2010-2019
Għajnejn biex Jaraw, u Widnejn biex Jisimgħu
Ottubru 2015


Għajnejn biex Jaraw, u Widnejn biex Jisimgħu

Jekk aħna nitfgħu ħarsitna lejn Kristu u niftħu għajnejna u widnejna, l-Ispirtu s-Santu jberikna sabiex naraw il-Mulej Ġesù Kristu jaħdem f’ ħajjitna.

Fil-ministeru mortali Tiegħu, Ġesù wettaq bosta mirakli ta’ fejqan u għallem b’ tant awtorità u qawwa li l-iskrittura tgħid, ”Il-fama tiegħu xterdet mas-Sirja kollha u bdew imorru warajh folol kbar.”1

Xi wħud li rawh ifejjaq u semgħuh jgħallem ma laqgħuhx. Oħrajn imxew warajh għal xi żmien iżda mbagħad ma baqgħux aktar jimxu miegħu.2 Il-Mulej Ġesù Kristu kien jinsab hemm quddiemhom, iżda huma ma rawx min verament kien. Huma kienu għomja, u għażlu li jmorru lura. Dwarhom, Ġesù qal:

”Jiena ġejt għand niesi, u niesi ma laqgħunix.”3

”Kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom u għalqu għajnejhom.”4

Madankollu, kien hemm bosta rġiel u nisa, fosthom l-Appostli fidili Tiegħu, li ħajjithom kienet iċċentrata fuqu. Għalkemm huma ssieltu ma’ kull distrazzjoni li ħabbtu wiċċhom magħha, u tħawdu b’ dak li Huwa għallem u saħansitra mtlew bil-biża’, huma emmnu fih, ħabbewh u mxew warajh.

Dwarhom, Ġesù qal, ”Henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.”5

Ftit qabel is-sofferenza Tiegħu fil-Ġetsemani u fuq il-Kalvarju, Ġesù għamel din il-wegħda meraviljuża lid-dixxipli Tiegħu: ”Min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.”6

Ġesù ġab fis-seħħ dik il-wegħda: mill-jum tal-Għid il-Ħamsin, id-dixxipli ġew imberkin bil-magħmudija tan-nar u tal-Ispirtu s-Santu.7 Permezz tal-fidi tagħhom fi Kristu, l-indiema u l-ubbidjenza, l-Ispirtu s-Santu sar is-sieħeb tagħhom, wettaq bidla f’ qalbhom u berikhom b’ xhieda kostanti tal-verità.

Dawn id-doni u barkiet saħħew lid-dixxipli tal-Mulej. Għalkemm iż-żminijiet li għexu fihom kienu żminijiet perikolużi u mqallba, huma rċevew id-don spiritwali ta’ għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, huma bdew jaraw il-verità tal-ħwejjeġ kif fil-fatt kienu, speċjalment dwar il-Mulej Ġesù Kristu u l-ħidma Tiegħu fosthom.8 L-Ispirtu s-Santu dawwal l-għarfien tagħhom u huma semgħu leħen il-Mulej b’ aktar ċarezza. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu daħal fil-fond ta’ qalbhom.9 Huma kienu sodi u ubbidjenti.10 Huma ppridkaw l-evanġelju b’ ċarezza u qawwa u bnew is-saltna ta’ Alla.11 Huma tgħaxxqu bil-Mulej Ġesù Kristu.

Aħna għandna ħafna komuni ma’ dawk l-irġiel u nisa fidili li għexu fil-meridjan taż-żminijiet. Aħna wkoll ninsabu ngħixu fi żmien li fih il-Mulej Ġesù Kristu jinsab iwettaq il-mirakli fostna—fosthom il-fejqan tal-morda, inaddafna mid-dnub, iwettaq bidla f’ qalbna u li jagħmel possibbli s-salvazzjoni lill-ulied kollha ta’ Alla li jinsabu fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Fi żmienna aħna wkoll għandna profeti u appostli ħajjin, il-qawwa tas-saċerdozju, id-doni spiritwali u l-barkiet divini tal-ordinanzi tas-salvazzjoni.

Iż-żmien li qed ngħixu fih huwa żmien perikoluż—żmien ta’ ħażen kbir u tentazzjoni kbira, żmien ta’ konfużjoni u taqlib. F’ dawn iż-żminijiet perikolużi, il-profeta tal-Mulej fid-dinja, il-President Thomas S. Monson, sejħilna biex insalvaw lil dawk li huma mġarrbin fl-ispirtu,12 biex nieqfu għall-verità b’ kuraġġ,13 u nibnu s-saltna ta’ Alla.14 Hu x’inhu l-livell tal-ispiritwalità jew tal-fidi jew l-ubbidjenza tagħna bħalissa, żgur li mhuwiex biżżejjed għall-ħidma li għandna quddiemna. Neħtieġu aktar dawl u qawwa spiritwali. Neħtieġu għajnejn li jaraw b’ aktar ċarezza lis-Salvatur jaħdem f’ ħajjitna u widnejn li jisimgħu l-vuċi Tiegħu b’ qawwa akbar ġewwa qalbna.

Il-barka meraviljuża niksbuha meta aħna niftħu qalbna u nirċievu,15 verament nirċievu, lill-Mulej Ġesù Kristu, id-duttrina Tiegħu u l-Knisja Tiegħu f’ ħajjitna. M’hemmx għalfejn inkunu perfetti, iżda jeħtieġ li nkunu twajbin u nippruvaw inkunu aħjar milli aħna. Jeħtieġ li nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu l-veritajiet ċari u sempliċi tal-evanġelju. Jekk aħna nieħdu fuqna isem Kristu, naġixxu b’ fidi fih biex nindmu minn dnubietna, inżommu l-kmandamenti Tiegħu u dejjem niftakru fih, aħna jkollna magħna l-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu permezz tal-ħniena u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu.

L-ubbidjenza sempliċi twassal l-Ispirtu ġewwa qalbna. Fi djarna, aħna nitolbu bil-fidi, infittxu l-iskrittura u nqaddsu jum il-Ħadd. Fil-kappelli tagħna, aħna nieħdu sehem fis-sagrament u nagħmlu wegħdiet sagri ma’ Missierna tas-Smewwiet f’ isem Kristu. Fit-tempji mqaddsa, aħna nieħdu sehem f’ ordinanzi sagri f’ isem ħutna li jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Fil-familji tagħna u meta l-Mulej jitlobna sabiex inwettqu xi ħaġa, aħna nilħqu lil ħaddieħor, inħaffu t-tagħbija tagħhom u nistednuhom biex huma jersqu lejn Kristu.

Ħuti, jiena naf li hekk kif aħna nwettqu dawn il-ħwejjeġ, l-Ispirtu s-Santu jkun magħna! Aħna nikbru spiritwalment u niksbu esperjenza permezz tal-Ispirtu s-Santu u Hu jkun is-sieħeb tagħna. Jekk aħna nitfgħu ħarsitna lejn Kristu u niftħu għajnejna u widnejna, l-Ispirtu s-Santu jberikna sabiex naraw lill-Mulej Ġesù Kristu jaħdem f’ ħajjitna u b’hekk isaħħaħ il-fidi tagħna fih billi niksbu ċerta assigurazzjoni u evidenza. Aħna nibdew, ferm aktar, inħarsu lejn ħutna kollha bil-mod li jħares lejhom Alla, b’ imħabba u kompassjoni. Aħna nisimgħu leħen is-Salvatur fl-iskrittura, permezz tal-leħen sieket tal-Ispirtu u permezz ta’ kliem il-profeti ħajjin.16 Aħna naraw il-qawwa ta’ Alla tieqaf fuq il-profeta Tiegħu u l-mexxejja kollha tal-Knisja vera u ħajja Tiegħu, u nsiru nafu b’ ċertezza li din hija l-ħidma mqaddsa ta’ Alla.17 Aħna stess naraw u nifhmu lilna nfusna u lid-dinja ta’ madwarna bl-istess mod kif jagħmel is-Salvatur. Naslu biex ikollna dak li l-Appostlu Pawlu jsejjaħlu ”ħsieb Kristu.”18 Aħna jkollna għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu, u aħna nibnu s-saltna ta’ Alla.

Il-ħajja taf tkun mimlija diffikultajiet, konfużjoni, uġigħ u qtigħ il-qalb. Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi magħkom li permezz tas-sħubija tal-Ispirtu s-Santu, id-dawl tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jippenetra qalb il-konfużjoni, l-uġigħ u d-dalma. Kemm jekk niksbuha f’ mument wieħed jew inkella ftit ftit, din il-qawwa spiritwali glorjuża twassal imħabba u faraġ li jfejqu lir-ruħ imġarrba li tindem; twassal biex id-dawl tal-verità jieħu post id-dalma u t-tama fi Kristu tieħu post il-qtigħ ta’ qalb. Aħna naraw dawn il-barkiet jiġu fuqna, u nsiru nafu permezz tax-xhieda tal-Ispirtu li fil-fatt hu l-Mulej Ġesù Kristu li jkun qed jaħdem f’ ħajjitna. It-tagħbija tagħna verament tiġi ”megħluba mill-ferħ tal-Feddej tagħna.”19

Esperjenza li ommi u missieri kellhom bosta snin ilu turi l-importanza u l-qawwa li jkollna għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu. Fl-1982 il-ġenituri tiegħi ġew imsejħin biex iservu fil-Missjoni ta’ Davao, fil-Filippini. Meta ommi fetħet l-ittra u rat fejn kienu ġew imsejħin biex iservu, hija qalet lil missieri, ”Le! Jeħtieġ li ċċemplilhom u tgħidilhom li ma nistgħux immorru l-Filippini. Huma jafu li inti tbati bl-ażma.” Missieri kien ilu jsofri bl-ażma għal snin twal, u ommi kienet tinsab inkwetata ferm għalih.

Ftit ta’ ljieli wara ommi qajmet lil missieri għall-ħabta tas-2.30 ta’ bil-lejl. Hija qaltlu. ”Merlin, smajtu dak il-leħen?”

”Le, ma smajt l-ebda leħen.”

”Mela, dal-lejl jiena smajt l-istess leħen tliet darbiet, fejn qalli, ’Għalfejn qed tinkwieta? Ma tafx li jiena naf li jbati bl-ażma? Jiena se nieħu ħsiebu, u se nieħu ħsiebek ukoll. Ipprepara biex tibda sservi fil-Filippini.’”

Immaġni
Merlin u Helen Clark

Ommi u missieri servew fil-Filippini u kellhom esperjenza mill-aktar meraviljuża. L-Ispirtu s-Santu kien is-sieħeb tagħhom u huma kienu mberkin u protetti. Missieri qatt ma kellu problemi tal-ażma. Huwa serva bħala l-ewwel kunsillier fil-presidenza tal-missjoni, u hu u ommi ħarrġu mijiet ta’ missjunarji u eluf ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili biex ikunu mħejjija għall-ftuħ ta’ diversi oqsma u utied fil-gżira ta’ Mindanao. Huma ġew imberkin b’ għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu.

Ħuti, jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi ta’ Ġesù Kristu. Jiena naf li Huwa jgħix. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Jiena naf li jekk aħna nirċivuh f’ ħajjitna u ngħixu l-veritajiet ċari u sempliċi tal-evanġelju Tiegħu, aħna ngawdu l-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu. Aħna jkollna d-don prezzjuż ta’ għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.