2010-2019
Il-Kelma Ħelwa ta’ Alla
Ottubru 2015


Il-Kelma Ħelwa ta’ Alla

Il-kelma ħelwa ta’ Alla turina l-bżonn li f’ ħajjitna nindmu kontinwament sabiex ikollna magħna l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu.

Ħafna minna li qed niltaqgħu biex nieħdu sehem f’ din il-konferenza ġejna “biex nisimgħu l-kelma ħelwa ta’ Alla, iva, il-kelma li tfejjaq ir-ruħ imġarrba” (Jacob 2:8). Din il-kelma nistgħu nsibuha fl-iskrittura u fil-messaġġi mill-mexxejja tagħna, kelma li twasslilna t-tama u l-faraġ fid-dalma tan-niket.

Tul l-esperjenza tagħna fil-ħajja, aħna nitgħallmu li l-milja tal-ferħ mhijiex f’ din id-dinja, iżda l-milja tal-ferħ hi f’ Ġesù Kristu (ara D&C 101:36). Huwa jagħtina l-qawwa ħalli aħna ma jkollna għalfejn insofru l-ebda sofferenza li ma tiġix megħluba permezz tal-ferħ Tiegħu (ara Alma 31:38).

Qalbna tista’ timtela bid-diqa meta aħna naraw lil xi maħbubin tagħna jsofru l-uġigħ ta’ xi marda orribbli.

Il-mewt ta’ xi ħadd li nħobbu tista’ tħalli warajha vojt kbir ġewwa ruħna.

Meta xi ħadd minn uliedna jitbiegħed mit-triq tal-evanġelju, aħna nafu nħossuna ħatja u inċerti dwar id-destin etern tagħhom.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien nafu nibdew nitilfu t-tama li f’ din il-ħajja aħna se niksbu żwieġ ċelestjali u nibnu familja.

Ċertu abbuż minn dawk li suppost iħobbuna jaf iħalli warajh feriti kbar f’ ruħna.

L-infedeltà tal-maħbubin tagħna fiż-żwieġ taf teqirdilna r-relazzjoni li tant konna ttamajna li tkun waħda eterna.

Din is-sofferenza u sofferenzi oħra inerenti għal dan l-istat ta’ prova xi kultant iwassluna biex nistaqsu lilna nfusna l-istess mistoqsija li staqsa l-Profeta Joseph Smith: “O Alla, fejn int?” (D&C 121:1).

F’ dawn il-mumenti diffiċli f’ ħajjitna, il-kelma ħelwa ta’ Alla li tfejjaq ir-ruħ imġarrba twassal lil qalbna u lil moħħna dan il-messaġġ ta’ faraġ:

“Sliem għalik; l-avversità tiegħek u l-għawġ tiegħek se jkunu biss għal mument qasir;

“Imbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti tajjeb, Alla jeżaltak fil-għoli.” (D&C 121:7–8).

Il-kelma ħelwa ta’ Alla timlina bit-tama, għax nafu li dawk li jibqgħu fidili fit-tribulazzjoni se jiksbu l-akbar premju fis-saltna tas-smewwiet u li “wara tant tribulazzjoni jaslu l-barkiet” (ara D&C 58:3–4).

Il-kelma ħelwa ta’ Alla, kif imwassla permezz tal-profeti, tagħtina s-sikurezza li s-siġill etern tagħna, sostnut permezz tal-fedeltà tagħna lejn il-wegħdiet divini li aħna ngħatajna għas-servizz qalbieni fil-kawża tal-verità, se jbierek lilna u lil dawk ta’ warajna (Ara Orson F. Whitney, in Conference Report, Apr. 1929, 110).

Tagħtina wkoll is-sikurezza li, wara li nkunu għexna ħajja fidila, aħna ma nitilfu l-ebda barka għaliex bqajna lura milli nagħmlu ċerti ħwejjeġ li stajna għamilna kieku ġejna mogħtija l-opportunità. Jekk ngħixu b’ mod fidil sal-mument tal-mewt tagħna, aħna “niksbu l-barkiet kollha, l-eżaltazzjoni u l-glorja li jiksbu kull raġel u mara [li f’ din il-ħajja ġew mogħtija dik l-opportunità].” (Ara The Teachings of Lorenzo Snow, ed. Clyde J. Williams [1984], 138.)

Issa, huwa importanti ferm li nifhmu li s-sofferenza u n-niket jistgħu jiġu f’ ħajjitna wkoll jekk aħna nibqgħu lura milli nindmu verament minn dnubietna. Il-President Marion G. Romney għallem: “Ħafna mis-sofferenza u l-miżerja li jgħaddu minnhom in-nies ta’ din id-dinja huma riżultat ta’ xi dnub li ma nidmux u ma nħafrux minnu. … Hekk kif is-sofferenza u n-niket jafu jkunu riżultat tad-dnub, bl-istess mod il-ferħ u l-hena jafu jkunu riżultat tal-maħfra tad-dnubiet” (f’ Rapport tal-Konferenza, Apr. 1959, 11).

Għalfejn in-nuqqas ta’ ndiema taf twassal għas-sofferenza u l-uġigħ?

Waħda mit-tweġibiet possibbli hi li “hemm kastig marbut ma’ kull liġi ġusta mogħtija, li jwassal għar-rimors tal-kuxjenza” (ara Alma 42:18ara wkoll vers 16). Il-Profeta Joseph Smith għallem li aħna stess nikkundannaw lilna nfusna u li hija t-tbatija tad-diżappunt ġewwa moħħna li twassal biex inħossuna qisna qegħdin fil-belliegħa tan-nar u l-kubrit (ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 224).

Jekk nippruvaw nikkalmaw il-kuxjenza tagħna billi nippruvaw “niskużaw lilna nfusna anki bl-iċken mod minħabba dnubietna” (Alma 42:30) jew billi nippruvaw naħbuhom, l-unika ħaġa li jirnexxielna nagħmlu tkun biss li noffendu l-Ispirtu (ara D&C 121:37) u nibqgħu ntawlu biex niksbu l-indiema tagħna. Dan it-tip ta’ serħan, barra li hu temporanju, iwassal biex ultimament nesperjenzaw aktar uġigħ u niket f’ ħajjitna u nnaqqsu l-possibiltà tagħna li nirċievu maħfra għal dnubietna.

Għal din it-tip ta’ sofferenza, il-kelma ħelwa ta’ Alla twasslilna wkoll il-faraġ u t-tama; tgħidilna li jeżisti serħan mill-uġigħ ikkawżat mill-effett tad-dnub. Dan is-serħan jasal għandna permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija ta’ Ġesù Kristu u jsir effettiv jekk aħna neżerċitaw il-fidi tagħna fih, nindmu u nobdu l-kmandamenti Tiegħu.

Huwa importanti ferm li aħna nagħrfu li l-istess bħall-maħfra tad-dnubiet, l-indiema hija proċess u mhux xi ħaġa li sseħħ f’ xi mument partikolari. Teħtieġ il-konsistenza f’ kull parti tal-proċess.

Per eżempju, meta aħna nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nuru lill-Mulej li aħna sejrin dejjem niftakru fih u nżommu l-kmandamenti Tiegħu. Din hija espressjoni tal-intenzjoni sinċiera tagħna.

Il-mument li fih nibdew niftakru fih u nżommu l-kmandamenti Tiegħu kuljum—u mhux biss f’ Jum is-Sabbath—huwa l-mument meta gradwalment tibda tiġi fis-seħħ il-maħfra tad-dnubiet u l-wegħda Tiegħu li jkollna l-Ispirtu Tiegħu magħna.

Mingħajr l-ubbidjenza vera, li jeħtieġ li timxi id f’ id mal-intenzjoni tagħna, l-effett tal-maħfra jibda jisparixxi u s-sħubija tal-Ispirtu tibda titbiegħed minna. Aħna nafu naqgħu fin-nasba li nispiċċaw nonorawh b’ fommna filwaqt li qalbna nbegħduha minnu (ara 2 Nephi 27:25).

Minbarra li tagħtina l-faraġ, il-kelma ħelwa ta’ Alla twiddibna li dan il-proċess li nirċievu maħfra ta’ dnubietna jista’ jieqaf meta aħna nintilfu “fil-frugħat tad-dinja,” u jista’ jitkompla permezz tal-fidi jekk aħna sinċerament nindmu u niċċekknu (ara D&C 20:5–6).

X’ jistgħu jkunu wħud mill-frugħat li jistgħu jtellfu l-proċess li nirċievu maħfra ta’ dnubietna u li huma assoċjati ma’ kemm aħna nqaddsu Jum is-Sabbath?

Xi eżempji jinkludu li naslu tard għal-laqgħa tas-sagrament mingħajr ebda raġuni valida; naslu, mingħajr ma jkollna ħin neżaminaw lilna nfusna, biex nieklu u nixorbu mill-kalċi bla ma jkun jixirqilna (ara 1 Korintin 11:28); u naslu mingħajr mal-ewwel nistqarru dnubietna u nitolbu lil Alla sabiex jaħfrilna.

Xi eżempji oħra: ma nurux biżżejjed qima billi nirċievu u nibagħtu l-messaġġi fuq il-mowbajl tagħna, noħorġu mil-laqgħa wara li nieħdu sehem fis-sagrament, u nipparteċipaw f’ attivitajiet fi djarna li mhumiex xierqa għal dan il-jum sagru.

X’ tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għaliex aħna, li nafu dan kollu, ħafna drabi ma jirnexxilniex nqaddsu Jum is-Sabbath?

Fil-ktieb ta’ Isaija, nistgħu nsibu tweġiba li, għalkemm relatata mas-Sabbath, tista’ tapplika wkoll għal kmandamenti oħra li għandna nżommu: “Jekk int ma tixħetx is-Sabbath taħt riġlejk, billi ma tagħmilx li jogħġob lilek fil-jum imqaddes tiegħi” (Isaija 58:13).

Il-kliem ewlieni huwa “billi ma tagħmilx li jogħġob lilek,” jew fi kliem ieħor, tagħmel ir-rieda ta’ Alla. Bosta drabi, ir-rieda tagħna—imfassla permezz tax-xewqat, tal-aptiti u l-passjonijiet tal-bniedem naturali—tispiċċa f’ kunflitt mar-rieda ta’ Alla. Il-profeta Brigham Young għallem li “meta r-rieda, il-passjonijiet u s-sentimenti ta’ persuna jkunu perfettament sottomessi lejn Alla u l-ħtiġijiet Tiegħu, dik il-persuna tiġi mqaddsa.—Huwa meta r-rieda tiegħi tiġi megħluba mir-rieda ta’ Alla, li jwassal biex jiena nagħmel dak kollu li hu tajjeb, u ultimament jinkurunani bl-immortalità u l-ħajja eterna” (Deseret News, 7 ta’ Sett., 1854, 1).

Il-kelma ħelwa ta’ Alla tistedinna biex nużaw il-qawwa tal- Att tal-Fidwa biex napplikawha fuqna nfusna u nirrekonċiljaw ruħna mar-rieda Tiegħu—u mhux mar-rieda tax-xitan u tal-ġisem—sabiex aħna, permezz tal-grazzja Tiegħu, nistgħu nsalvaw (ara 2 Nephi 10:24–25).

Il-kelma ħelwa ta’ Alla li qed naqsmu flimkien illum turina l-bżonn li f’ ħajjitna nindmu kontinwament sabiex inżommu magħna kemm jista’ jkun possibbli l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu.

Aħna nsiru nies aħjar jekk ikollna magħna s-sħubija tal-Ispirtu. Huwa “jpespes is-sliem u l-ferħ f’ ruħna, … u jwarrab minn ġewwa qalbna kull qerq, mibegħda, għira, ġlied u ħażen; u x-xewqa unika tagħna tkun li nagħmlu t-tajjeb, inġibu fis-seħħ għemejjel tajba, u nibnu s-saltna ta Alla” (ara Teachings: Joseph Smith, 98).

Bl-influwenza tal-Ispirtu s-Santu, qatt ma nistgħu noffendu ruħna, jew noffendu lil ħaddieħor; inħossuna aktar ferħanin, u moħħna jsir aktar safi. L-imħabba tagħna lejn ħaddieħor tikber. Inkunu aktar lesti li naħfru u nxerrdu l-ferħ fost dawk ta’ madwarna.

Inħossuna grati naraw lil ħaddieħor jimxi ’l quddiem, u aħna nfittxu t-tajjeb fl-oħrajn.

Hija t-talba tiegħi li aħna nesperjenzaw il-ferħ li jasal għandna meta aħna nippruvaw ngħixu ħajja ġusta u li aħna nżommu magħna dejjem is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitna permezz ta’ ndiema sinċiera u kontinwa. Aħna nsiru bnedmin aħjar, u l-familji tagħna jiġu mberkin. Dwar dawn il-prinċipji jiena nixhed fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.