2010-2019
Denji tal-Barkiet Imwegħda Lilna
Ottubru 2015


Denji tal-Barkiet Imwegħda Lilna

Il-viżjoni ewlenija li fuqha għandna dejjem niffukaw kuljum għandha tkun viżjoni tal-wegħdiet inkredibbli imwiegħda lilna minn Missierna.

Ma tistgħux ma tħobbux lil din l-oħt li tidher fil-vidjo, veru? Aħna nafu li ħafna minnkom li ma kellkomx l-opportunità li twelldu l-ulied spiċċajtu għaddejtu ħajjitkom tħobbu, tgħallmu u tbierku lil ulied ħaddieħor. U, araw, kif Missierna tas-Smewwiet u aħna, ħutkom, inħobbukom ta’ dan!

Tgħid mhux kollha kemm aħna, inkluż intom għeżież ħutna iżgħar fil-Primarja u fit-Tfajliet, kellna l-opportunità li nżommu f’ dirgħajna tarbija tat-twelid u nnutajnieha tħares dritt f’ għajnejna? Qatt ħassejna s-sentiment sagru u qaddis imdawwar ma’ dan l-ispirtu ċelestjali, li fi żmien verament riċenti ġie mibgħut minn Missierna tas-Smewwiet biex jgħammar f’ ġisem ċkejken u pur li għadu kif inħoloq? Jiena rari f’ ħajti esperjenzajt sentimenti daqshekk ħelwin, daqshekk teneri u daqshekk spiritwali.

Ġisimna huwa rigal sagru mingħand Missierna tas-Smewwiet. Huwa t-tempju personali tagħna. Hekk kif aħna nżommuh nadif u pur, aħna nistgħu nkunu denji li ngħinu lil Missierna tas-Smewwiet joħloq iġsma għall-ulied spirti għeżież Tiegħu.

Immaġni
Il-President Packer jitkellem

Fl-aħħar diskors tal-President Boyd K. Packer mill-aħħar konferenza ġenerali, li forsi tiftakruh bħala ”l-gallettina u l-bewsa,” huwa xehed li ”l-kmandament li noktru u nimlew id-dinja … huwa essenzjali … u s-sors ta’ kull ferħ uman. Jekk aħna neżerċitaw b’ mod xieraq din il-qawwa li permezz tagħha nistgħu nikkrejaw, aħna nistgħu nersqu aktar viċin ta’ Missierna tas-Smewwiet u nesperjenzaw il-milja tal-ferħ, saħansitra li niksbu l-karatteristiċi ta’ Alla. Il-qawwa tal-prokreazzjoni mhijiex biss parti supplementari tal-pjan.”

Huwa kompla:

”L-imħabba vera teħtieġ li l-koppji jistennew sa wara ż-żwieġ biex huma jaqsmu bejniethom il-qawwiet sagri … billi jevitaw ċerta sitwazzjonijiet fejn jafu jispiċċaw ikkontrollati mix-xewqat fiżiċi tagħhom. …

“… Il-ferħ tagħna fil-ħajja mortali, l-hena u l-eżaltazzjoni tagħna, jiddependu fuq kif aħna nwieġbu għal dawn ix-xewqat fiżiċi mill-aktar persistenti u kompulsivi.”1

Għeżież ħuti, kemm żgħażagħ kif ukoll mhux daqstant żgħażagħ, jien ħassejtni verament anzjuża hekk kif kont qed inħejji dan id-diskors. Kif esprima ruħu Alma ż-Żgħir, ”Nixtieq mill-ġewwieni ta’ qalbi … li intom … issejħu l-isem imqaddes tiegħu, u tishru u titolbu kontinwament, sabiex ma tiġikomx tentazzjoni aktar milli tifilħu għaliha, … sabiex tiġu eżaltati fl-aħħar jum.”2

Aktar tard, Mormon xehed ukoll li fi żmien Alma, Koriħoru, l-anti-Krist, ”beda jippriedka … , u wassal għat-triq il-ħażina lil … bosta nisa.”3

Ħuti, fi żmienna Satana qed juża influwenza oħra tixbah lil Koriħoru li aktar ma tmur aktar qed tirnexxi. X’inhi parti mill-għodda li qed juża? Novelli romantiċi u seduttivi, sensiliet twal romantiċi fuq it-televiżjoni, nisa miżżewġin u maħbubin tagħhom mill-passat jerġgħu jagħmlu kuntatt fuq il-midja soċjali, u l-pornografija. Għeżież ħuti, għandna verament noqogħdu attenti! Ma nistgħux noqogħdu nilagħbu bil-vleġeġ tan-nar ta’ Satana mingħajr ma ninħarqu. Ma naf xejn aħjar mill-virtù biex tikkwalifikalna l-kumpanija kostanti tal-Ispirtu s-Santu .

Ħafna nies fid-dinja tal-lum jinsabu jfittxu s-sodisfazzjon spontanju u l-għarfien immedjat fuq l-Internet. B’ kuntrast, aħna nkunu verament imberkin jekk neżerċitaw il-fidi u l-paċenzja u mmorru għand Missierna tas-Smewwiet, is-sors ta’ kull verità, bil-problemi tagħna. Nistgħu niksbu bosta tweġibiet u assigurazzjoni jekk kuljum infittxu u nistudjaw l-iskrittura u permezz tat-talb sinċier u mill-qalb, iżda wegħdiet bħal dawn ma nistgħux insibuhom fuq l-Internet. Il-profeta Ġakobb xehed: ”Għax l-Ispirtu jitkellem il-verità u ma jigdibx. Għalhekk, jitkellem dwar l-affarijiet kif inhuma, u dwar l-affarijiet kif verament se jkunu.”4

Meta aħna ninvolvu ruħna li naraw, naqraw jew nesperjenzaw xi ħaġa li mhijiex skont l-istandards ta’ Missierna tas-Smewwiet, din tispiċċa biex iddgħajjifna. Hi x’inhi l-età tagħna, jekk dak li nħarsu lejh, naqraw, nisimgħu jew nagħżlu ma jilħaqx l-istandards tal-Mulej li nsibu fil-pamflet For the Strength of Youth, għandna nitfuh, inqattgħuh, narmuh u nsabbtu l-bieb.

Immaġni
Is-Salvatur fil-Ġetsemani

Ħadd minna mhu perfett, iżda meta nidinbu, il-President Packer ifakkarna:

”Il-wegħda hi: ’Araw, dak li nidem minn dnubietu, hu stess jiġi maħfur, u jiena, il-Mulej, ma nibqax niftakar dnubietu iżjed’ (D&C 58:42). …

“… L-Att tal-Fidwa, li jista’ jifdi lil kull wieħed u waħda minna, ma jħalli l-ebda feriti. Dan ifisser li għamilna x’ għamilna jew konna fejn konna, jew ġraw kif ġraw l-affarijiet, jekk aħna verament nindmu, Huwa wiegħed li jifdina. U meta huwa patta għal dnubietna, huwa għamel dan kollu possibbli. Hawn ħafna fostna li jinsabu jsawtu lilhom infushom b’ sentimenti ta’ ħtija, u ma jafux kif jeħilsu lilhom nfushom. Intom tinħelsu jekk taċċettaw l-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, u dak kollu li kien ta’ wġigħ il-qalb jinbidel fi sbuħija, imħabba u eternità.”5

Minbarra l-indiema, x’ għajnuniet jew għodda oħra ġejna mogħtija biex jgħinuna nibqgħu ndaf u virtużi? It-tfal tal-Primarja u t-tfajliet ilkoll jafu u jkantaw l-għanja ”Il-Qawwa tal-Iskrittura.”6 Nistgħu nespanduha wkoll għal ”Qawwa tat-Talb,” ”Qawwa tat-Tempju,” ”Qawwa tal-Patt,” ”Qawwa ta’ Jum is-Sabbath,” ”Qawwa ta’ Profeta,” u ”Qawwa ta’ Virtù”?

Hemm ukoll barkiet u wegħdiet kbar li jipproteġuna assoċjati ma’ kemm aħna nilbsu b’ mod xieraq l-ilbies tat-tempju. Jiena bdejt inħossni bħallikieku b’ mod simboliku bdejt inxedd fuqi l-imnatar irjali li ġew mogħtija lili minn Missieri tas-Smewwiet. Jiena nixhed, ħuti, li meta aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nilbsu l-ilbies tat-tempju b’ mod xieraq, Missierna jagħraf dan bħala sinjal kbir tal-imħabba tagħna u tad-devozzjoni tagħna lejh. Huwa sinjal tal-patti li aħna għamilna miegħu, u Huwa wiegħed, ”Jiena, il-Mulej, marbut meta intom tagħmlu dak li ngħid jien; iżda meta ma tagħmlux dak li ngħid jien, intom m’għandkom l-ebda wegħda.7

Riċentiment jiena tkellimt ma’ ħabiba antika tiegħi li kellha tgħaddi darbtejn minn divorzju, u dan riżultat ta’ ċerti vizzji u nuqqas ta’ fedeltà ta’ żwieġha. Hija u t-tliet uliedha sofrew ħafna. Hija b’ ħerqa talbet, ”Jiena ppruvajt verament ngħix ħajja tajba. Għalfejn kelli nħabbat wiċċi ma’ tant sfidi? X’ għamilt ħażin? Missierna tas-Smewwiet x’ irid li jien nagħmel? Jiena tlabt u qrajt l-iskrittura, għint lil uliedi u mort it-tempju spiss kemm stajt.”

Hekk kif bdejt nisma’ lil din l-oħt, ħassejtni li għandi ngħidilha b’ vuċi għolja, ”Inti qed tagħmel dak li jridek tagħmel! Inti qed tagħmel dak kollu li jridek tagħmel u jittama li tagħmel Missierna tas-Smewwiet!”

Nifhem li ħafna jħossu li l-barkiet imwiegħda ta’ Missierna jinsabu ”’il bogħod wisq,” partikolarment meta ħajjitna tkun mifnija bl-isfidi. Iżda Amuleki għallem li ”din il-ħajja hija ż-żmien li fih … nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla.”8 Mhux iż-żmien li fih nirċievu l-barkiet kollha tagħna. Il-President Packer spjega, ”’U għexu kuntenti għal dejjem’ qatt ma tinkiteb fit-tieni att. Dik il-linja hija parti mit-tielet att, meta l-misteri kollha jiġu solvuti u kollox jiġi sew.”9 Madankollu, il-viżjoni ewlenija li fuqha għandna dejjem niffukaw kuljum għandha tkun viżjoni tal-wegħdiet inkredibbli imwiegħda lilna minn Missierna—kif ukoll li nkunu konxji “tal-kotra tal-ħniena tenera tiegħu”10li aħna nesperjenzaw kuljum.

Ħuti, ma nafx għalfejn ikollna nħabbtu wiċċna ma’ daqstant sfidi, iżda s-sentiment personali tiegħi hu li l-premju tant hu kbir, tant hu etern u għal dejjem, tant se jimlina bil-ferħ u jmur lil hinn minn kull għarfien li jista’ jkollna li f’ dak il-jum li fih nirċievu l-premju, aħna nafu nħossuna li għandna ngħidu lil Missierna mimli ħniena u li tant iħobbna, ”Kellna għalfejn ngħaddu minn dak kollu li għaddejna minnu?” Jiena nemmen li jekk aħna kuljum niftakru u nagħrfu l-kobor ta’ din l-imħabba li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna għandhom għalina, aħna nkunu lesti li nagħmlu dak kollu meħtieġ minna biex inkunu nistgħu nerġgħu lura fil-preżenza tagħhom, fejn inkunu mdawrin bl-imħabba Tagħhom għal dejjem. X’ differenza tagħmel, għeżież ħuti, kemm sofrejna f’ din il-ħajja jekk, fl-aħħar mill-aħħar, dawn l-istess sfidi se jkunu sewwasew l-istess ħwejjeġ li lilna jikkwalifikawna għall-ħajja eterna u għall-eżaltazzjoni fis-saltna ta’ Alla flimkien ma’ Missierna u s-Salvatur tagħna?

Jiena nixhed li ġisimna huwa rigal sagru mingħand Missierna tas-Smewwiet u hekk kif aħna nżommu ħajjitna safja u nadifa permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur tagħna u hekk kif kuljum aħna nżommu quddiemna l-viżjoni tal-premju imwiegħed lilna minn Missierna tas- Smewwiet, xi darba aħna nirċievu ”dak kollu li għandu l-Missier.”11 Fl-isem sagru ta Ġesù Kristu, amen.