex fuq l-internet. Naħseb li kont qed nistenna li niskopri xi verità li t-tobba tiegħi ma kinux jafu biha jew ippruvaw jaħbuli.

Domt xi ftit ma ntbaħt bl-ironija ta’ dak li kont qed nagħmel. M’hemmx dubju, li aħna stess nagħmlu xi ftit riċerka mhux idea ħażina. Iżda jiena kont qed inwarrab verità li stajt niddependi fuqha u minflok spiċċajt ninteressa ruħi fuq informazzjoni fuq l-internet li mhux dejjem ta’ min joqgħod fuqha.

Xi kultant, il-verità taf tidher għalina wisq ovvja, wisq ċara, u wisq sempliċi biex aħna napprezzaw verament il-valur kbir tagħha. Għalhekk aħna nispiċċaw inwarrbu dak li nkunu esperjenzajna u li nafu li hu veru biex immorru nfittxu informazzjoni aktar misterjuża jew ikkumplikata. Nittama li aħna nitgħallmu li meta nimxu wara d-dell, aħna nkunu qed nimxu wara ħwejjeġ li ftit li xejn fihom sustanza u valur.

Meta niġu għall-verità spiritwali, kif nistgħu nkunu nafu li ninsabu fit-triq it-tajba?

Mod kif nistgħu nkunu nafu hu billi nistaqsu l-mistoqsijiet ġusti—dawk li jgħinuna nixtarru l-progress tagħna u nevalwaw kif l-affarijiet sejrin għalina. Mistoqsijiet bħal:

”Ħajti fiha tifsira?”

”Jiena nemmen f’ Alla?”

”Nemmen li Alla jafni u jħobbni?”

”Nemmen li Alla jisma’ u jwieġeb talbi?”

”Jiena verament ferħan?”

”L-isforzi tiegħi jwassluni għall-ogħla għanijiet u valuri spiritwali f’ ħajti?”

Mistoqsijiet profondi dwar l-għan tal-ħajja wasslu biex bosta individwi u familji madwar id-dinja jfittxu l-verità. Ħafna drabi din it-tfittxija wasslithom għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u għall-evanġelju rrestawrat.

Mhux ċert jekk aħna, bħala membri tal-Knisja, nibbenefikawx ukoll jekk, minn żmien għall-ieħor, nistaqsu lilna nfusna: ”L-esperjenza tiegħi fil-Knisja qiegħda taħdem? Qiegħda tressaqni aktar viċin Kristu? Qiegħda tbierek lili u lill-familja tiegħi bil-paċi u l-ferħ kif hemm imwiegħed fl-evanġelju?”

Alma għamel mistoqsijiet simili lill-membri tal-Knisja ġewwa Żaraħemla meta staqsa: ”Intom esperjenzajtu din il-bidla kbira ġo qalbkom? … U tistgħu intom bħalissa tħossukom l-istess?”1 Din it-tip ta’ kontemplazzjon tista’ tgħinna biex nerġgħu niffukaw l-isforzi tagħna ta’ kuljum u naraw li jinsabu f’ armonija mal-pjan divin tas-salvazzjoni.

Ħafna membri jwieġbu b’ ferħ li l-esperjenza tagħhom bħala membru tal-Knisja qed taħdem b’ mod eċċezzjonali. Huma jixhdu li kemm jekk fi żmien ta’ faqar jew inkella ta’ prosperità, kemm jekk l-affarijiet ikunu sbieħ jew inkella diffiċli, huma jistgħu jiksbu tant għarfien, paċi u ferħ minħabba l-impenn tagħhom lejn il-Mulej u s-servizz kollu dedikazzjoni tagħhom fil-Knisja. Kuljum jiena niltaqa’ ma’ membri tal-Knisja li huma mimlijin b’ ferħ radjanti u li juru kemm bil-fomm kif ukoll bl-għemil li ħajjithom verament ġiet imbierka permezz tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.

Iżda jiena nagħraf ukoll li hemm xi wħud li l-esperjenza tagħhom mhijiex daqstant sodisfaċenti—li jħossu li s-sħubija tagħhom fil-Knisja xi kultant mhijiex dik li ttamaw li tkun.

Dan lili jnikkitni għaliex jien għandi testimonjanza ta’ kemm l-evanġelju jista’ jsaħħaħ u jġedded l-ispirtu ta’ dak li jkun—kif jista’ jimla qalbna bit-tama u moħħna bid-dawl. Jiena għandi testimonjanza ta’ kif il-frott tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jista’ jittrasforma il-ħajja ta’ dak li jkun minn waħda ordinarja u deżolata għal ħajja straordinarja u sublimi.

Iżda għalfejn jidher li għal xi nies din taħdem aħjar minn oħrajn? X’inhi d-differenza bejn dawk li l-esperjenza tagħhom fil-Knisja timla ruħhom b’ għanjiet ta’ mħabba feddejja2 u dawk li jħossu li hemm xi ħaġa nieqsa?

Hekk kif jiena bdejt nixtarr dwar dawn il-mistoqsijiet, ġew f’ moħħi dulluvju ta’ ħsibijiet. Illum, magħkom nixtieq naqsam tnejn minnhom .

Issimplifikaw

L-ewwel: bħala dixxipli qegħdin nippruvaw inkunu kkumplikati żżejjed?

Dan l-evanġelju sabiħ huwa tant sempliċi li anke t-tfal jistgħu jifhmuh, u fl-istess ħin huwa tant profond u kumpless li jeħtieġ ħajja ta’ bniedem—forsi anke eternità—ta’ studju u skoperta biex nifhmuh għal kollox.

Iżda xi kultant aħna naqbdu l-ġilju mill-isbaħ tal-verità ta’ Alla u niksuh b’ passata wara l-oħra ta’ ideat, programmi u xewqat tajbin li huma maħluqa kollha mill-bniedem. Kull wieħed minnhom, separat mill-kumplament, jaf ikun ta’ għajnuna u xieraq għal ċertu żmien u ċirkustanzi, iżda meta aħna npoġġuhom fuq xulxin, jistgħu joħolqu muntanja sħiħa ta’ sediment li tant jagħqad u jitqal li nirriskjaw nitilfu l-konċentrazzjoni tagħna fuq dik il-fjura prezzjuża li xi darba tant konna nħobbu.

Għalhekk, bħala mexxejja għandna nagħmlu minn kollox biex nipproteġu l-Knisja u l-evanġelju fil-purità u s-sempliċità tagħhom u nevitaw li npoġġu ċertu tagħbija mhux neċessarja fuq il-membri tagħna.

Bħala membri tal-Knisja, ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nagħmlu sforz bis-serjetà biex niddedikaw l-enerġija u l-ħin tagħna għal dawk il-ħwejjeġ li verament huma ta’ valur, filwaqt li nelevaw lil għajrna u nibnu s-saltna ta Alla.

Waħda minn ħutna, li kienet tgħallem fis-Soċjetà tal-Għajnuna, kienet magħrufa li kienet tħejji lezzjonijiet perfetti. Darba ddeċidiet li toħloq kutra sabiħa li tkun tista’ sservi bħala x-xena perfetta għat-tema tal-lezzjoni tagħha. Iżda ġrawlha diversi ħwejjeġ—kellha tmur tiġbor it-tfal mill-iskola, waħda ġarha tagħha kellha bżonn min jgħinha ġġorr, żewġha spiċċa bid-deni u ħabiba tagħha kienet qed tħossha weħidha. Kien kważi wasal il-jum tal-lezzjoni u l-kutra kienet għadha mhux lesta. Finalment, il-lejl ta’ qabel il-lezzjoni tagħha, hija ftit li xejn raqdet hekk kif għaddiet il-lejl kollu taħdem fuq il-kutra.

L-għada kienet tinsab għajjiena ħafna u bilkemm kienet kapaċi taħseb sew, iżda b’ kuraġġ hija marret u tat il-lezzjoni tagħha.

U l-kutra kienet verament mill-isbaħ—il-punti kienu perfetti, il-kuluri vibranti u d-disinn mill-aktar intriganti. U fiċ-ċentru tagħha kien hemm kelma waħda li b’ mod trijonfanti kienet tidwi t-tema tal-lezzjoni tagħha: ”Issimplifikaw.”

Ħuti, li ngħinu l-evanġelju m’hemmx għalfejn tkun ħaġa kkumplikata.

Hija ħaġa mill-aktar sempliċi. Nista’ niddeskriviha b’ dan il-mod:

  • Li nisimgħu l-kelma ta’ Alla b’ intenzjoni mill-aktar onesta twassalna biex nemmnu f’ Alla u nafdaw fil-wegħdiet Tiegħu.3

  • Aktar ma nafdaw f’ Alla, aktar qalbna timtela bl-imħabba għalih u għal xulxin.

  • Minħabba l-imħabba tagħna lejn Alla, aħna nkunu nixtiequ li nimxu warajh u naraw li l-għemejjel tagħna jkunu f’ armonija mal-kelma Tiegħu.

  • Peress li nħobbu lil Alla, aħna rridu nservuh; irridu nbierku l-ħajja tal-oħrajn u ngħinu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn.

  • Aktar ma nimxu fit-triq tad-dixxipli, aktar ma jkollna x-xewqa li nitgħallmu l-kelma ta’ Alla.

U nibqgħu sejrin hekk, kull pass iwassal għal ta’ warajh u jimlina b’ fidi, tama u karità li dejjem jitkattru.

Huwa sempliċi u mill-aktar sabiħ.

Ħuti, jekk taħsbu li l-evanġelju mhux jaħdem f’ ħajjitkom bl-istess mod, nistedinkom biex tagħmlu pass lura u tħarsu lejn ħajjitkom minn sfera ogħla u tissimplifikaw il-mod kif tħarsu lejkom infuskom bħala dixxipli. Iffukaw fuq id-duttrina u l-prinċipji bażiċi tal-evanġelju u applikawhom b’ mod bażiku. Inwegħidkom li Alla jiggwidakom u jberikkom fit-triq tagħkom sabiex ikollkom ħajja sodisfaċenti u li l-evanġelju jaħdem b’ mod definit għall-aħjar f’ ħajjitkom.

Ibdew Minn Fejn Tinsabu

It-tieni suġġeriment tiegħi hu: ibdew minn fejn tinsabu.

Xi kultant aħna nħossuna naqtgħu qalbna għaliex aħna mhux ”tajbin biżżejjed” f’ xi ħaġa—m’ aħniex aktar spiritwali, rispettati, intelliġenti, b’ saħħitna, sinjuri, nagħmlu ħbieb malajr, jew kapaċi. Naturalment, m’hemm xejn ħażin li nixtiequ nitjiebu. Alla ħalaqna biex nikbru u navvanzaw. Iżda ftakru, id-dgħjufijiet tagħna jistgħu jgħinuna nkunu umli u nduru lejn Kristu, li ”jagħmel b’ saħħtu dak li hu dgħajjef.”4 Satana, mill-banda l-oħra, juża d-dgħjufijiet tagħna b’ tali mod li lilna jiskuraġġina li laanqas biss inkunu rridu nippruvaw.

Jiena tgħallimt f’ ħajti li m’hemmx għalfejn inkunu ”aktar” f’ xi ħaġa biex nibdew insiru dik il-persuna li Alla jridna nkunu.

Alla joħodkom kif intom f’ dan il-mument u jibda l-ħidma tiegħu magħkom. Kull ma teħtieġu hi qalb lesta għalih, xewqa li temmnu u li tafdaw fil-Mulej.

Gidgħon beda jħares lejh innifsu bħala bidwi fqir, l-anqas fost in-nies kollha ta’ dar missieru. Iżda Alla ħares lejn bħala bniedem setgħan ta’ valur.5

Meta Samwel għażel lil Sawl biex ikun sultan, Sawl ipprova jaqtagħlu qalbu. Sawl kien ġej mill-iżgħar fost it-tribujiet tad-dar ta’ Israel. Hu kif seta’ jkun sultan?6 Iżda Alla rah bħala ” żagħżugħ sabiħ.” 7

Anke l-kbir profeta Mosè ħassu mħawwad u f’ ħin minnhom beda jaqta’ qalbu tant li ried imut.8 Iżda Alla ma kienx qata’ qalbu minnu.

Għeżież ħuti, jekk aħna nħarsu lejna nfusna biss permezz tal-għajnejn mortali tagħna, nafu ma narawx lilna nfusna tajjeb biżżejjed. Iżda Missierna tas-Smewwiet jara dak li verament aħna u dak li nistgħu nsiru. Huwa jħares lejna bħala wliedu, bħala esseri ta’ dawl divin b’ potenzjal etern u b’ destin divin.9

Is-sagrifiċċju tas-Salvatur fetaħ il-bieb tas-salvazzjoni għal kull bniedem biex jerġa’ lura ħdejn Alla. Il-”grazzja tiegħu hi suffiċjenti għal dawk li jmorru b’ umiltà quddiem Alla.”10 Il-grazzja Tiegħu hi l-qawwa neċessarja li tagħtina l-aċċess fis-saltniet tas-salvazzjoni ta’ Alla. Minħabba l-grazzja Tiegħu, aħna lkoll se nqumu mill-imwiet u nsalvaw fis-saltna tiegħu.

Anke l-anqas saltna ta’ glorja, is-saltan telestjali, ”tiżboq kull għarfien,”11 u numru bla għadd ta’ nies se jirtu din is-salvazzjoni.12

Iżda l-grazzja tas-Salvatur tista’ toffrilna ferm aktar minn hekk. Bħala membri tal-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna naspiraw li niksbu xi ħaġa akbar. Din hi l-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali. Din hi l-ħajja eterna fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet. Huwa l-akbar rigal ta’ Alla.13 Fis-saltna ċelestjali, aħna nirċievu ”mill-milja tiegħu u mill-glorja tiegħu.”14 Fil-fatt, se jingħatalna dak kollu li għandu l-Missier. 15

L-eżaltazzjoni hija l-għan tagħna; li nkunu dixxipli ta’ Kristu huwa l-vjaġġ tagħna.

Hekk kif intom teżerċitaw daqsxejn fidi u tibdew timxu bħala dixxipli tal-paċi tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, qalbkom tinbidel.16 Ġisimkom jimtela bid-dawl.17

Alla jgħinkom issiru xi ħaġa akbar milli qatt ħsibtu li hi possibbli. U intom tiskopru li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu fil-fatt jaħdem f’ ħajjitkom. Jaħdem verament.

Jaħdem Verament!

Ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, nitlob li aħna niffukaw fuq ”is-sempliċità li tinsab fi Kristu”18 u nħallu l-grazzja Tiegħu televana u ġġorna tul il-vjaġġ tagħna, minn fejn ninsabu bħalissa sad-destin glorjuż tagħna fil-preżenza ta’ Missierna.

Hekk kif nagħmlu dan, u xi ħadd jistaqsina, ”Kif li inti membru tal-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ħalla effett tant tajjeb f’ ħajtek?” aħna nkunu kapaċi ngħidu b’ ċerta kburija, bl-umiltà kollha u b’ ferħ kbir, ”Verament jaħdem f’ ħajti! Grazzi talli staqsejtni! Tixtieq tkun taf aktar?”

Din hija t-tama tiegħi, it-talba tiegħi u x-xhieda tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.