2010-2019
Nissaħħu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu
Ottubru 2015


Nissaħħu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu

Minħabba l-Att tal-Fidwa Tiegħu, is-Salvatur għandu l-qawwa li jassistina—jgħinna—f’ kull uġigħ u sofferenza mortali.

F’ din il-ħajja mortali aħna ċerti minn żewġ ħwejjeġ, il-mewt u t-toqol tad-dnub. L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu teqred l-effett ta’ dawn iż-żewġ ħwejjeġ ċerti fil-ħajja mortali. Iżda minbarra l-mewt u d-dnub, fil-ħajja mortali aħna għandna nħabbtu wiċċna ma’ diversi sfidi oħra. Minħabba dan l-istess Att tal-Fidwa, is-Salvatur tagħna jista’ jipprovdilna l-qawwa li neħtieġu biex negħlbu dawn l-isfidi mortali. Dan huwa s-suġġett tiegħi llum.

I.

Bosta rakkonti fl-iskrittura dwar l-Att tal-Fidwa jitkellmu dwar is-Salvatur ikisser l-irbit tal-mewt u s-sofferenza għal dnubietna. Fid-diskors tiegħu kif deskritt fil-Ktieb ta’ Mormon, Alma għallem dawn il-ħwejjeġ fundamentali. Iżda huwa pprovdielna wkoll l-aktar assigurazzjoni ċara li hemm fl-iskrittura li s-Salvatur esperjenza wkoll l-uġigħ u l-mard u s-sofferenza tal-poplu Tiegħu.

Alma ddeskriva din il-parti tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur: ”U hu għandu jmur, isofri kull tip ta’ uġigħ, tbatija u tiġrib; u dan sabiex iseħħ dak li hemm miktub li jgħid li hu se jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu” (Alma 7:11; ara wkoll 2 Nephi 9:21).

Aħsbu ftit dwar dan! Fl-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, Huwa sofra ”kull tip ta’ uġigħ, tbatija u tiġrib.” Kif spjega l-President Boyd K. Packer: ”Huwa ma kellu għalfejn iħallas l-ebda dejn. Huwa ma għamel xejn ħażin. Madankollu, Huwa esperjenza kollox—akkumulazzjoni sħiħa ta’ kull ħtija, il-mard u n-niket, l-uġigħ u l-umiljazzjoni, kull tip ta’ tbatija mentali, emozzjonali u fiżika.”1

Għalfejn Huwa sofra dawn l-isfidi mortali kollha, ”ta’ kull tip”? Alma spjega, ”U huwa jieħu fuqu s-sofferenza tal-poplu Tiegħu, sabiex jimtela bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli huwa jkun jaf, skont il-ġisem, kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom” (Alma 7:12).

Per eżempju, l-Appostlu Pawlu ddikjara li peress li s-Salvatur ”hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.” (Lhud 2:18). Bl-istess mod, il-President James E. Faust għallem, ”Peress li s-Salvatur sofra kollox u kull ħaġa li aħna qatt nistgħu nħossu jew nesperjenzaw, Huwa jista’ jgħin lid-dgħajfin jiksbu l-qawwa.”2

Is-Salvatur tagħna esperjenza u sofra l-milja tal-isfidi mortali kollha ”skont il-ġisem” ħalli Huwa jkun jaf ”skont il-ġisem” kif ”jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom.” Għalhekk Huwa jaf it-taqbid tagħna, l-uġigħ il-qalb li jkollna, it-tiġrib tagħna u s-sofferenza tagħna, għaliex minn jeddu Huwa esperjenza dan kollu bħala parti essenzjali mill-Att tal-Fidwa Tiegħu. U minħabba f’ hekk, l-Att tal-Fidwa Tiegħu jagħtih il-qawwa biex jgħinna—li jagħtina l-qawwa nikkumbattu dak kollu li jkollna quddiemna.

II.

Filwaqt li t-tagħlim ta’ Alma fis-seba’ kapitlu huwa l-aktar skrittura ċara fost l-iskrittura kollha dwar din il-qawwa essenzjali tal-Att tal-Fidwa, dan it-tagħlim jinsab mgħallem ukoll tul l-iskrittura mqaddsa kollha.

Fil-bidu tal-ministeru Tiegħu, Ġesù spjega li Huwa kien ntbagħat ”idewwi l-qalb miksura” (Luqa 4:18). Il-Bibbja spiss tkellimna dwar li Huwa fejjaq lin-nies ”mill-mard tagħhom” (Luqa 5:15; 7:21). Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem li Huwa fejjaq lil dawk ”li kienu qed isofru kull tip ta’ tbatija” (3 Nephi 17:9). L-Evanġelju ta’ Mattew jispjega li Ġesù fejjaq lin-nies ”biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: ‘Hu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna” (Mattew 8:17).

Isaija għallem li l-Messija kien se jitgħabba bil-”mard” u n-”niket” tagħna (Isaija 53:4). Isaija għallem ukoll li Huwa se jsaħħaħna: ”La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien: Jiena nwettqek, jiena ngħinek” (Isaija 41:10).

B’hekk, aħna nkantaw:

Tibżax, jiena miegħek; dik qalbek la taqtax,

Għax jien Alla tiegħek, jien ngħinek tinkwetax.

Insaħħek, u ngħinek biex wieqaf sod tkun, …

B’ idi l-omnipotenti inżommok jien fiż-żgur.3

Waqt li beda jitkellem dwar xi wħud mill-isfidi mortali tiegħu, l-Appostlu Pawlu kiteb, ”għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ Kristu li jqawwini” (Filippin 4:13).

U b’ hekk nistgħu naraw li minħabba l-Att tal-Fidwa Tiegħu, is-Salvatur għandu l-qawwa li jgħinna f’ kull uġigħ u sofferenza mortali. Xi kultant il-qawwa Tiegħu tfejjaq xi mard li jista’ jkollna, iżda l-iskrittura u l-esperjenzi tagħna jgħallmuna li xi kultant Huwa jgħinna billi jagħtina l-qawwa jew il-paċenzja li nikkumbattu s-sofferenza tagħna.4

III.

X’ inhu dan l-uġigħ u l-mard u din is-sofferenza li s-Salvatur esperjenza u sofra?

Immaġni
Nisa jsofru

Aħna lkoll nesperjenzaw uġigħ u sofferenza u mard f’ xi mument jew ieħor. Minbarra dak li nesperjenzaw minħabba dnubietna, il-ħajja mortali hi mimlija taqbid u uġigħ il-qalb kontinwu u sofferenza kontinwa.

Immaġni
Iżuru l-isptar

Aħna u l-maħbubin tagħna nsofru minħabba l-mard. Xi darba jew oħra lkoll kemm aħna nesperjenzaw ukoll ċertu uġigħ minħabba ġrieħi trawmatiċi jew minħabba xi diffikultajiet fiżiċi jew mentali. Ilkoll kemm aħna soffrejna u esperjenzajna dulur f’ ħajjitna minħabba l-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalina. Ilkoll kemm aħna nesperjenzaw il-falliment fir-responsabbiltajiet personali tagħna, fir-relazzjonijiet tagħna fil-familja jew fix-xogħol tagħna.

Immaġni
Ġenituri inkwetati

Meta l-persuna li lilha miżżewġin jew inkella wliedna ma jaċċettawx dak li aħna nafu li hu veru u joħorġu mit-triq tas-sewwa, aħna nesperjenzaw ċertu uġigħ partikolari minħabba l-istress, l-istess bħall-missier l-iben il-ħali fil-parabbola memorabbli ta’ Ġesù (ara Luqa 15:11–32).

Kif iddikjara s-Salmista, ”Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej” (Salm 34:19).

B’ hekk, dan l-innu tagħna jitkellem dwar din l-assigurazzjoni vera: ”M’hawn l-ebda niket fid-dinja li s-sema ma tistax tfejjaq.”5 Dak li jfejjaqna huwa s-Salvatur tagħna u l-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Immaġni
Żgħażagħ jittrattaw ħażin lill-oħrajn

Għaż-żgħażagħ huwa partikolarment diffiċli s-sentiment li huma jafu jistgħu jiġu mwarrbin, meta sħabhom ikunu jidhru li qed jieħdu gost flimkien f’ relazzjonijiet u attivitajiet sbieħ u deliberatament iħalluhom barra. Ċerti preġudizzji razzjali u etniċi jistgħu jwasslu wkoll biex ċerti żgħażagħ u adulti jitwarrbu. Il-ħajja mimlija sfidi oħra, bħall-qgħad jew ċerti sfidi oħra fil-pjanijiet tagħna.

Immaġni
Tifel b’ diżabbiltà ma’ missieru

Jiena għadni qed nitkellem dwar is-sofferenza mortali li mhijiex riżultat ta’ dnubietna. Xi wħud jitwieldu b’ xi diżabiltà fiżika jew mentali li twassal għas-sofferenza personali, kemm għalihom kif ukoll għal dawk li jħobbuhom u jieħdu ħsiebhom. Għal ħafna, minħabba l-mard tad-dipressjoni jesperjenzaw bosta uġigħ u jispiċċaw inkapaċi f’ ħafna ħwejjeġ b’ mod permanenti. Sofferenza oħra li twassal għal ħafna uġigħ hija ċ-ċirkustanza li persuna tibqa’ ma tiżżewwiġx. Dawk li qed issofru minħabba din iċ-ċirkustanza għandkom tiftakru li s-Salvatur esperjenza dan it-tip ta’ uġigħ ukoll u li, permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, Huwa joffrilkom il-qawwa li tiffaċċjawha.

Ftit huma d-diżabiltajiet li jagħmlu ħsara akbar lill-ħajja temporali u spiritwali tagħna mill-vizzji. Uħud minn dawn, bħall-vizzji tal-pornografija jew tad-drogi, ħafna drabi huma kawża ta’ mġieba ħażina. Anke meta nkunu ndimna mill-imġieba tagħna, il-vizzju jaf jibqa’ hemm. Dan il-vizzju li jġibna f’ ċertu sens inkapaċi jista’ jittaffa permezz tal-qawwa deċiżiva li jagħtina s-Salvatur. L-istess l-isfida severa li jesperjenzaw dawk li jintbagħtu l-ħabs minħabba xi att kriminali. Ittra riċenti tixhed dwar il-qawwa li jista’ jikseb anke xi ħadd li jinsab f’ din iċ-ċirkustanza: ”Jiena naf li s-Salvatur tagħna jinsab jimxi f’ dawn is-swali, u ħafna drabi jiena ħassejt l-imħabba ta’ Kristu bejn dawn il-ħitan tal-ħabs.”6

Immaġni
Raġel f’ ħabs

Kemm togħġobni t-testimonjanza tal-poetessa u ħabiba Emma Lou Thayne. Permezz ta’ kliem li issa nkantawh bħala innu, hija kitbet:

Fejn nista’ nsib il-sliem?

Fejn hu l-faraġ tiegħi

Meta f’ sorsi oħra ma nsibx il-ferħ?

Meta b’ qalb imġarrba, rabja jew ħażen,

Nintelaq waħdi,

Nevalwa ruħi?

Fejn, meta l-uġigħ jikber,

Fejn, meta nibqa’ nkarkar,

Fejn, meta rrid inkun naf, fejn nista’ mmur?

Fejn hi l-id siekta biex tikkalma d-diqa f’ qalbi?

Min, min jista’ jifhem?

Hu, l-uniku Wieħed.7

Immaġni
statwa tal-Kristus

IV.

Min jista’ jiġi mgħejun u msaħħaħ permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu? Alma għallem li s-Salvatur se jieħu fuqu ”l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu” u “jgħin lill-poplu tiegħu” (Alma 7:11,12; enfażi miżjuda). Min hu l-”poplu tiegħu” f’ din il-wegħda? Tgħid in-nies mortali kollha—dawk kollha li jgawdu r-realtà tal-qawmien mill-imwiet permezz tal-Att tal-Fidwa? Jew huma biss dawk il-ftit qaddejja magħżula li jikkwalifikaw ruħhom permezz tal-ordinanzi u l-patti?

Il-kelma poplu għandha diversi tifsiriet fl-iskrittura. It-tifsira l-aktar xierqa għat-tagħlim li s-Salvatur se jgħin lill-”poplu tiegħu” hija t-tifsira li Ammonin uża meta huwa għallem li ”Alla konxju ta’ kull poplu, ġej mil-liema pajjiż ġej” (Alma 26:37). Dan huwa wkoll dak li riedu jfissru l-anġli meta huma ħabbru t-twelid ta’ Kristu tarbija: ”Inħabbrukom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (Luqa 2:10).

Minħabba l-esperjenza Tiegħu tal-Att tal-Fidwa fil-mortalità, is-Salvatur hu kapaċi jfarraġ, ifejjaq u jsaħħaħ lill-bnedmin kollha ma’ kullimkien, iżda jiena nemmen li Huwa jista’ jagħmel dan biss għal dawk li jfittxuh jew jitolbu għall-għajnuna Tiegħu. L-Appostlu Ġakbu għallem ”Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.” (Ġakbu 4:10). Aħna nikkwalifikaw għal dik il-barka meta nemmnu fih u nitolbu għall-għajnuna Tiegħu.

Hawn miljuni ta’ nies li jgħixu bil-biża’ ta’ Alla li jitolbu lil Alla sabiex jerfagħhom minn qalb is-sofferenza tagħhom. Is-Salvatur tagħna żvela li Huwa ”niżel ’l isfel minn kollox” (D&C 88:6). Kif għallem il-Presbiteru Neal A. Maxwell, ”Meta ’niżel ’l isfel minn kollox,’ Huwa fehem, b’ mod perfett u personali, il-milja sħiħa tas-sofferenza umana.”8 Nistgħu ngħidu wkoll li għaliex niżel ’l isfel minn kollox, Huwa jinsab fil-pożizzjoni ideali li jerfagħna u jagħtina l-qawwa li nibqgħu sodi qalb is-sofferenza tagħna. Jeħtieġ biss li aħna nitolbuh.

Immaġni
Familja madwar il-mejda

Bosta drabi fir-rivelazzjoni moderna, il-Mulej iddikjara, ”Għalhekk, jekk titolbuni intom tirċievu; jekk tħabbtu jinfetħilkom” (per eżempju, D&C 6:5; 11:5; ara wkoll Mattew 7:7). Verament, minħabba l-imħabba universali Tagħhom, Missierna tas-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, jisimgħu u jwieġbu t-talb ta’ dawk kollha li jersqu lejhom bil-fidi. Kif kiteb l-Appostlu Pawlu, ”It-tama tagħna hi f’Alla l-ħaj, li hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha, l-aktar ta’ dawk li jemmnu” (1 Timotju 4:10).

Jiena naf li dan kollu hu minnu. Li jagħmel għalina l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna hu ferm aktar milli jiżgurana dwar l-immortalità tagħna permezz tar-reżurezzjoni universali u jipprovdilna l-opportunità li nitnaddfu mid-dnub permezz tal-indiema u l-magħmudija. L-Att tal-Fidwa Tiegħu jipprovdilna wkoll l-opportunità li nduru lejn Dak li esperjenza s-sofferenza kollha li aħna nesperjenzaw fil-ħajja mortali tagħna u jagħtina l-qawwa li nġorru tagħbija tal-mortalità. Huwa jaf bid-diqa ta’ qalb tagħna, u jinsab hemm biex jgħinna. Bħas-Samaritan it-Tajjeb, meta huwa jarana midruba mal-ġenb tat-triq, Huwa jinfaxxa l-ġrieħi tagħna u jieħu ħsiebna (ara Luqa 10:34). Il-fejqan u l-qawwa li ssaħħaħna ta’ Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu hija disponibbli għalina lkoll li nitolbuh. Jiena nixhed dwar dan kif nixhed ukoll dwar is-Salvatur tagħna, li jagħmel dan kollu possibbli.

Għad jasal jum meta s-sofferenza kollha li nesperjenzaw fil-ħajja mortali tagħna tgħaddi u ma jkunx hemm aktar uġigħ (ara Rivelazzjoni 21:4). Nitlob li aħna lkoll nifhmu t-tama u l-qawwa tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna: l-assigurazzjoni tal-immortalità, l-opportunità għall-ħajja eterna, u l-qawwa li ssostnina li nistgħu nirċievu jekk aħna nitolbuh, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Boyd K. Packer, “The Savior’s Selfless and Sacred Sacrifice,” Liahona, Apr. 2015, 38.

  2. James E. Faust, “The Atonement: Our Greatest Hope,” Liahona, Jan. 2002, 22.

  3. “X’ Sisien Sodi Ferm,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 6.

  4. Ara, b’ mod ġenerali, Jeffrey R. Holland, Christ and the New Covenant: The Messianic Message of the Book of Mormon (1997), 223–34; David A. Bednar, “The Atonement and the Journey of Mortality,” Liahona, Apr. 2012, 12–19; Bruce C. Hafen and Marie K. Hafen, “‘Fear Not, I Am with Thee’: The Redeeming, Strengthening, and Perfecting Blessings of Christ’s Atonement,” Religious Educator, vol. 16, no. 1 (2015), 11–31, speċjalment 18–25; Tad R. Callister, The Infinite Atonement (2000), 206–10.

  5. “Come, Ye Disconsolate,” Hymns, nu. 115.

  6. Minn ittra tal-2014 li rċieva l-Isqof Bobby O. Hales, li jieħu ħsieb il-Fergħa ta’ Henry fil-Faċilità Korrettiva taċ-Ċentru ta’ Utah.

  7. ”Fejn Nista’ Nsib il-Sliem?” Hymns, no. 129.

  8. Neal A. Maxwell, “Apply the Atoning Blood of Christ,” Ensign, Nov. 1997, 23.