2010-2019
Imħejjijin għal Fuq il-Vapur u Wara l-Manjiera ta’ Bristol: Inkunu Denji tat-Tempju—fi Żminijiet Tajbin u Żminijiet Diffiċli
Ottubru 2015


Imħejjijin għal Fuq il-Vapur u Wara l-Manjiera ta’ Bristol: Inkunu Denji tat-Tempju—fi Żminijiet Tajbin u Żminijiet Diffiċli

Jekk nimxu skont il-prinċipji sagri tal-evanġelju dan iwassalna biex aħna nkunu denji tat-tempju u nsibu l-hena f’ din il-ħajja kif ukoll triqitna lura lejn darna fis-smewwiet.

Il-profeta Leħi ddikjara, ”Jekk m’hemm l-ebda sewwa m’hemm l-ebda hena.”1

L-avversarju rnexxielu jiżra’ ħrafa mill-aktar kbira f’ moħħ bosta nies. Hu u r-rappreżentanti tiegħu ddikjaraw li l-unika għażla li aħna għandna hija dik li tinsab bejn l-hena u l-pjaċir bħalissa f’ din il-ħajja u l-hena fil- ħajja ta’ wara din (li l-avversarju jsostni li jista’ jkun li ma teżistix). Din il-ħrafa hija għażla falza, iżda hija waħda mill-aktar attraenti.2

L-għan aħħari u nobbli tal-pjan ta’ ferħ ta’ Alla hu li d-dixxipli twajba u l-familji tal-patt ikunu magħqudin flimkien f’ din il-ħajja f’ imħabba, armonija u paċi3 u jiksbu l-glorja ċelestjali fl-eternitajiet flimkien ma’ Alla l-Missier, il-Ħallieq tagħna; u l-Iben il-Maħbub Tiegħu, Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna.4

Meta jiena kont għadni missjunarju żagħżugħ assenjat fil-Missjoni Brittanika, l-ewwel żona li ħdimt fiha kienet dik li f’ dawk iż-żminijiet kienet id-Distrett ta’ Bristol. Wieħed mill-mexxejja lokali tal-Knisja enfasizza li l-missjunarji li jservu f’ din l-erja kien jeħtieġ li jkunu ”mħejjijin għal fuq il-vapur u wara l-manjiera ta’ Bristol.”

Immaġni
Vapuri fil-port ta’ Bristol

Għall-ewwel ma stajtx nifhem il-punt li beda jipprova jagħmel. Ma domtx wisq biex tgħallimt l-istorja u t-tifsira tal-frażi nawtika ”mħejjijin għal fuq il-vapur u wara l-manjiera ta’ Bristol.” Kien hemm żmien meta Bristol kien it-tieni l-aktar port traffikuż fir-Renju Unit. Il-marea kienet it-tieni l-aktar waħda li tvarja fid-dinja, fejn id-differenza kienet ta’ 43 pied. Meta l-baħar kien ikun baxx għax l-ilma kien jonqos, il-vapuri l-antiki kienu jmissu l-qiegħ u jinqalbu fuq naħa waħda, u jekk il-vapuri ma kinux ikunu mibnijin tajjeb biżżejjed, kienet tiġrilhom il-ħsara. Barra minn hekk, kull ħaġa li ma kenitx ġiet imqiegħda jew marbuta sewwa kienet tispiċċa x’imkien ħafna ’l bogħod minn postha fejn kienet tispiċċa titkisser jew tiġġarraf.5 Wara li jiena fhimt x’ kienet tfisser dik il-frażi, kien jidher ċar li dan il-mexxej kien qed jgħidilna li, bħala missjunarji, aħna għandna nkunu twajbin, nimxu wara r-regoli u nħejju lilna nfusna għal kull sitwazzjoni diffiċli li tista’ tinqala’.

Din l-istess sfida tapplika għalina lkoll. Għalija li nkunu ”mħejjijin għal fuq il-vapur u wara l-manjiera ta’ Bristol” tfisser li nkunu denji tat-tempju—fi żminijiet tajbin u żminijiet diffiċli.

Filwaqt li l-varjazzjoni tal-marea fil-Kanal ta’ Bristol hija xi ftit prevedibbli u wieħed jista’ jitħejja għaliha, il-maltempati u t-tentazzjoni ta’ din il-ħajja ħafna drabi jiġu fuqna b’ mod mill-aktar imprevedibbli. Iżda ħaġa ninsabu ċerti minnha: se jiġu fuqna żgur! Sabiex inkunu nistgħu negħlbu l-isfidi u t-tentazzjoni li kull wieħed u waħda minna inevitabbilment se niffaċċjaw, jeħtieġ li nitħejjew b’ mod ġust u li nużaw il-protezzjoni mogħtija lilna b’ mod divin. Jeħtieġ niddeċiedu li se nkunu nies denji tat-tempju tkun xi tkun iċ-ċirkustanza li jkollna quddiemna. Jekk aħna nitħejjew, m’għandniex għalfejn nibżgħu.6

L-hena f’ din il-ħajja u l-hena fil-ħajja li jmiss huma t-tnejn riżultat tas-sewwa. Anke fil-perjodu ta’ bejn il-mewt u r-Reżurezzjoni, ”l-ispirtu tat- twajbin jintlaqa’ fi stat ta’ ferħ, li jissejjaħ il-ġenna, stat ta’ mistrieħ, stat ta’ paċi.”7

Fil-bidu tal-ministeru fid-dinja tas-Salvatur ġewwa Iżrael u aktar tard fost in-Nefiti, is-Salvatur indirizza s-suġġett tal-hena kemm f’ din il-ħajja kif ukoll tul l-eternità. Huwa enfasizza ċerti ordinanzi, iżda Huwa għamel ukoll enfażi kbira fuq l-imġieba morali. Per eżempju, id-dixxipli jkunu mberkin jekk huma jkunu bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, juru l-ħniena, ikunu safja f’ qalbhom, ikunu nies li jwasslu l-paċi u jimxu wara għadd ta’ prinċipji morali bażiċi oħra. Bl-aktar mod ċar, il-Mulej Ġesù Kristu enfasizza, bħala messaġġ bażiku tad-duttrina tiegħu, li aħna nuru attitudni u mġieba xierqa fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. It-tagħlim Tiegħu mhux biss ħa post u ttraxxenda ċerti elementi fil-liġi ta’ Mosè8 iżda warrab ukoll uħud mill-filosofiji foloz tal-bnedmin,

Għal sekli sħaħ l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu spira ċertu twemmin u stabilixxa ċerti standards ta’ mġieba dwar x’ inhu ġust, attraenti u morali kif ukoll wassal għall-hena, il-kuntentizza u l-ferħ. Madankollu, fid-dinja tal-lum il-prinċipji u l-moralità bażika li għallem is-Salvatur jinsabu taħt attakk mill-aktar serju. Il-Kristjanità tinsab attakkata kontinwament. Ħafna jemmnu li bażikament illum dak li hu kkunsidrat morali inbidel waħda sew.9

Ninsabu ngħixu fi żminijiet mill-aktar diffiċli. Hawn tendenza li aktar ma tmur aktar qed tiżdied li ”il-ħażin ngħidulu tajjeb, u t-tajjeb ngħidulu ħażin.”10 Hija ħaġa mill-aktar inkwetanti li ninsabu ngħixu f’ dinja li tenfasizza daqstant is-sekulariżmu u li tajjeb li l-bniedem ikabbar lilu nnifsu. Wieħed kittieba prominenti, ta’ twemmin ieħor, iddeskriva dan b’ dan il-mod: ”Sfortunatament ftit li xejn nara evidenza li n-nies huma fil-fatt aktar kuntenti f’ dan iż-żmien li qegħdin fih, jew li uliedhom huma aħjar milli kienu qabel, jew li l-kawża tal-ġustizzja soċjali qed tiġi indirizzata jew li r-rata dejjem tonqos taż-żwieġ jew familji iżgħar minn qatt qabel … mhux qed iwasslu fil-fatt għal aktar solitudni għall-maġġoranza tan-nies u għal staġnar ġenerali.”11

Bħala dixxipli tas-Salvatur, huwa mistenni minna li aħna nippjanaw u nitħejjew. Fil-pjan ta’ ferħ, l-għażla ħielsa morali hija prinċipju ewlieni fl-organizzazzjoni ta’ dan l-istess pjan, u hija ħaġa mill-aktar importanti x’ għażliet aħna nagħmlu.12 Is-Salvatur enfasizza dan matul il-ministeru Tiegħu, bħal fil-parabboli Tiegħu tal-verġni boloh u tat-talenti.13 F’ kull waħda minnhom, il-Mulej talab li aħna nkunu mħejjijin u naġixxu skont dak li nemmnu u kkundanna t-tnikkir u l-għażż.

Jiena nagħraf li, minkejja l-ferħ enormi li hu riżultat tal-pjan divin ta’ Alla, xi kultant inħossu li huwa xi ħaġa li diffiċli niksbuha minħabba ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom fil-mument. Taf jidher xi ħaġa kważi impossibli li nersperjenzawha bħala dixxipli li ninsabu kontinwament nissieltu mal-ħajja. Mill-perspettiva limitata tagħna, it-tentazzjoni u d-distrazzjoni tal-mument taf tidher bħala xi ħaġa attraenti. Il-premju talli nirreżistu din it-tentazzjoni, mill-banda l-oħra, jaf jidher li huwa wisq fil-bogħod u diffiċli niksbuh. Iżda l-għarfien veru tal-pjan tal-Missier jiżvela li l-premju tas-sewwa nistgħu fil-fatt niksbuh issa f’ din il-ħajja. Il-ħażen, bħall-imġieba immorali, mhu qatt se jwassalna għal dan il-ferħ. Alma qal b’ mod ċar lil ibnu Kurjantun dan il-kliem: ”Ara, jiena ngħidlek, il-ħażen qatt ma kien ferħ.”14

Id-duttrina tagħna ġiet iddikjarata b’ ċarezza minn Amuleki f’ Alma 34:32: ”Araw, din il-ħajja hija ż-żmien li fih il-bniedem jitħejja biex jiltaqa’ ma’ Alla; iva, il-jiem ta’ din il-ħajja huma l-jiem li fihom il-bnedmin iwettqu ħidmiethom.”

Kif, mela, nistgħu nitħejjew fi żmien daqstant diffiċli? Minbarra li nkunu denji li mmoru t-tempju, hemm bosta prinċipji oħra li jikkontribwixxu għas-sewwa. Jiena se nenfasizza tlieta minnhom.

L-Ewwel: Kontroll Xieraq Fuqna Nfusna u Mġieba Ġusta

Jiena nemmen li xi kultant Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jħares lejna bl-istess eċċitament li aħna nħossu meta nosservaw lit-tfal ċkejknin tagħna hekk kif huma jibdew jitgħallmu u jikbru. Ilkoll kemm aħna nitfixklu u naqgħu sakemm niksbu l-esperjenza.

Immaġni
L-esperiment tal-marxmellow

Verament apprezzajt id-diskors li l-President Dieter F. Uchtdorf għamel waqt konferenza fl-201015 dwar il-famuż esperiment tal-maxmellow li sar fl-Università ta’ Stanford fis-snin Sittin. Tiftakru li t-tfal ta’ erba’ snin ġew mogħtija maxmellow waħda. Jekk kien jirnexxielhom jgħaddu 15 jew 20-il minuta mingħajr ma jikluha, huma kienu jirċievu maxmellow oħra. Kienu nġibdu filmati li juru l-espressjonijiet diversi li ħafna tfal urew biex jevitaw li jieklu l-maxmellow. Xi wħud ma rnexxilhomx.16

Is-sena l-oħra l-professur li mexxa l-esperiment oriġinali, Dott. Walter Mischel, kiteb ktieb li fih huwa qal li l-istudju kien, f’ parti kbira minnu, riżultat dwar it-tħassib li huwa kellu dwar il-kontroll fuqna nfusna u l-vizzju li huwa stess kellu tat-tipjip. Huwa kien partikolarment imħasseb wara li ħareġ ir-rapport mill-Kirurgu Ġenerali tal-Istati Uniti li kien jgħid li t-tipjip jikkawża l-kanċer tal-pulmun.17 Wara snin ta’ studju, wieħed mill-kollegi tiegħu fil-professjoni rrapporta li ”l-kontroll fuqna nfusna huwa bħal muskolu: aktar ma nużawh, aktar jissaħħaħ. Jekk tevitaw darba xi ħaġa li għalikom hi ta’ tentazzjoni, dan jgħinkom tiżviluppaw l-abbiltà li tirreżistu tentazzjonijiet oħra fil-futur.”18

Il-prinċipju tal-progress etern hu li jekk aħna neżerċitaw il-kontroll magħna nfusna u ngħixu b’ mod ġust aħna nispiċċaw insaħħu l-abbiltà tagħna li nirreżistu t-tentazzjoni. Dan huwa minnu kemm fil-ħwejjeġ spiritwali kif ukoll temporali.

Il-missjunarji tagħna huma eżempju eċċellenti ta’ dan. Huma jiżviluppaw ċerti kwalitajiet li jixbhu lil Kristu u jenfasizzaw l-ubbidjenza u l-ispiritwalità. Hu mistenni minnhom li huma jimxu wara skeda li tirrikjedi ħafna minnhom u jqattgħu ħinhom fis-servizz tal-oħrajn. Huma għandhom dehra modesta u konservattiva minflok il-mod tal-lbies każwali u immodest li tant huwa komuni llum il-ġurnata. L-imġieba u d-dehra tagħhom iwasslu messaġġ mill-aktar morali u serju.19

Aħna għandna bejn wieħed u ieħor 230,000 żagħżugħ u żagħżugħa li bħalissa qed iservu missjoni jew li ġew lura mis-servizz missjunarju tagħhom f’ dawn l-aħħar ħames snin. Huma żviluppaw qawwa spiritwali u kontroll fuqhom infushom mill-aqwa li jeħtieġ li jibqgħu jeżerċitaw kontinwament jew inkella dawn il-kwalitajiet jispiċċaw jiddgħajfu bħal dak il-muskolu li ma nkunux qed nużaw. Ilkoll kemm aħna jeħtieġ li niżviluppaw u nuru mġieba u dehra li tiddikjara li aħna dixxipli vera ta’ Kristu. Dawk li jabbandunaw l-imġieba xierqa jew inkella d-dehra xierqa u modesta jkunu qed jesponu lilhom infushom għal stil ta’ ħajja li la jġibilhom il-ferħ u lanqas l-hena.

L-evanġelju rrestawrat jagħtina l-gwida li neħtieġu tal-pjan ta’ ferħ u inċentiv biex nifhmu u neżerċitaw il-kontroll magħna nfusna u nevitaw it-tentazzjoni. Jgħallimna wkoll kif għadna nindmu meta aħna nispiċċaw ma nobdux.

It-Tieni: Li Nonoraw Jum is-Sabbath Ikabbar it-Tjieba fina Nfusna u Jkun Protezzjoni għall-Familja

Il-Knisja Kristjana tal-ewwel żminijiet biddlet l-osservanza tas-Sabbath mill-jum tas-Sibt għall-jum tal-Ħadd biex tikkommemora l-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej. Ċerti għanijiet oħra bażiċi u sagri baqgħu kif kienu qabel. Għal-Lhud u l-Kristjani, is-Sabbath jissimbolizza l-ħidma setgħana ta’ Alla.20

Marti u jiena, u tnejn mill-kollegi tiegħi u n-nisa tagħhom, riċentiment ħadna sehem f’ Sabbath Lhudi fejn ġejna mistednin minn ħabib għażiż tagħna, Robert Abrams u martu, Diane, fid-dar tagħhom fi New York.21 Bdejna nikkommemoraw il-bidu tas-Sabbath Lhudi fil-lejla tal-Ġimgħa. L-għan ewlieni kien li nonoraw lil Alla bħala l-Ħallieq. Bdejna bit-tberik tal-familja u billi kantajna flimkien għanja tas-Sabbath.22 Aħna ngħaqadna flimkien fiċ-ċerimonja tal-ħasil tal-idejn, it-tberik tal-ħobż, it-talb, l-ikla koxer, il-qari mill-iskrittura u billi kantajna l-għanjiet tas-Sabbath f’ atmosfera ta’ ċelebrazzjoni. Bdejna nisimgħu l-kliem bl-Ebrajk, filwaqt li nsegwu t-traduzzjoni bl-Ingliż. L-aktar skrittura li tqanqlek li qrajna mit-Testment il-Qadim, li hija wkoll għażiża għalina, kienet minn Isaija, li tiddikjara li Jum is-Sabbath huwa l-għaxqa tagħna,23 u minn Eżekjel, li s-Sabbath ”hu sinjal bejni u bejnkom ħa tkunu tafu li jiena l-Mulej Alla tagħkom.”24

L-impressjoni mill-aktar kbira li ħassejna waqt din il-lejla mill-isbaħ kienet waħda dwar l-imħabba tal-familja, id-devozzjoni u li nagħtu rendikont lil Alla ta’ għemilna. Hekk kif bdejt naħseb dwar dan l-avveniment, bdejt nirrifletti dwar il-persekuzzjoni estrema li l-Lhud esperjenzaw mijiet tas-snin ilu. Bl-aktar mod ċar, li jonoraw Jum is-Sabbath kien ”patt perpetwu” li ppreserva u bierek lill-poplu Lhudi biex tiġi fis-seħħ l-iskrittura.25 Dan ikkontribwixxa wkoll għall-ħajja tal-familja mill-aktar straordinarja kif ukoll l-hena li tant huma evidenti fil-ħajja ta’ tant Lhud.26

Għall-membri tal- Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, li nonoraw Jum is-Sabbath hija forma ta’ tjubija li tbierek u ssaħħaħ il-familji, tgħaqqadna mal-Ħallieq tagħna u tkabbar il-ferħ f’ ħajjitna. Jum is-Sabbath jista’ jgħin sabiex jifridna minn dak kollu li hu frivolu, mhux xieraq u immorali. Jagħtina ċ-ċans ngħixu fid-dinja iżda ma nkunux tad- dinja.

Fl-aħħar sitt xhur, fil-Knisja seħħet bidla mill-aktar meraviljuża. Din saret bħala rispons mill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax biex il-membri jġeddu l-enfażi tagħhom dwar Jum is-Sabbath kif ukoll b’ riżultat tal-isfida tal-President Russell M. Nelson biex nagħmlu s-Sabbath l-għaxqa tagħna.27 Ħafna membri jifhmu li jekk huma jqaddsu Jum is-Sabbath dan ikun għalihom refuġju mill-maltemp ta’ din il-ħajja. Huwa sinjal ukoll tad-devozzjoni tagħna lejn Missierna fis-Smewwiet u għarfien akbar tal-qdusija tal-laqgħa tas-sagrament. Xorta waħda, baqa’ ħafna x’ wieħed jagħmel, iżda nistgħu ngħidu li dan huwa bidu mill-isbaħ. Nitlobkom ilkoll sabiex tkomplu tgħożżu dan il-kunsill u ttejbu l-qima tagħkom f’ Jum is-Sabbath.

It-Tielet: Meta Ngħixu Ħajja Ġusta Aħna Niksbu l-Protezzjoni Divina

Bħala parti mill-pjan divin ta’ Alla, aħna mberkin bid-don tal-Ispirtu s-Santu. Dan id-don ”huwa d-dritt li wieħed ikollu miegħu, dejjem jekk huwa den, il-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu.”28 Dan il-membru tad-Divinità jservi bħala aġent li jnaddafna jekk inpoġġu l-ewwel l-evanġelju f’ ħajjitna. Huwa wkoll leħen ta’ twissija kontra l-ħażen u leħen ta’ protezzjoni kontra l-periklu. Hekk kif aħna ninnavigaw l-ibħra tal-ħajja, huwa ferm essenzjali li aħna nimxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu jgħinna nevitaw it-tentazzjoni u l-periklu u jfarraġna u jmexxina qalb l-isfidi tal-ħajja. ”Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi.”29

Jekk nimxu skont il-prinċipji sagri tal-evanġelju dan iwassalna biex aħna nkunu denji tat-tempju u nsibu l-hena f’ din il-ħajja u triqitna lura lejn darna fis-smewwiet.

Għeżież ħuti, il-ħajja mhux dejjem faċli u qatt ma kienet intenzjonata li tkun faċli. Hija żmien ta’ prova u sfida. Bħall-vapuri antiki fil-Port ta’ Bristol, se jiġi żmien meta l-marea toħroġ il-barra mill-kosta bħallikieku kull ħaġa li f’ din il-ħajja żżommna f’ wiċċ l-ilma tispiċċa tevapora minn quddiemna. Nafu mmissu l-qiegħ u anke ninqalbu fuq naħa waħda. Fost dawn l-isfidi, jiena nwegħidkom li jekk aħna ngħixu u nikkultivaw ħajja denja tat-tempju aħna jirnexxilna nibqgħu sodi f’ dak kollu li huwa importanti. Naslu biex niksbu l-barkiet ħelwin ta’ paċi, hena u ferħ flimkien mal-barkiet tal-ħajja eterna u l-glorja ċelestjali flimkien ma’ Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. 2 Nephi 2:13. Din l-iskrittura hija parti mill-paralelliżmu li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon. Hija ħaġa mill-aktar interessanti li ħafna profeti li l-kitbiet u d-diskors tagħhom huma inklużi fil-Ktieb ta’ Mormon jużaw dan il-metodu letterarju biex jenfasizzaw ċerti kunċetti duttrinali importanti. Ara, per eżempju, 2 Nephi 9:25 (Jacob) u 2 Nephi 11:7 (Nephi).

  2. Ara 2 Nephi 28.

  3. Ara 4 Nephi 1:15–17.

  4. Ara Doctrine and Covenants 59:23.

  5. Ara Wiktionary, “shipshape and Bristol fashion,” wiktionary.org.

  6. Ara Doctrine and Covenants 38:30.

  7. Alma 40:12; enfażi miżjuda.

  8. Ara Mattew 5, summarju tal-kapitlu.

  9. Ara Carl Cederstrom, “The Dangers of Happiness,” New York Times, 19 ta’  Lulju, 2015, Sunday Review section, 8.

  10. 2 Nephi 15:20.

  11. Ross Douthat, “Gay Conservatism and Straight Liberation,” New York Times, 28 ta’ Ġunju, 2015, Sunday Review section, 11.

  12. Ara 2 Nephi 2.

  13. Ara Mattew 25:1–30.

  14. Alma 41:10.

  15. Ara Dieter F. Uchtdorf, “Continue in Patience,” Liahona, Mejju 2010, 56.

  16. Ara Walter Mischel, The Marshmallow Test: Mastering Self-Control (2014); ara wkoll Jacoba Urist, “What the Marshmallow Test Really Teaches about Self-Control,” Atlantic, 24 ta’ Sett., 2014, theatlantic.com.

  17. Ara Mischel, The Marshmallow Test, 136–38.

  18. Maria Konnikova, “The Struggles of a Psychologist Studying Self-Control,” New Yorker, 9 ta’ Ott., 2014, newyorker.com, tikkwota lil Roy Baumeister, professur tal-psikoloġija fl-Università tal-Istat ta’ Florida li jistudja d-determinazzjoni tal-bniedem u l-kontroll fuqu nnifsu.

  19. Ara Malia Wollan, “How to Proselytize,” New York Times Magazine, 19 ta’ Lulju, 2015, 21. Hija tikkwota lil Mario Dias taċ-Ċentru għat-Taħriġ Missjunarju fil-Brażil.

  20. Ara Bible Dictionary, “Sabbath.”

  21. Il-Presbiteru Von G. Keetch u martu, Bernice, u John Taylor u martu, Jan, ingħaqdu flimkien miegħi u ma’ marti għaċ-ċelebrazzjoni mill-isbaħ tas-Sabbath flimkien ma’ Robert Abrams u martu, Diane, fit-8 ta’ Mejju, 2015. Is-Sur Abrams serva għall-erba’ leġislaturi sħaħ bħala avukat ġenerali għall-istat ta’ New York u ilu snin twal ħabib tal-Knisja. Is-Sur Abrams stieden ukoll tnejn mill-kollegi tiegħu Lhud flimkien man-nisa tagħhom.

  22. Kantajna l-għanja tas-Sabbath ta’ madwar il-mejda Shalom Aleichem (“Peace upon You”).

  23. Ara Isaija 58:13–14.

  24. Eżekjel 20:20.

  25. Ara Eżodu 31:16–17.

  26. Ara Joe Lieberman, The Gift of Rest: Rediscovering the Beauty of the Sabbath (2011). Il-ktieb mill-isbaħ tas-Senatur Lieberman jiddeskrivi s-Sabbath Lhudi u jipprovdi diversi ħsibijiet li jispiraw.

  27. Ara Isaija 58:13–14; ara wkoll Russell M. Nelson, “Is-Sabbath Hu l-Għaxqa Tagħna,” Liahona, Mejju 2015, 129–32.

  28. Bible Dictionary, “Holy Ghost.”

  29. Galatin 5:22.