2010-2019
Duru Lejh u l-Mistoqsijiet li Għandkom Jiġu Mweġbin
Ottubru 2015


Duru Lejh u l-Mistoqsijiet li Għandkom Jiġu Mweġbin

Kunu ubbidjenti, ftakru fi żminijiet meta fil-passat intom ħassejtu l-Ispirtu, u itolbu bil-fidi. Il-mistoqsijiet li għandkom jiġu mweġbin.

Meta jiena kont għadni żagħżugħ, il-ġenituri tiegħi ngħaqdu mal-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Aħna konna nafu li huma kienu qed jiġu mgħallmin mill-missjunarji, iżda l-ġenituri tiegħi ħadu l-lezzjonijiet mal-missjunarji weħidhom.

Wara din it-tħabbira xi ftit sorprendenti, jien u ħuti bdejna wkoll nisimgħu x’ kellhom xi jgħidu l-missjunarji u ħuti wkoll irċevew b’ ferħ il-messaġġ tar-Restawrazzjoni. Għalkemm kelli xi ftit tal-kurżità, f’ qalbi ma ħassejtx li kelli nibdel ħajti. Madankollu, jien aċċettajt l-isfida li nitlob dwar jekk il-Ktieb ta’ Mormon kienx verament il-kelma ta’ Alla, iżda bqajt ma rċevejt l-ebda tweġiba.

Tafu tgħidu għalfejn Missierna tas-Smewwiet ma kienx wieġeb it-talba tiegħi; jien hekk bdejt naħseb f’ moħħi. Iżda minn dak iż-żmien ’l hawn tgħallimt li l-wegħda li għamel Moroni hija waħda korretta. Alla veru li jwieġeb talbna dwar jekk l-evanġelju huwiex veru, iżda Hu jwieġeb talbna meta aħna jkollna ”qalb sinċiera” u ”intenzjoni vera.”1 Huwa ma jweġibx talbna sempliċiment għax ikollna kurżità.

Forsi hemm xi ħaġa f’ ħajjitkom li tixtiequ ssiru tafu aktar dwarha. Forsi għandkom problema li ma tafux eżattament kif se ssolvuha. Illum nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet li jistgħu jgħinukom tiksbu dik it-tweġiba jew l-għajnuna li qed tfittxu. Il-proċess jibda billi tikkonvertu għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Jekk Nirċevux Rivelazzjoni Jiddependi mill-Kundizzjoni u l-Intenzjoni ta’ Qalbna

F’ moħħi ġew diversi rakkonti dwar għadd ta’ individwi fl-iskrittura. Ħudu, per eżempju, lil Laman u Lemwel. Bħal Nefi, huma ”ġew imwielda minn ġenituri twajbin” u ġew mgħallmin ”fit-tagħlim kollu ta’ missierhom.”2 Madankollu huma gergru għaliex missierhom kien bniedem viżjonarju. Minn kif kienu jaraw l-affarijiet huma, id-deċiżjonijiet tiegħu kienu jmorru kontra kull loġika, għaliex huma ma kinux jafu l-ħwejjeġ ta’ Alla u, għalhekk, ma ridux jemmnu.3

Huwa interessanti ninnutaw li l-għażliet tagħhom wassluhom biex jesperjenzaw mumenti li setgħu saħħewlhom il-fidi tagħhom. Huma ħallew darhom u ġidhom. Huma sofrew minħabba li damu jiġġerrew fid-deżert. Eventwalment huma għenu biex tinbena d-dgħajsa, u huma qablu li jivvjaġġaw lejn art li ma kienu jafu xejn dwarha.

Nefi għadda minn dawn l-istess esperjenzi. Iżda dawn l-għemejjel wasslu biex lilhom saħħewlhom il-fidi tagħhom? Il-fidi ta’ Nefi ssaħħet, iżda Laman u Lemwel spiċċaw biex saru aktar ċiniċi u rrabjati. Saħansitra dawn l-aħwa anke raw u semgħu anġlu, iżda, jaħasra, komplew jiddubitaw.4

Il-ħajja mortali mhi faċli għal ħadd minna. Aħna tpoġġejna fuq din id-dinja biex niġu ppruvati u ttestjati. Il-mod li bih aħna nwieġbu għall-esperjenzi tal-ħajja ħafna drabi jispiċċa jinfluwenza t-testimonjanzi tagħna. Ikkunsidraw xi wħud mir-reazzjonijiet ta’ Laman u Lemwel: Meta missierhom talabhom biex iwettqu xi ħaġa diffiċli huma bdew igergru.5 Huma ppruvaw jiksbu l-pjanċi tal-bronż, iżda meta ma rnexxilhomx, huma qatgħu qalbhom. L-attitudni tagħhom kienet ”Aħna ppruvajna; x’ nistgħu nagħmlu aktar?”6

Kien hemm anke żmien meta ħassewhom imnikktin għax għamlu l-ħażin u talbu għall-maħfra.7 Huma talbu u ġew maħfura. Iżda l-iskrittura tgħid li aktar tard huma reġgħu lura għat-tgergir u rrifjutaw li jitolbu. Huma marru fuq Nefi u qalulu li ma ”setgħux jifhmu l-kliem li kien qal missierhom.”8 Nefi staqsiehom jekk kinux ”talbu lill-Mulej.”9 Innutaw it-tweġiba tagħhom: ”Le ma tlabniex; għax il-Mulej qatt mhu se jurina xi ħaġa bħal din.”10

L-Ubbidjenza Kontinwa Twassalna biex Nirċievu Tweġiba għal Talbna

It-tweġiba li Nefi ta lil ħutu turina b’ mod ċar kif aħna nistgħu nirċievu tweġiba għal talbna:

”Għalfejn intom ma tobdux il-kmandamenti tal-Mulej? Għalfejn se tintilfu minħabba l-ebusija ta’ qalbkom?

”Ma tiftakrux dak li qal il-Mulej?—Jekk intom ma twebbsux qalbkom, u titolbuni bil-fidi, filwaqt li temmnu li se tirċievu, u żżommu l-kmandamenti tiegħi b’ diliġenza, żgur li dawn il-ħwejjeġ jiġu żvelati lilkom.”11

Jiena naf b’ xi wħud li temmew il-missjoni tagħhom li għaddew minn esperjenzi spiritwali li qatt ma jistgħu jiċħdu, iżda peress li ma komplewx għaddejjin b’ ċerti drawwiet spiritwali f’ ħajjithom, huma waslu biex insew il-mumenti li fihom kellimhom Alla. Lil dawn li temmew il-missjoni tagħhom u lilna lkoll, jekk ”qatt ħassejtu l-għanja tal-imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, għadkom tħossuha anke issa?”12 Jekk m’ għadkomx tħossuha, għad tistgħu terġgħu tħossuha, iżda kkunsidraw il-kunsill ta’ Nefi. Kunu ubbidjenti, ftakru fi żminijiet meta fil-passat intom ħassejtu l-Ispirtu, u itolbu bil-fidi. It-tweġiba tagħkom tiksbuha żgur, u intom tħossu l-imħabba u l-paċi tas-Salvatur. Taf ma tiksbuhiex malajr kemm tixtiequ jew bil-mod li tixtiequ, iżda tiksbuha żgur. Taqtgħux qalbkom! Qatt taqtgħu qalbkom!

Ejjew inqabblu lil Laman u Lemwel ma’ wlied Mosija. Iż-żewġ gruppi ta’ rġiel ġew imrobbija ġo familji ġusti, madankollu t-tnejn li huma qabdu triq ħażina. It-tnejn li huma dehrilhom anġlu u qalilhom sabiex jindmu, iżda x’ kien hemm differenti mill-esperjenza li kellhom ulied Mosija?

Il-Provi li Ngħaddu Minnhom Isaħħu l-Fidi Tagħna

Kif nistgħu ninsew is-suċċess tagħhom bħala missjunarji. Eluf spiċċaw biex ikkonvertew għal triq il-Mulej. Madankollu, ħafna drabi aħna ninsew li hekk kif bdew il-missjoni tagħhom, huma ”ħassewhom dipressi, u kienu għoddhom marru lura minn fejn ġew, iżda l-Mulej farraġhom.” Iżda l-kunsill li tahom il-Mulej kien sabiex ”bil-paċenzja jissaportu s-sofferenza li kienu għaddejjin minnha.”13

L-Istudju tal-Iskrittura Jurina r-Rieda ta’ Alla

Għalfejn il-provi li għaddew minnhom ulied Mosija spiċċaw biex saħħewlhom il-fidi u l-impenn tagħhom minflok ma wassluhom biex joqogħdu jgergru jew jiddubitaw? Il-lezzjoni ewlenija hawnhekk hi li ”huma baqgħu dejjem jikbru fl-għarfien tal-verità; għaliex huma kienu nies ta’ ċertu għarfien u fittxew l-iskrittura b’ diliġenza, sabiex ikunu jafu l-kelma ta’ Alla.”14 Aħna lkoll inħabbtu wiċċna ma’ għadd ta’ sfidi u jkollna bosta mistoqsijiet, iżda ftakru li għandna nibqgħu ”kontinwament inżommu sod mal-bastun tal-ħadid.”15 ”Kliem Kristu jurina dak kollu li għandna nagħmlu.”16 Għandna naraw li l-istudju tal-iskrittura jsir parti integrali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, għaliex dan jiftaħ il-bibien tar-rivelazzjoni.

It-Talb, Flimkien mas-Sawm, Iwassal għar- Rivelazzjoni

Għal ulied Mosija, ”dan ma kienx kollox; huma ddedikaw ħafna ħin biex jitolbu, u jsumu; għalhekk huma kisbu l-ispirtu tal-profezija, u l-ispirtu tar-rivelazzjoni.”17 It-talb u s-sawm jagħtuna ċ-ċans nilqgħu s-suġġerimenti spiritwali. Li nikkomunikaw ma’ Missierna tas-Smewwiet, filwaqt li b’ għan speċifiku nibqgħu lura milli nieklu u nixorbu, jagħtina ċ-ċans li ”nħollu l-irbit tal-ħażen, u nqaċċatu x-xkiel tal-madmad.”18 It-talb, flimkien mas-sawm, iwassluna biex meta aħna ”nsejħulu, … il-Mulej iweġibna; … u meta nibku, … huwa jgħidilna, Hawn jien.”19

Duru Lejh

Dawn id-drawwiet reliġjużi personali—l-ubbidjenza, l-istudju tal-iskrittura, it-talb u s-sawm—saħħew l-ulied Mosija. In-nuqqas ta’ dawn l-istess drawwiet reliġjużi personali kien ir-raġuni ewlenija għalfejn Laman u Lemwel spiċċaw tant vulnerabbli għat-tentazzjoni li jibdew igergru u jiddubitaw.

Jekk intom tiġikom it-tentazzjoni li tgergru, jekk ikollkom ċerti dubji li jistgħu jwasslukom biex iddgħajfu l-fidi tagħkom, jekk l-isfidi tal-ħajja jidhru ferm aktar milli kapaċi ġġorru, duru lejh. Jekk intom fost dawk li tbegħidtu mill-Knisja jew spiċċajtu tiġġustifikaw ċerta mġieba, duru lejh. Tiftakru meta Hu ”wasslilkom il-paċi f’ moħħok … ? X’ xhieda akbar teħtieġu mix-xhieda tal-istess Alla”20 Staqsu lilkom infuskom, ”Ninsab illum viċin li ngħix bħal Kristu bħalma kont qabel?” Jekk jogħġobkom, duru lejh.

Ippermettuli nerġa’ lura għall-istorja personali tiegħi. Eventwalment bdejt inħoss li kelli nkun sinċier. Niftakar meta l-missjunarju li kien qed jgħallimni staqsieni jekk kontx lest biex nitgħammed. Jiena weġibtu li kien għad kelli xi mistoqsijiet. Dan il-missjunarju għaqli qalli li kien lest li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħi iżda li l-ewwel kelli nwieġeb jien il-mistoqsijiet tiegħu. Huwa staqsieni jekk il-Ktieb ta’ Mormon kienx vera u jekk Joseph Smith kienx verament profeta. Għedtlu li ma kontx naf, iżda xtaqt insir naf.

Il-mistoqsijiet tiegħi wassluni biex nikseb fidi akbar. Għalija, it-tweġiba ma kenitx xi avveniment ta’ mument iżda proċess. Innutajt li hekk kif jiena ”esperimentajt bil-kliem” u bdejt ”neżerċita daqsxejn fidi,” il-Ktieb ta’ Mormon sar ”għalija mill-aktar delizzjuż” u wassal biex ”dawwal l-għarfien tiegħi” u verament ”kabbar ruħi.” Eventwalment jiena esperjenzajt dak li l-iskrittura ssejjaħlu  bħala xi ħaġa tikber ġewwa fik.21 Kien hawnhekk li jiena wrejt ix-xewqa li nitgħammed u noffri ħajti għal Ġesù Kristu.

Jiena naf verament li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla. Naf li Joseph Smith kien verament profeta. Ovvjament, xorta waħda għad hemm xi ħwejjeġ li għadni ma nistax nifhem, iżda t-testimonjanza tiegħi tal-verità tressaqni aktar viċin tas-Salvatur u ssaħħaħ il-fidi tiegħi.

Ħuti, ftakru f’ Nefi u f’ ulied Mosija, li kellhom dawk l-esperjenzi spiritwali, imbagħad aġixxew bil-fidi biex talbhom ġie mwieġeb u l-fidi tagħhom issaħħet. Qabbluhom ma’ Laman u Lemwel, li ddubitaw u bdew igergru. Avolja xi kultant huma wettqu għemejjel tajbin, l-għemejjel biss mingħajr il-fidi ma jiswewx. Jeħtieġ li jkollna l-fidi u naġixxu skont dik il-fidi biex nirċievu tweġiba għal talbna.

Nittama li hekk kif dalgħodu intom smajtu kliemna l-Ispirtu xehed f’ moħħkom u f’ qalbkom xi ħaġa li jeħtieġ li intom tagħmlu biex il-mistoqsijiet tagħkom jiġu mwieġba jew biex permezz tal-ispirazzjoni intom issibu soluzzjoni għal xi problema li qed tħabbtu wiċċkom magħha. Jiena naqsam ix-xhieda solenni tiegħi li Ġesù hu l-Kristu. Duru lejh u talbkom jinstema’ żgur. F’ isem Ġesù Kristu, amen.