2010-2019
Niskopru d-Divintà ta’ Ġo Fina
Ottubru 2015


Niskopru d-Divintà ta’ Ġo Fina

Aħna niġu f’ din id-dinja biex nieħdu ħsieb u niskopru ż-żerriegħa ta’ natura divina li għandna ġewwa fina.

Ħuti, aħna nħobbukom! Jiena nixhed li l-ħajja hija rigal. Alla għandu pjan għal kull waħda minna, u l-għan individwali tagħna beda ferm qabel ma’ aħna ġejna hawn fid-dinja.

Dan l-aħħar bdejt nagħraf li l-miraklu tat-twelid ta’ tarbija f’ din il-ħajja mortali huwa parti mill-pjan ta’ Alla. Kollha kemm aħna żviluppajna fiżikament ġewwa l-ġuf t’ ommna filwaqt li għaddejna xhur sħaħ niddependu fuq il-ġisem tagħha biex isostni l-ġisem tagħna. Eventwalment, madankollu, il-proċess tat-twelid—ħaġa mill-aktar drammatika kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija—wasal biex isseparana minnha.

Immaġni
Tarbija tat-twelid

Hekk kif tarbija titwieled f’ din id-dinja, it-tibdil fit-temperatura u d-dawl u l-pressjoni f’ daqqa li tintreħa minn ġos-sider twassal lit-tarbija biex tieħu l-ewwel nifs tagħha weħidha. Dak il-pulmun ċkejken f’ daqqa waħda jimtela bl-arja għall-ewwel darba, l-organi jibdew jaħdmu u t-tarbija tibda tieħu n-nifs. Hekk kif jinqata’ l-kurdun, it-tarbija tissepara ruħha għal dejjem minn ommha, u b’ hekk tibda l-ħajja tat-tarbija fid-dinja.

Ġob qal, ”L-ispirtu ta’ Alla għamilni, u n-nifs tas-Setgħan jagħtini l-ħajja.”1

Aħna niġu hawn fid-dinja ”fuq sħab ta’ glorja.”2 “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” tgħallimna li kollha kemm aħna aħna ”iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet” u ”kollha għandna natura divina u destin divin.”3 Missierna tas-Smewwiet b’ mod ġeneruż jaqsam parti mid-divinità Tiegħu magħna. Din in-natura divina tasal għandna bħala rigal mingħandu b’ imħabba li ġenitur biss jista’ jħoss.

Aħna niġu f’ din id-dinja biex nieħdu ħsieb u niskopru ż-żerriegħa ta’ natura divina li għandna ġewwa fina.

Aħna Nafu Għalfejn

Elaine Cannon, li kienet president ġenerali tat-Tfajliet, qalet, ”Hemm jumejn li huma mill-aktar importanti fil-ħajja tal-mara: Il-jum li fih titwieled u l-jum li ssir taf għalfejn.”4

Aħna nafu għalfejn. Aħna ġejna hawn fid-dinja biex ngħinu nibnu s-saltna Tiegħu u nħejju għat-Tieni Miġja ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. Ma’ kull nifs li nieħdu, aħna nagħmlu li nistgħu biex nimxu warajh. In-natura divina li hemm ġo kull waħda minna tissaffa u tikber permezz tal-isforz li aħna nagħmlu biex nersqu aktar viċin Missierna u Ibnu.

In-natura divina tagħna m’għandha x’ taqsam xejn ma’ kemm aħna nirnexxu personalment, mal-istatus li aħna niksbu, man-numru ta’ maratoni li aħna niġru jew mal-popolarità tagħna u kemm nemmnu fina nfusna. In-natura divina tagħna ġejja minn Alla. Twaqqfet fejn konna neżistu qabel it-twelid tagħna u se tkompli tul l-eternità.

Aħna Lkoll Maħbubin

Aħna nidentifikaw ruħna man-natura divina tagħna hekk kif aħna nħossu u noffru l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet. Aħna għandna l-għażla ħielsa biex permezz tagħha nieħdu ħsiebha, inħalluha tiffjorixxi u ngħinuha tikber. Pietru qal li aħna ġejna mogħtija ”l-wegħdiet prezzjużi” li aħna nistgħu ”nissieħbu fin-natura ta’ Alla.”5 Hekk kif aħna nifhmu min verament aħna—ulied Alla—aħna nibdew inħossu dawk il-wegħdiet prezzjużi.

Jekk aħna nħarsu ’l barra mit-tieqa, u mhux biss lejn il-mera, aħna jkollna ċans li nibdew inħarsu lejna nfusna bħala wliedu. Tkun ħaġa mill-aktar naturali li aħna nduru lejh fit-talb, u nkunu ħerqanin li naqraw kliemu u nagħmlu r-rieda Tiegħu. Aħna nkunu kapaċi naraw il-valur tagħna mill-mod kif iħares lejna Hu u mhux kif jarawna dawk ta’ madwarna jew dawk li jkunu fuq il-Facebook.

Jekk qatt ikollkom xi dubju mid-divinità li hemm ġewwa fikom, inżlu għarkupptejkom u itolbu lill-Missier fis-Smewwiet, ”Verament jiena bintek, u inti veru tħobbni?” Il-Presbiteru Elder M. Russell Ballard qal, “Wieħed mill-aktar messaġġi ħelwin li jwasslilkom l-Ispirtu hu dwar il-mod kif il-Mulej iħossu dwarkom.”6

Aħna Tiegħu. Pawlu qal, ”Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.”7 Ħafna drabi l-ewwel għanja tal-Primarja li aħna nitgħallmu tkun ”Jien Iben Alla.”8 Issa wasal iż-żmien li naqbdu dik il-frażi għażiża ”Jien iben Alla” u magħha nżidu l-kliem ”Mela, x’ għandi nagħmel?” Nafu anke nistaqsu mistoqsijiet bħal dawn: ”X’ nista’ nagħmel biex ngħix ħajti bħala bint Alla?” ”Kif nista’ niżviluppa n-natura divina li hemm ġewwa fija?”

Il-Dieter F. Uchtdorf qal, ”Alla bagħatkom hawn sabiex iħejjikom għal futur akbar milli qatt tistgħu timmaġinaw.”9 Dan il-futur, jum wara jum, jibda jieħu l-ħajja meta intom ma tibqgħux sempliċiment teżistu; jibda jieħu l-ħajja meta intom tibdew tgħixu ħajjitkom biex twettqu l-għan li għalih inħlaqtu. B’ dan il-mod intom tistiednu l-Mulej f’ ħajjitkom, u tibdew twettqu r-rieda Tiegħu.

Aħna Nitgħallmu Minħabba n-Natura Divina Tagħna

In-natura divina timlina bix-xewqa li nsiru nafu aħna stess din il-verità eterna.

Waħda tfajla żagħżugħa jisimha Amy m’ilux għallmitni din il-lezzjoni meta hija kitbet: ”Dan iż-żmien mhux faċli tkun żagħżugħa. Il-mogħdija aktar ma tmur aktar qed tidjieq. Satana verament qed jagħmel dak kollu li jista’. Sar kollox jew tajjeb jew ħażin; m’hemmx triq tan-nofs.”

Hija kompliet: ”Xi kultant diffiċli ssib ħbieb tajbin. Anke meta taħseb li għandek ċerti ħbieb tal-qalb li qatt mhu se jħalluk waħdek, għal xi raġuni anke dawn jinbidlu. Huwa għalhekk li jiena grata li għandi l-familja, lil Missieri tas-Smewwiet, lil Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu li jistgħu jkunu s-sieħba tiegħi kull meta l-ħbieb tiegħi ma nsibhomx.”

Amy kompliet tgħid: ”Darba waħda matul il-lejl ħassejtni verament inkwetata. Għedt lil oħti li ma kontx naf x’ se naqbad nagħmel.”

Aktar tard matul dak il-lejl oħtha bagħtitilha messaġġ bil-mowbajl u kkwotat lill-Presbiteru Jeffrey R. Holland meta huwa qal: ”Taqtgħux qalbkom. … Ara taqtgħu qalbkom. Ibqgħu mexjin. Ibqgħu ppruvaw. Quddiemkom se ssibu l-għajnuna u l-hena. … Fl-aħħar kollox se jkun sew. Afdaw f’ Alla u emmnu fil-ħwejjeġ tajbin li se jkollkom f’ ħajjitkom.”10

Amy spjegat: ”Niftakarni naqra dan il-kliem u nitlob li jekk Alla verament kien jinsab hemm għalija jiena b’ xi mod se jirnexxili nħoss l-imħabba li Hu għandu għalija.”

Hija qalet: ”Hekk kif jiena tlabt u emmint li Hu kien jinsab hemm, jiena ħassejt ġewwa fija l-aktar sentiment meraviljuż u ħelu li mlieni bil-ferħ. M’għandix kliem biex niddeskrivih. Jiena kont naf li Huwa kien jinsab hemm u li kien iħobbni.”

Peress li intom uliedu, huwa jaf intom x’ tistgħu ssiru. Huwa jaf bil-biżgħat tagħkom u bil-ħolm tagħkom. Huwa jgħożż il-potenzjal tagħkom. Huwa jistennikom biex tmorru quddiemu fit-talb. Peress li intom uliedu, intom mhux biss għandkom bżonnu, iżda anke Hu għandu bżonnkom. Dawk li bħalissa jinsabu bilqiegħda ħdejkom f’ din il-laqgħa għandhom bżonnkom. Id-dinja għandha bżonnkom, u n-natura divina tagħkom tippermettilkom li tkunu d-dixxipli leali Tiegħu fost uliedu kollha. La darba nibdew naraw id-divinità ġewwa fina, aħna nkunu nistgħu narawha wkoll f’ ħaddieħor.

Aħna Nservu Minħabba n-Natura Divina Tagħna

In-natura divina timlina bix-xewqa li naqdu lil ħaddieħor.

Immaġni
Omm u tarbija waqt il-ġuħ fl-Etiopja

M’ilux wisq, Sharon Eubank, id-direttriċi tas-Servizzi Umanitarji u l-Karitajiet tal-QAJ, tkellmet dwar esperjenza li rrakkonta l-Presbiteru Glenn L. Pace. F’ nofs is-snin tmenin, fl-Etiopja kien hemm nixfa enormi u ġuħ mill-aktar kbir. Bħala għajnuna lin-nies tal-post, ġew maħluqa għadd ta’ stazzjonijiet bl-ilma u l-ikel għal dawk li setgħu jaslu sa ħdejhom. Wieħed raġel xwejjaħ li kien qed imut bil-ġuħ kien jinsab għaddej jimxi triq twila sakemm jasal sal-istazzjon tal-ikel. Huwa kien għaddej minn ġo villaġġ meta sema’ tarbija tibki. Huwa beda jfittex sakemm sab lit-tarbija bilqiegħda mal-art ħdejn l-omm mejta tagħha. U ħa t-tarbija f’ idejh u kompla miexi l-25 mil li kien fadal sal-istazzjon tal-ikel. Meta huwa wasal, l-ewwel kliem li tenna ma kienx ”Jiena għandi l-ġuħ” jew ”Għinuni.” Kliemu kien ”X’ jista’ jsir għal din it-tarbija?”11

In-natura divina ta’ ġo fina tħeġġeġ ix-xewqa tagħna li nilħqu lil ħaddieħor u tnebbaħna biex nagħmlu xi ħaġa. Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu jistgħu jgħinuna nsibu l-qawwa li nagħmlu dan. Jista’ jkun li l-Mulej ikun qed jistaqsina, ”X’ nistgħu nagħmlu għal din il-bint, għal dan ħuna, għal dan il-missier jew dan il-ħabib?”

Huwa permezz tas-suġġerimenti tal-Ispirtu li n-natura divina ta’ dak li jkun qed jiddubita, wara li jieħu nifs fil-fond, issib biżżejjed paċi li huwa jerġa’ jikseb lura l-fidi.

Meta l-profeta jitkellem, kliemu jinfluwenza n-natura divina tagħna u jagħtina l-qawwa li nimxu wara kliemu.

Li kull ġimgħa aħna nieħdu sehem fis-sagrament jagħti l-ħajja lid-divinità li hemm ġewwa fina, u permezz ta’ dan aħna niftakru fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Jiena nwiegħed li hekk kif intom tiskopru l-kobor tan-natura divina li hemm ġo fikom, intom tibdew tħaddmu b’ aktar qawwa id-don prezzjuż tagħkom. Ħalluh jiggwidakom sabiex issiru wliedu, li timxu fil-mogħdija li twassal għal għandu—fejn aħna niġu ”rrestawrati lura għand dak Alla li tagħna l-ħajja.”12 F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ġob 33:4.

  2. “Ode: Intimations of Immortality from Recollections of Early Childhood,” The Complete Poetical Works of William Wordsworth (1924), 359.

  3. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129.

  4. Elaine Cannon, in “‘Let Me Soar,’ Women Counseled,” Church News, 17 ta’ Ott., 1981, 3.

  5. 2 Pietru 1:4.

  6. M. Russell Ballard, “Women of Righteousness,” Liahona, Diċ. 2002, 42.

  7. Rumani 08:16.

  8. Ara ”Jien Iben Alla,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 58.

  9. Dieter F. Uchtdorf, “Living the Gospel Joyful,” Liahona, Nov. 2014, 121.

  10. Jeffrey R. Holland, “An High Priest of Good Things to Come,” Liahona, Jan. 2000, 45.

  11. Ara Glenn L. Pace, “Infinite Needs and Finite Resources,” Tambuli, Mar. 1995, 18–19.

  12. 2 Nephi 9:26.