2010-2019
L-Ispirtu s-Santu bħala s-Sieħeb Tagħkom
Ottubru 2015


L-Ispirtu s-Santu bħala s-Sieħeb Tagħkom

Aħna nistgħu, jekk ngħixu denji ta’ dan, ikollna l-barka li jkollna magħna dejjem l-Ispirtu, mhux f’ xi waqtiet biss iżda f’ kull mument.

Għeżież ħuti, jiena grat li ninsab magħkom f’ dan il-jum tas-Sabbath waqt il-konferenza ġenerali tal-Knisja tal-Mulej. Jiena, bħalkom, ħassejt l-Ispirtu s-Santu jixhed miegħi dwar il-kliem kollu verità li smajna kemm permezz tad-diskors kif ukoll permezz tal-kant.

L-għan tiegħi llum hu li nkabbar ix-xewqa tagħkom u d-determinazzjon tagħkom li tiksbu r-rigal imwiegħed lil kull wieħed u waħda minna wara li aħna tgħammidna. Waqt li ġejna kkonfermati aħna smajna dan il-kliem: ”Irċievi l-Ispirtu s-Santu.”1 Minn dak il-mument, ħajjitna nbidlet għal dejjem.

Aħna nistgħu, jekk ngħixu denji ta’ dan, ikollna l-barka li jkollna magħna dejjem l-Ispirtu, mhux xi waqtiet biss iżda f’ kull mument, kif esperjenzajna b’ mod meraviljuż illum. Intom tafu mill-kliem tat-talb tas-sagrament kif din il-wegħda tista’ tiġi fis-seħħ: ”O Alla, il-Missier Etern, aħna nistaqsuk f’ isem Ibnek, Ġesù Kristu, sabiex tbierek u tqaddes dan il-ħobż għall-erwieħ ta’ dawk kollha li jieħdu minnu, biex huma jieklu b’ tifkira ta’ ġisem Ibnek, u jixhdu miegħek, O Alla, il-Missier Etern, li huma lesti jieħdu fuqhom isem Ibnek, u dejjem jiftakru fih u jżommu l-kmandamenti li huwa tahom.”

Imbagħad għandna l-wegħda glorjuża: ”Ħalli jkollhom l-Ispirtu tiegħu dejjem magħhom. (D&C 20:77; enfasi miżjuda).

Li jkollna l-Ispirtu dejjem magħna jfisser li jkollna f’ ħajjitna l-gwida u d-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Aħna nistgħu, per eżempju, niġu mwiddbin mill-Ispirtu sabiex nirreżistu t-tentazzjoni li naqgħu fil-ħażen.

Din għandha tkun raġuni biżżejjed biex aħna nindunaw għalfejn il-qaddejja tal-Mulej ippruvaw ikabbru x-xewqa tagħna li naduraw lil Alla fil-laqgħat tas-sagrament. Jekk aħna, b’ fidi, nieħdu sehem fis-sagrament, l-Ispirtu s-Santu mbagħad ikun jista’ jipproteġi lilna u lil dawk li nħobbu mit-tentazzjoni li l-qawwa u l-frekwenza tagħha aktar ma tmur aktar qed tikber.

Il-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu twassal biex aħna naraw dak li hu tajjeb aktar attraenti u t-tentazzjoni anqas kompulsiva. Din hija raġuni biżżejjed biex aħna nkunu determinati li nikkwalifikaw biex l-Ispirtu jkun magħna dejjem.

Bl-istess mod kif l-Ispirtu s-Santu jqawwina kontra l-ħażen, Huwa jagħtina wkoll il-qawwa li nagħrfu l-verità mill-qerq. L-aktar verità importanti nistgħu nkunu ċerti minnha biss permezz ta’ rivelazzjoni minn Alla. Mhux biżżejjed li nużaw ir-raġuni u s-sensi fiżiċi tagħna. Aħna ngħixu fi żmien meta anke l-aktar bniedem għaref isibha diffiċli jiddistingwi l-verità mill-qerq kollu makakkerija.

Il-Mulej għallem lill-Appostlu Tiegħu Tumas, li ried jara b’ għajnejh li s-Salvatur verament kien qam mill-imwiet billi jmiss il-ġrieħi Tiegħu, li r-rivelazzjoni hija l-aktar evidenza ċerta. ”Qallu Ġesù, Tumas, emmint għax rajtni: henjin dawk li ma rawx u emmnu.” (Ġwanni 20:29).

Il-veritajiet li juruna t-triq tagħna lejn Alla jistgħu jiġu vverifikati biss permezz tal-Ispirtu s-Santu. Aħna ma nistgħux immorru fil-bosk u naraw lill-Missier u lill-Iben jitkellmu maż-żagħżugħ Joseph Smith. L-ebda evidenza fiżika jew argument loġiku ma jistgħu jistabbilixxu li Elija ġie fid-dinja kif kien imwiegħed biex jagħti l-imfietaħ tas-saċerdozju, li llum jinsabu mħaddnin u eżerċitati minn profeta ħaj, Thomas S. Monson.

Kull iben jew bint Alla li kisbu d-dritt li jirċievu l-Ispirtu s-Santu jista’ jkollhom konferma tal-verità. Peress li f’ kull ħin nistgħu niġu ffaċċjati b’ qerq u gideb, aħna neħtieġu li jkollna magħna l-influwenza kostanti tal-Ispirtu tal-Verità li jeħlisna fil-mumenti ta’ dubju.

Meta kien membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, George Q. Cannon saħaq li aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ikollna l-Ispirtu dejjem magħna. Huwa wiegħed, u jiena nwiegħed ukoll, li jekk aħna nagħmlu dan, aħna ”qatt ma jonqosna l-għarfien” tal-verità, ”qatt ma ninħakmu mid-dubju jew mid-dalma,” u ”il-fidi tagħna tkun b’ saħħitha, u niksbu l-milja tal- … ferħ.”2

Madankollu, aħna neħtieġu din l-għajnuna kostanti li tiġi mill-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu għal raġuni oħra. Aħna nafu, kontra kull mistenni, nesperjenzaw il-mewt ta’ xi ħadd li nħobbu. Hija x-xhieda mill-Ispirtu s-Santu tar-realtà ta’ Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna u ta’ Salvatur imqajjem mill-imwiet li tagħtina t-tama u l-faraġ fit-telfa tal-maħbubin tagħna. Din it-testimonjanza trid tkun magħna meta aħna niffaċċjaw il-mewt tal-għeżież tagħna.

Mela, għal ħafna raġunijiet, neħtieġu li magħna jkollna l-kumpanija kostanti tal-Ispirtu s-Santu. Din ħaġa li lkoll nixtiquha, madankollu aħna nafu, mill-esperjenza, li mhux faċli li nkunu dejjem denji ta’ dan. Aħna lkoll naħsbu, ngħidu u nagħmlu affarijiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li jistgħu joffendu l-Ispirtu. Il-Mulej għallimna li l-Ispirtu s-Santu jkun is-sieħeb kostanti tagħna meta qalbna tkun mimlija karità u l-virtù ssebbaħ ħsibijietna bla waqfien (ara D&C 121:45).

Għal dawk li qed isibuha bi tqila jgħixu l-istandard ogħla li hu meħtieġ biex aħna nikkwalifikaw għad-don tal-kumpanija tal-Ispirtu, ippermettuli ngħidilkom dan li ġej biex ninkuraġġikom. Żgur kien hemm żminijiet f’ ħajjitkom meta intom ħassejtu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Jaf kien illum stess.

Intom tistgħu tħarsu lejn dawn il-mumenti ta’ ispirazzjoni bħaż-żerriegħa tal-fidi li ddeskriva Alma (ara Alma 32:28). Iżirgħu kull wieħed minnhom. Tistgħu tagħmlu dan billi taġixxu skont is-suġġerimenti li tkunu ħassejtu. L-aktar ispirazzjoni prezzjuża hi li intom tkunu tafu xi jrid minnkom Alla. Jekk dan hu li intom tħallsu d-dieċmi jew li tmorru żżuru li xi ħabib imnikket, mela għandkom tagħmlu dan. Hu x’inhu għamluh. Meta intom turu r-rieda tagħkom li tobdu, l-Ispirtu jagħtikom aktar suġġerimenti dwar dak li Alla jridkom tagħmlu għalih.

Hekk kif intom tobdu, intom tibdew tirċievu aktar ta’ spiss is-suġġerimenti mingħand l-Ispirtu, u ssiru aktar u aktar viċin ta’ din is-sħubija kostanti. Il-qawwa tagħkom li tagħżlu t-tajjeb tikber.

Intom tkunu tafu meta dawn is-suġġerimenti li taġixxu f’ ismu jkunu ġejjin mill-Ispirtu jew inkella mix-xewqat personali tagħkom. Meta s-suġġerimenti jkunu f’ armonija ma’ dak li qal is-Salvatur u li qalu l-profeti u l-appostli ħajjin Tiegħu, intom tistgħu tagħżlu li tobdu b’ kunfidenza. Imbagħad il-Mulej jibgħat l-Ispirtu Tiegħu biex ikun magħkom.

Per eżempju, jekk intom tirċievu suġġeriment spiritwali li tonoraw jum is-Sabbath, speċjalment meta jkun jidher li hi ħaġa diffiċli, Alla jibgħat l-Ispirtu Tiegħu biex jgħinkom.

Din l-għajnuna kien kisibha l-istess missieri meta minħabba x-xogħol tiegħu kellu jmur l-Awstralja. F’ jum il-Ħadd kien jinsab waħdu u ried jieħu s-sagrament. Ma seta’ jsib l-ebda informazzjoni dwar il-laqgħat tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Għalhekk beda miexi. Huwa beda jieqaf jitlob kull darba li kien jispiċċa f’ salib it-toroq biex ikun jaf liema triq kellu jaqbad. Wara li għamel siegħa sħiħa jimxi u jdur, huwa waqaf biex jerġa’ jitlob. Huwa ħass fih is-suġġeriment li kellu jikser fi triq partikolari. Fil-pront huwa beda jisma’ l-kant ġej mis-sular t’ isfel ta’ bini appartamenti fil-viċin. Huwa ttawwal lejn it-tieqa u ra ftit nies bilqiegħda ħdejn mejda mgħottija bi tvalja bajda u bil-kontenituri tas-sagrament.

Issa, għalikom din taf tidher mhux xi ħaġa kbira, iżda bla dubju għalih kienet ħaġa mill-aktar meraviljuża. Huwa kien jaf li l-wegħda tat-talba tas-sagrament kienet ġiet fis-seħħ: ”Dejjem jiftakru fih u jżommu l-kmandamenti li huwa tahom; ħalli jkollhom l-Ispirtu tiegħu magħhom” (D&C 20:77).

Dak kien eżempju wieħed biss ta’ mument meta huwa talab u għamel dak li l-Ispirtu qallu x’ riedu jagħmel Alla. Huwa kompla jagħmel dan tul ħajtu kollha, kif nagħmlu jiena u intom. Huwa qatt ma tkellem dwar l-ispiritwalità tiegħu. Huwa kompla għaddej iwettaq ħwejjeġ żgħar għall-Mulej skont kif jiġi mnebbaħ biex jagħmel.

Kull meta xi grupp ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem kienu jitolbuh sabiex ikellimhom, huwa dan kien jagħmlu. Ma kenitx tagħmel differenza jekk kinux ikunu 10 jew 50 ruħ jew jekk kienx ikun għajjien. Huwa qasam it-testimonjanza tiegħu tal-Missier, tal-Iben u l-Ispirtu s-Santu u tal-profeti kull meta l-Ispirtu kien inebbħu biex jagħmel dan.

L-ogħla sejħa tiegħu fil-Knisja kienet bħala membru tal-kunsill ogħla tal-Wited ta’ Bonneville, f’ Utah, fejn hemmhekk huwa kien jaqta’ l-ħaxix ħażin fir-razzett tal-wited u kien jgħallem klassi tal-Iskola tal-Ħadd. Tul is-snin, meta kien jeħtieġu, l-Ispirtu s-Santu dejjem kien ikun lest biex ikun is-sieħeb tiegħu.

Jiena kont ninsab wieqaf ħdejn missieri f’ kamra ġewwa sptar. Ommi, martu għal 41 sena sħaħ, kienet mixħuta f’ sodda. Huwa kien ilu ħdejha għal sigħat sħaħ. Stajna naraw l-espressjoni ta’ wġigħ titlaq minn fuq ħaddejha. Is-swaba’ ta’ jdejha, li kienu magħluqin f’ ponn, bdew jintreħew. Dirgħajha niżlu jistrieħu ma’ ġenbejha.

L-uġigħ, minħabba snin twal tbati bil-marda tal-kanċer, kien qed iħalliha. Fuq wiċċha stajt nara ħarsa ta’ paċi. Wara ftit nifsijiet qosra, ħadet l-aħħar nifs u mbagħad ma ċċaqalqitx aktar. Aħna waqafna hemm nistennew jekk kinetx se tieħu xi nifs ieħor.

Finalment, Missieri qal b’ leħen baxx, ”Tifla ċkejkna marret lejn id-dar.”

Huwa xejn ma beka. Dan għaliex l-Ispirtu s-Santu minn ħafna żmien qabel urieh stampa ċara ta’ min verament kienet, minn fejn kienet ġiet, x’ kien irnexxielha ssir u fejn kienet sejra. L-Ispirtu xehed miegħu bosta drabi dwar Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna, dwar Salvatur li kisser il-qawwa tal-mewt u dwar ir-realtà tas-siġill tat-tempju li huwa qasam ma’ martu u mal-familja tiegħu.

L-Ispirtu kien urieh b’ ċertezza minn żmien twil qabel li t-tjubija u l-fidi tagħha kienu kkwalifikawha sabiex terġa’ lura fid-dar tas-smewwiet fejn hemmhekk kienet se tkun imfakkra bħala bint meraviljuża tal-wegħda u li se tintlaqa’ lura d-dar b’ unur.

Għal missieri, dan kien ifisser ferm aktar minn sempliċiment tama. L-Ispirtu s-Santu kien urieh ir-realtà ta’ dan kollu.

Issa, xi wħud jafu jgħidu li kliemu u l-imaġini li kellu f’ moħħu dwar id-dar fis-smewwiet ma kienu xejn ħlief sentiment sabiħ, il-ġudizzju mċajpar ta’ raġel fil-mument li kien għadu kif tilef lil martu. Iżda huwa sar jaf dwar il-verità eterna bl-uniku mod li intom tistgħu ssir tafu dwarha.

Huwa kien xjenzat li fittex il-verità dwar id-dinja fiżika tul il-ħajja adulta tiegħu. Huwa uża l-għodda tax-xjenza b’ mod mill-aktar tajjeb tant li ġie onorat minn xjenzati oħra madwar id-dinja. Ħafna mix-xogħol li huwa għamel fil-kimika kien riżultat ta’ għadd ta’ molekuli li l-ewwel huwa kien jimmaġinahom iduru u mbagħad kien jikkonferma l-immaġinazzjoni tiegħu permezz tal-esperimenti li kien jagħmel ġewwa l-laboratorju.

Iżda biex huwa jiskopri l-veritajiet li kienu tal-akbar importanza għalih u għalina lkoll huwa kellu jagħmel dan permezz ta’ mod ieħor. Huwa biss permezz tal-Ispirtu s-Santu li aħna nistgħu naraw lin-nies u lil ċerti ġrajjiet kif jarahom Alla.

Dan id-don kompla ġewwa l-isptar wara li mietet martu. Aħna ġbarna l-affarijiet ta’ ommi biex noħduhom magħna d-dar. Missieri waqaf biex jirringrazzja lill-infermiera u t-tobba kollha li ltqajna magħhom fi triqitna lejn il-karozza. Niftakar li jien ħassejtni xi ftit urtat, għax ħassejt li kellna nkunu weħidna f’ dak il-mument ta’ niket.

Illum jiena nirrealizza li huwa ra ħwejjeġ li seta’ jurih biss l-Ispirtu s-Santu. Huwa lil dawk in-nies rahom bħala anġli mibgħuta minn Alla biex jieħdu ħsieb lill-maħbuba tiegħu. Jista’ jkun li huma kienu jaraw lilhom infushom bħala nies professjonisti fil-qasam tas-saħħa, iżda missieri kien qed jirringrazzjahom għas-servizz tagħhom f’ isem is-Salvatur.

L-influwenza tal-Ispirtu s-Santu baqgħet miegħu hekk kif wasalna d-dar tal-ġenituri tiegħi. Tkellimna għal ftit minuti ġewwa s-salott. Missieri skuża ruħu li kien se jkollu jitlaq fil-kamra tas-sodda tiegħu li kienet tinsab viċin.

Wara ftit minuti, huwa reġa’ lura fis-salott. Fuq wiċċu kellu tbissima ħelwa. Huwa ġie dritt fuqna u b’ leħen sieket qalilna, ”Kont qed ninkwieta li Mildred kienet se tasal fid-dinja tal-ispirti weħidha. Bdejt naħseb li setgħet tħossha bħal mitlufa qalb il-folla.”

Imbagħad bil-ferħ tenna, ”Għadni kif kont qed nitlob. Naf li Mildred tinsab tajjeb. Ommi kienet tinsab hemmhekk biex tiltaqa’ magħha.”

Niftakar li qbadt nitbissem kif qal hekk, immaġinajt lin-nanna, tiġri bis-saqajha qosra tagħha, timbotta qalb il-folla biex tkun ċerta li kienet se tkun hemm biex tiltaqa’ mal-mara ta’ binha u tħaddanha magħha hekk kif tasal hemm.

Issa, waħda mir-raġunijiet għaliex missieri talab u rċieva dan il-faraġ kien għaliex huwa kien ilu jitlob minn meta kien għadu tifel. Huwa kien imdorri jirċievi tweġibiet li kien iħoss f’ qalbu biex lilu jfarrġuh u juruh id-direzzjoni. Minbarra d-drawwa tat-talb, huwa kien jaf sew l-iskrittura u l-kliem tal-profeti ħajjin. Għalhekk huwa għaraf il-vuċi siekta iżda familjari tal-Ispirtu, li intom probabbilment ħassejtu llum.

Il-kumpanija tal-Ispirtu mhux biss farrġitu u ggwidatu. Bidlitu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Meta aħna naċċettaw dik il-wegħda li jkollna magħna dejjem l-Ispirtu, is-Salvatur jista’ jagħtina l-purifikazzjoni meħtieġa għall-ħajja eterna, l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla (ara D&C 14:7).

Tiftakru kliem is-Salvatur: ”Issa dan huwa l-kmandament: Indmu, intom kollha minn truf id-dinja, u ejjew għandi u tgħammdu f’ ismi, ħalli titqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu, sabiex intom tieqfu mingħajr tebgħa quddiemi fl-aħħar jum.” (3 Nephi 27:20).

Dawn il-kmandamenti jaslu għandna b’ wegħda mingħand il-Mulej:

”U issa, fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, afdaw fl-Ispirtu li jwassalkom biex tagħmlu t-tajjeb—iva, biex tagħmlu li hu xieraq, biex timxu b’ umlità, biex tiġġudikaw b’ mod ġust; u dan hu l-Ispirtu tiegħi.

”Fis-sewwa, fis-sewwa, ngħidilkom, jiena nagħtikom l-Ispirtu tiegħi, li jdawwal moħħkom, li jimla ruħkom bil-ferħ” (D&C 11:12–13).

Jiena naqsam it-testimonjanza li Alla l-Missier jgħix, li Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet imexxi l-Knisja Tiegħu, li l-President Thomas S. Monson iħaddan l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju, u li r-rivelazzjoni permezz tal-Ispirtu s-Santu tiggwida u ssostni l-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u l-membri umli tagħha.

Jiena nixhed ukoll magħkom li dawn l-irġiel meraviljużi li kienu qed ikellmuna llum bħala xhieda tal-Mulej Ġesù Kristu, bħala membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, huma msejħin minn Alla. Jiena naf li kien l-Ispirtu li ggwida lill-President Monson biex isejħilhom. U hekk kif tisimgħu lilhom u t-testimonjanzi tagħhom, l-Ispirtu s-Santu jikkonfermalkom dak li qed ngħidilkom jien. Huma msejħin minn Alla. Jiena nsostnihom u nħobbhom u naf li l-Mulej iħobbhom u se jsostnihom fis-servizz tagħhom. U nagħmel dan f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Handbook 2: Administering the Church (2010), 20.3.10.

  2. Ara George Q. Cannon, in “Minutes of a Conference,” Millennial Star, 2 ta’ Mejju, 1863, 275–76.