2010-2019
”Magħżulin biex Ikunu Xhieda ta’ Ismi”
Ottubru 2015


”Magħżulin biex Ikunu Xhieda ta’ Ismi”

Hija ħaġa verament sabiħa li jkollok irġiel anzjani li huma verament maturi spiritwalment u kapaċi jiġġudikaw b’ mod xieraq li jservu f’ pożizzjonijiet ogħla tat-tmexxija tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu.

Fl-1996, il-President Gordon B. Hinckley deher fuq il-programm tal-aħbarijiet 60 Minutes fuq it-televiżjoni nazzjonali. Mike Wallace, ġurnalist ta’ esperjenza u tenaċi, intervista lill-President Hinckley dwar numru ta’ suġġetti importanti.

Fi tmiem il-konverżazzjoni tagħhom, is-Sur Wallace irrimarka ”Hemm dawk li jgħidu, ’Din hija ġerontokrazija. Din hija knisja mmexxija minn irġiel anzjani.’”

Il-President Hinckley wieġeb b’ ferħ u mingħajr eżitazzjoni, ”Mhijiex ħaġa sabiħa li jkollok raġel matur fit-tmexxija, raġel li kapaċi jiġġudika tajjeb li ma jiżżeffinx ma’ kull duttrina li jisma’?” (imxandar fis-7 ta’ April, 1996).

L-għan tiegħi hu li nispjega għalfejn verament hija ħaġa sabiħa li jkollok irġiel anzjani, li huma verament maturi spiritwalment u kapaċi jiġġudikaw b’ mod xieraq, li jservu f’ pożizzjonijiet ogħla tat-tmexxija tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu—u għalfejn għandna bżonn nisimgħu u nagħtu kas (ara Mosiah 2:9) tat-tagħlim ta’ dawn l-irġiel li l-Mulej ”għażel biex ikunu xhieda ta’ ismu … fost il-ġnus, ir-razez, l-ilsna u l-popli kollha” (D&C 112:1).

Nitlob li lkoll kemm aħna niġu mgħallmin mill-Ispirtu s-Santu hekk kif aħna nikkunsidraw flimkien dan is-suġġett sinifikanti.

Lezzjoni għal Ħajjitna

Jiena se nittratta dan is-suġġett ċertament minn perspettiva distintiva. Għal dawn l-aħħar 11-il sena, jiena kont l-iżgħar membru tal-Kworum tat-Tnax f’ terminu kronoloġiku skont l-età. Tul is-snin tiegħi ta’ servizz, l-età medja tal-irġiel li jservu fl-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu kienet ta’ 77 sena—l-ixjeħ età medja tal-Appostli f’ medda ta’ 11-il sena f’ din id-dispensazzjoni.

Jiena ġejt imbierek bl-esperjenza u d-dehen kollettiv appostoliku, ekkleżjastiku, personali u professjonali tal-membri tal-kworum li magħhom jiena nservi. Eżempju partikolari mill-assoċjazzjoni tiegħi mal-Presbiteru Robert D. Hales turi b’ mod ċar l-opportunitajiet meraviljużi li jien kelli għax kelli ċ-ċans li nitgħallem minn dawn il-mexxejja u nservi magħhom.

Bosta snin ilu jiena qattajt il-Ħadd wara nofsinhar flimkien mal-Presbiteru Hales fid-dar tiegħu hekk kif huwa kien qed jirkupra minn marda serja. Iddiskutejna flimkien il-familji tagħna, ir-responsabbiltajiet tagħna fil-kworum u ċerti esperjenzi importanti.

F’ ħin minnhom jiena staqsejt lill-Presbiteru Hales, ”Inti bniedem li rnexxejt bħala raġel miżżewweġ, missier, atleta, negozjant u mexxej tal-Knisja. X’ lezzjonijiet tgħallimt inti hekk kif bdejt tixjieħ u bdiet tonqsok l-enerġija u l-kapaċità fiżika?

Il-Presbiteru Hales waqaf għal ftit u wieġeb, ”Meta ma tkunx tista’ tkompli twettaq dak li dejjem kont twettaq qabel, allura wettaq biss dak li hu l-aktar neċessarju.”

Laqtitni ferm it-tweġiba sempliċi iżda komprensiva tiegħu. Il-kollega għażiż tiegħi fl-appostolat qasam miegħi llezzjoni għal ħajti—lezzjoni li hija riżultat tal-provi mill-aktar diffiċli tas-sofferenza fiżika u t-tfittxija tiegħu għall-ħwejjeġ spiritwali.

Il-Limitazzjonijiet u d-Debbolizzi Umani

Il-limitazzjonijiet fiżiċi u mentali li huma l-konsegwenzi naturali ta’ meta aħna nixjieħu jistgħu fil-fatt isiru sorsi meraviljużi ta’ tagħlim u dehen spiritwali. L-istess fatturi li ħafna jemmnu li jistgħu jillimitaw kemm dawn il-qaddejja kapaċi jibqgħu attivi jistgħu fil-fatt isiru l-akbar forza tagħhom. Ir-restrizzjoni fiżika tista’ tespandi l-għarfien. In-nuqqas ta’ stamina tista’ twassal biex jiġu ċċarati l-prioritajiet. L-innabiltà li nwettqu bosta ħwejjeġ tista’ twassal biex aħna niffukaw fuq l-aktar ħwejjeġ importanti.

Xi nies issuġġerixxew li hemm bżonn li l-mexxejja fil-Knisja għandhom ikunu iżgħar u b’ aktar enerġija sabiex jindirizzaw b’ mod effettiv l-isfidi serji tad-dinja moderna tagħna. Iżda fejn tidħol it-tmexxija l-Mulej ma jużax filosofiji u drawwiet kontemporanji biex iwettaq l-għanijiet Tiegħu (ara Isaija 55:8–9). Nistennew li l-President u l-mexxejja anzjani oħra tal-Knisja jkunu irġiel mimlijin bl-età u bl-ispirtwalità.

Il-mod żvelat mill-Mulej kif aħna għandna mmexxu l-kunsilli fil-Knisja Tiegħu hu mfassal biex jipprovdi għad-debbolizzi umani u jgħin biex inaqqas l-effett tagħhom. Interessanti l-fatt li l-limitazzjonijiet mortali ta’ dawn l-irġiel fil-fatt jaffermaw is-sors divin tar-rivelazzjonijiet li aħna nirċievu permezz tagħhom. Verament, dawn l-irġiel huma msejħin minn Alla permezz tal-profezija (ara Artikli tal-Fidi 1:5).

Mudell ta’ Tħejjija

Jiena osservajt f’ dawn l-Aħwa ta’ lanqas parti mill-għan tal-Mulej li jkollu rġiel ixjeħ mimlijin maturità u sens ta’ ġudizzju biex iservu f’ pożizzjonijiet ewlenin ta’ tmexxija fil-Knisja. Dawn l-irġiel għaddew ħajjithom jitħarrġu mill-Mulej, li lilu jirrappreżentaw, jaqdu u jħobbu. Huma tgħallmu jifhmu l-lingwa divina tal-Ispirtu s-Santu u l-mudell li l-Mulej juża biex huma jiksbu r-rivelazzjoni. Dawn l-irġiel ordinarji għaddew mill-aktar proċess ta’ żvilupp straordinarju li fassal il-mod kif huma jaħsbuha, kattar id-dehen tagħhom, nissel fihom imħabba għal nies minn kull ġens u minn kull ċirkustanza tal-ħajja, u tahom il-konvinzjoni dwar ir-realtà tar-Restawrazzjoni.

Jiena rajt b’ għajnejja għal bosta drabi lil dawn l-Aħwa jagħmlu dak kollu li jistgħu biex b’ diliġenza huma jwettqu u jkabbru r-responsabbiltajiet tagħhom minkejja li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi fiżiċi serji. Dawn l-irġiel mhumiex eżentati mis-sofferenza. Pjuttost, huma mberkin u msaħħin sabiex jibqgħu mexjin ’il quddiem b’ kuraġġ waqt li jkunu qed isofru.

Fiż-żmien li għaddejt inservi flimkien ma’ dawn ir-rappreżentanti tal-Mulej, sirt konxju li x-xewqa kbira tagħhom hi li jagħrfu u jagħmlu r-rieda ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu l-Għażiż. Hekk kif aħna kkunsilljajna flimkien, aħna rċevejna l-ispirazzjoni u ħadna deċiżjonijiet li kienu juru li aħna rċevejna ammont ta’ dawl u verità lil hinn minn kull intelliġenza, raġuni u esperjenza umana. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu l-għarfien kollettiv tagħna dwar xi ħaġa partikolari kiber b’ mod li ma konniex nistennew hekk kif aħna ħdima flimkien f’ unità dwar ċerti problemi diffiċli.

Jiena nħossni mbierek li kuljum jien għandi ċ-ċans li nosserva l-personalitajiet u l-kapaċitajiet individwali u l-karattru nobbli ta’ dawn il-mexxejja. Xi nies jafu jinkeddu minħabba n-nuqqasijiet umani tal-Aħwa u minħabba fihom taf anke tonqsilhom il-fidi. Lili dawn l-imperfezzjonijiet jinkuraġġuni u jkabbruli l-fidi.

Lezzjoni Addizzjonali

Sal-lum jiena rajt sitta minn dawn Ħuti jirċievu trasferiment permezz tal-mewt fiżika għal responsabbiltajiet ġodda fid-dinja tal-ispirti: Il-President James E. Faust, il-President Gordon B. Hinckley, il-Presbiteru Joseph B. Wirthlin, il-Presbiteru L. Tom Perry, il-President Boyd K. Packer u l-Presbiteru Richard G. Scott.

Dawn l-Aħwa qalbiena ddedikaw ”ruħhom kollha” (Omni 1:26) biex jixhdu dwar l-isem ta’ Ġesù Kristu fid-dinja kollha. L-ammont ta’ tagħlim tagħhom huwa wieħed imprezzabbli.

Dawn il-qaddejja qasmu magħna fl-aħħar snin tal-ministeru tagħhom summarji spiritwali kollha qawwa ta’ lezzjonijiet li huma tgħallmu tul id-diċenji ta’ servizz ikkonsagrat. Dawn il-mexxejja qasmu magħna veritajiet ta’ valur kbir fi żmien meta xi wħud jaħsbu li ftit li xejn għandhom x’ joffru.

Ikkunsidraw it-tagħlim finali tal-profeti kbar li nsibu fl-iskrittura. Per eżempju, Nefi jagħlaq il-kitba tiegħu b’ dan il-kliem: ”Għax dan ikkmandani l-Mulej, u jien jeħtieġ li nobdi” (2 Nephi 33:15).

Meta kien riesaq lejn it-tmien ta’ ħajtu, Ġakobb widdeb:

”Indmu, u idħlu mix-xatba stretta, u komplu fit-triq li hija dejqa sakemm tiksbu l-ħajja eterna.

”Kunu għaqlin; x’ nista’ ngħidilkom aktar?” (Jacob 6:11–12).

Moroni temm il-ħidma tiegħu li jħejji l-pjanċi b’ antiċipazzjoni mimlija tama tal-Qawmien mill-Imwiet: ”Jiena dalwaqt se mmur nistrieħ fil-ġenna ta’ Alla, sakemm l-ispirtu u l-ġisem tiegħi jerġgħu jingħaqdu flimkien, u jiena nerġa’ ninġieb b’ mod trijonfanti fis-sħab biex niltaqa’ magħkom quddiem l-iżbarra ħelwa ta’ Ġehova l-kbir, l-Imħallef Etern tal-ħajjin u l-mejtin” (Moroni 10:34).

Jiena u intom aħna mberkin li nistgħu nitgħallmu mill-aħħar tagħlim u t-testimonjanzi tal-profeti u appostli tal-aħħar jiem. L-ismijiet tal-lum mhumiex Nefi, Ġakobb u Moroni—iżda l-President Faust, il-President Hinckley, il-Presbiteru Wirthlin, il-Presbiteru Perry, il-President Packer u l-Presbiteru Scott.

Mhux qed nissuġġerixxi li l-aħħar messaġġi ta’ dawn l-irġiel maħbubin huma neċessarjament l-aktar messaġġi sinifikanti jew importanti tal-ministeru tagħhom. Madankollu, l-akkumulazzjoni tat-tagħlim spiritwali tagħhom u l-esperjenzi li kellhom f’ ħajjithom wasslu biex dawn il-mexxejja jenfasizaw il-veritajiet eterni b’ awtentiċità assoluta u qawwa kbira.

Immaġni
Il-President James E. Faust

Fl-aħħar indirizz li huwa ta waqt il-konferenza ġenerali ta’ April tal-2007, il-President Faust iddikjara:

”Is-Salvatur offra lilna lkoll sliem prezzjuż permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, iżda dan nistgħu niksbuh biss hekk kif aħna nkunu lesti li nwarrbu minn ġo fina s-sentimenti negattivi ta’ rabja, inkejja jew vendetta. …

”Ejjew niftakru li aħna neħtieġu li naħfru biex niġu maħfura.  ...B’ qalbi u ruħi kollha, jiena nemmen fil-qawwa li tfejjaq li nistgħu niksbuha jekk aħna nimxu wara l-kunsill tas-Salvatur ’li naħfru lil kull bniedem’ [D&C 64:10]” (“The Healing Power of Forgiveness,” Liahona, Mejju 2007, 69).

Il-messaġġ tal-President Faust huwa lezzjoni qawwija riżultat ta’ ħajja twila ta’ wieħed mill-aktar nies li jafu jaħfru li jiena qatt iltqajt magħhom.

Immaġni
Il-President Gordon B. Hinckley

Il-President Hinckley xehed fl-aħħar konferenza ġenerali tiegħu f’ Ottubru, 2007: ”Jiena nafferma x-xhieda tiegħi tas-sejħa tal-Profeta Joseph, tal-ħidma tiegħu, tas-siġill tat-t-testimonjanza tiegħu permezz ta’ demmu bħala martri għall-verità eterna. … Jiena u intom niffaċċjaw il-mistoqsija mill-aktar importanti li naċċettaw il-verità tal-Ewwel Viżjoni u dak kollu li ġie warajha. Fuq il-mistoqsija ta’ din ir-realtà tinsab il-validità kollha ta’ din il-Knisja. Jekk hija vera, u jiena nixhed li hekk hu, mela l-ħidma li aħna nagħmlu parti minnha hija l-aktar ħidma importanti fid-dinja” (“The Stone Cut Out of the Mountain,” Liahona, Nov. 2007, 86).

Ix-xhieda tal-President Hinckley tafferma l-lezzjoni qawwija li ġejja minn ħajja twila minn raġel li jiena nħobb u naf li kien profeta ta’ Alla.

Immaġni
Il-Presbiteru Joseph B. Wirthlin

Il-Presbiteru Wirthlin wassal l-aħħar messaġġ tiegħu fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru tal-2008.

”Għadni niftakar il-parir li tagħtni ommi f’ dak il-jum, bosta snin ilu, meta t-tim favorit tiegħi tilef logħba futbol: ’Jiġri x’ jiġri ħu gost.’

“… L-avversità, jekk niffaċċjawha b’ mod xieraq, tista’ tkun barka f’ ħajjitna. …

”Hekk kif aħna nħarsu lejha b’ umoriżmu, infittxu l-perspettiva eterna, nifhmu l-prinċipju tal-kumpens, u nersqu viċin Missierna tas-Smewwiet, aħna nkunu kapaċi nikkumbattu t-tbatija u l-isfidi tal-ħajja. Nistgħu ngħidu, kif għamlet ommi, ’Jiġri x’ jiġri, ħu gost’” (“Come What May, and Love It,” Liahona, Nov. 2008, 28).

Il-messaġġ tal-Presbiteru Wirthlin huwa lezzjoni qawwija li ġejja minn ħajja twila ta’ raġel li kien priedka ħajja ta’ kif aħna nistgħu negħlbu d-diffikultajiet permezz tal-fidi fis-Salvatur.

Immaġni
Il-Presbiteru L. Tom Perry

Kien biss sitt xhur ilu li l-Presbiteru Perry kien jinsab wieqaf quddiem dan il-pulptu. F’ dak iż-żmien, ma mmaġinajniex li t-testimonjanza tiegħu kienet se tkun l-aħħar waħda li kien se jagħti fil-konferenza ġenerali.

”Se nagħlaq billi nixhed (u disgħin sena ngħix f’ din id-dinja żgur jikkwalifikawni biex ngħid dan) li aktar ma nixjieħ aktar nirrealizza li l-familja hija ċ-ċentru tal-ħajja u hija l-aktar ħaġa importanti għall-hena eterna.

”Jiena grat għal marti, għal uliedi u għan-neputijiet tiegħi, u għat-tfal tan-neputijiet, u  … għall-membri tal-familja estiża tiegħi li għamluli ħajti verament sabiħa u, iva, saħansitra waħda eterna. Dwar din il-verità eterna jiena nagħti x-xhieda qawwija u mill-aktar sagra tiegħi” (“Why Family and Marriage Matter—Everywhere in the World,” Liahona, Mejju 2015, 42).

Il-messaġġ tal-Presbiteru Perry huwa lezzjoni qawwija li ġejja minn ħajja twila ta’ raġel li fehem sew permezz tal-esperjenza vasta tiegħu r-relazzjoni essenzjali bejn il-familja u l-ferħ etern.

Immaġni
Il-President Boyd K. Packer

Il-President Packer enfasizza fil-konferenza ġenerali ta’ sitt xhur ilu l-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna, l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur u l-familji eterni:

”Jiena nagħti xhieda li Ġesù hu l-Kristu u l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Huwa jinsab wieqaf f’ ras il-Knisja. Permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu u tal-qawwa tas-saċerdozju, il-familji li jibdew hawn fil-mortalità jistgħu jkunu flimkien tul l-eternità kollha. …

”Jiena verament grat għall- … Att tal-Fidwa li jista’ jnaddaf kull tebgħa, irrelevanti kemm hi diffiċli, kemm domna għaddejjin biha jew kemm-il darba ġiet ripetuta. L-Att tal-Fidwa jista’ jerġa’ jeħliskom biex timxu ’l quddiem, indaf u denji” (“The Plan of Happiness,” Liahona, May 2015, 28).

Il-messaġġ finali tal-President Packer hu lezzjoni qawwija li ġejja minn ħajja twila ta’ raġel li kontinwament u bla tlaqliq iddikjara li l-iskop aħħari ”ta’ kull attività fil-Knisja hu li naraw lil kull raġel u mara kuntenti flimkien ma’ wliedhom bħala familja, issiġillati għall-din il-ħajja u għall-eternità” ( Liahona, Mejju 2015, 26).

Immaġni
Il-Presbiteru Richard G. Scott

Il-Presbiteru Scott iddikjara fl-aħħar diskors tiegħu mill-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2014: ”Aħna ġejna f’ din il-ħajja mortali preċiżament biex nikbru permezz ta’ dawn l-isfidi u l-provi. L-isfidi jgħinuna nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jagħmilha possibbli li aħna nikkumbattu dawn l-isfidi. Jiena nixhed li hekk kif immorru għandu b’ mod attiv, aħna nkunu kapaċi niffaċċjaw kull tentazzjoni, kull uġigħ il-qalb u kull sfida” (“Make the Exercise of Faith Your First Priority,” Liahona, Nov. 2014, 94).

Il-messaġġ tal-Presbiteru Scott huwa lezzjoni qawwija riżultat ta’ ħajja twila ta’ raġel li jiena nħobb u li hu xhud speċjali u maħbub tal-isem ta’ Kristu madwar id-dinja (ara D&C 107:23).

Wegħda u Testimonjanza

Is-Salvatur iddikjara ”Kemm jekk permezz ta’ leħni, kemm ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.” (D&C 1:38). Jalla nisimgħu u nagħtu kas tal-veritajiet eterni kif mgħallmin mir-rappreżentanti awtorizzati tal-Mulej. Hekk kif nagħmlu dan, jiena nwiegħed li l-fidi tagħna f’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu tissaħħaħ, u aħna nirċievu gwida u protezzjoni spiritwali għaċ-ċirkustanzi u l-bżonnijiet speċifiċi tagħna.

Bil-qawwa kollha ta’ ruħi, jiena nixhed li Kristu l-Ħaj imexxi l-ħidma tal-Knisja rrestawrata u ħajja Tiegħu permezz tal-qaddejja Tiegħu li ġew magħżulin biex ikunu xhieda ta’ ismu. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.