2010-2019
It-Talba Mqanqla Tiegħi lil Ħuti n-Nisa
Ottubru 2015


It-Talba Mqanqla Tiegħi lil Ħuti n-Nisa

Aħna neħtieġu l-qawwa tagħkom, il-konverżjoni tagħkom, il-konvinzjoni tagħkom, l-abbiltà tagħkom li tmexxu, l-għerf tagħkom u l-ilħna tagħkom.

Għeżież Presbiteri Rasband, Stevenson, u Renlund, aħna, ħutkom, nilqgħukom fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Nirringrazzjaw lil Alla għar-rivelazzjoni kontinwa li Huwa jagħti lill-profeta Tiegħu, il-President Thomas S. Monson.

Ħuti, meta sitt xhur ilu aħna ltqajna hawn fil-konferenza ġenerali, ħadd minna ma antiċipa t-tibdil immedjat li kien se jseħħ li spiċċa mess is-sentiment ta’ kull membru fil-Knisja. Il-Presbiteru L. Tom Perry wassal messaġġ mill-aktar qawwi dwar l-irwol li ż-żwieġ u l-familja jokkupaw fil-pjan tal-Mulej, fejn xejn ma jista’ joħdilhom posthom. Ilkoll inħsadna meta ftit jiem biss wara, sirna nafu dwar il-kanċer li fi ftit żmien kien se jieħdu minn fostna.

Għalkemm President Boyd K. Packer saħħtu kienet ilha sejra lura, huwa kien kuraġġjuż biżżejjed li ”jibqa’ għaddej” bil-ħidma tal-Mulej. April li għadda kien iħossu dgħajjef ħafna, iżda kien determinat li jiddikjara x-xhieda tiegħu sakemm il-Mulej jagħtih in-nifs li jagħmel dan. Imbagħad, wara 34 jum biss wara l-mewt tal-Presbiteru Perry, il-President Packer ukoll qasam għan-naħa l-oħra tal-velu.

Fl-aħħar konferenza ġenerali aħna lkoll immissjajna lill-Presbiteru Richard G. Scott, iżda stajna nirriflettu dwar ix-xhieda qawwija li huwa qasam dwar is-Salvatur fil-ħafna konferenzi ġenerali ta’ qabel. U kien biss 12-il ġurnata ilu, li l-Presbiteru Scott ġie msejjaħ lura d-dar u hemm jerġa’ jingħaqad mal-maħbuba tiegħu Jeanene.

Jiena kelli l-privileġġ li nkun flimkien ma’ kull wieħed minn dawn l-Aħwa tul l-aħħar jiem tagħhom, fejn anke ngħaqadt ma’ membri tal-familja immedjata tal-President Packer u tal-Presbiteru Scott ftit qabel ma huma għaddew għan-naħa l-oħra. Bilkemm stajt nemmen li dawn it-tliet ħbieb mill-aktar għeżież għalija, dawn il-qaddejja meraviljużi tal-Mulej, ma kinux aktar magħna. Nimmissjahom aktar milli tistgħu timmaġinaw.

Hekk kif bdejt nirrifletti dwar dawn il-mumenti xejn mistennija, impressjoni li baqgħet stampata f’ moħħi hija dik li jiena osservajt fin-nisa li ħallew warajhom. Imnaqqxa f’ moħħi hemm l-imaġini mill-aktar serena ta’ Sister Donna Smith Packer u Sister Barbara Dayton Perry ħdejn is-sodda ta’ żewġhom, iż-żewġ nisa mimlijin bl-imħabba, il-verità u l-fidi pura.

Hekk kif Sister Packer kienet tinsab bilqiegħda ħdejn żewġha fl-aħħar sigħat tiegħu, fuq wiċċha kienet tiddi l-paċi li tiżboq kull għarfien.1 Għalkemm hija kienet għarfet li l-maħbub sieħeb tagħha għal kważi 70 sena kien wasal biex iħalliha, hija wriet it-trankwilità ta’ mara mimlija fidi. Kienet tidher qisha anġlu, l-istess kif kienet tidher f’ dan ir-ritratt tagħhom waqt id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Brigham City, f’ Utah.

Immaġni
Il-President u Sister Packer fit-Tempju ta’ Brigham City, Utah

Jiena rajt l-istess imħabba u fidi jdawlu lil Sister Perry. Id-devozzjoni tagħha kemm lejn żewġha u lejn il-Mulej kienet waħda mill-aktar ovvja, u wasslitni biex inħossni verament kommoss.

Immaġni
Il-Presbiteru u Sister Perry

Waqt l-aħħar sigħat ta żwieġhom f’ din id-dinja, u kif għadhom sal-ġurnata tal-lum, dawn in-nisa tal-azzar urew il-qawwa u l-kuraġġ li dejjem juru n-nisa kollha li jżommu l-patti tagħhom.2 Impossibbli tkejjel l-influwenza li għandhom dawn in-nisa, mhux biss fuq il-familji iżda wkoll fuq il-Knisja tal-Mulej, bħala nisa miżżewġin, ommijiet, u nanniet; bħala aħwa u zijiet; bħala għalliema u mexxejja; u speċjalment bħala nies eżemplari u difensuri devoti tal-fidi.3

Nistgħu ngħidu li dan kien minnu f’ kull dispensazzjoni tal-evanġelju minn żmien Adam u Eva. Madankollu n-nisa ta’ din id-dispensazzjoni huma distinti minn kull mara ta’ kull dispensazzjoni oħra għaliex din id-despensazzjoni hija distinta minn dawk kollha li ġew qabel.4 Din iġġib magħha kemm privileġġi kif ukoll responsabbiltajiet.

Immaġni
Ritratt tal-President Kimball

Sitta u tletin sena ilu, fl-1979, il-President Spencer W. Kimball tenna profezija mill-aktar profonda dwar l-impatt li n-nisa li jżommu l-patti tagħhom se jkollhom fuq il-futur tal-Knisja tal-Mulej. Huwa pprofetizza: ”Ħafna mit-tkabbir ewlieni li se jkollha l-Knisja fl-aħħar jiem se jseħħ għaliex ħafna min-nisa twajba tad-dinja … se jersqu lejn il-Knisja f’ numri kbar. Dan jiġi fis-seħħ dejjem jekk in-nisa tal-Knisja jirriflettu f’ ħajjithom is-sewwa u l-intelliġenza u dejjem jekk in-nisa tal-Knisja jkunu jidhru bħala distinti u differenti—b’ mod pożittiv—min-nisa tad-dinja.”5

Għeżież ħuti, li intom is-sieħba mill-aktar importanti tagħna f’ dawn l-aħħar żminijiet, għalikom beda jirreferi l-President Kimball. Intom in-nisa li hu pprofetizza dwarhom! Il-virtù, id-dawl, l-imħabba, l-għarfien, il-kuraġġ, il-karattru, il-fidi u l-ħajja twajba tagħkom wasslu biex nisa twajbin oħra fid-dinja, flimkien mal-familji tagħhom, jersqu lejn il-Knisja f’ numru akbar minn qatt qabel!6

Aħna, ħutkom, neħtieġu l-qawwa tagħkom, il-konverżjoni tagħkom, il-konvinzjoni tagħkom, l-abbiltà tagħkom li tmexxu, l-għerf tagħkom u l-ilħna tagħkom. Is-saltna ta’ Alla ma tistax tkun kompleta mingħajr in-nisa li jagħmlu patti sagri u mbagħad iżommuhom, nisa li jistgħu jitkellmu bil-qawwa u l-awtorità ta’ Alla!7

Il-President Packer iddikjara:

”Neħtieġu nisa li huma organizzati u nisa li jistgħu jorganizzaw. Neħtieġu nisa bl-abbiltà eżekuttiva li jistgħu jippjanaw u jmexxu u jamministraw; nisa li jistgħu jgħallmu, nisa li jistgħu jsemmgħu leħinhom. …

”Neħtieġu nisa bid-don tad-dixxerniment li jistgħu jagħrfu l-kurrent tad-dinja u jindunaw b’ dak li, għalkemm popolari, huwa superfiċjali jew perikoluż.”8

Illum, ippermettuli nżid li neħtieġu nisa li jafu jwettqu ħwejjeġ importanti permezz tal-fidi tagħhom u li huma difensuri kuraġġjużi tal-mortalità u l-familji f’ dinja mifnija bid-dnub. Neħtieġu nisa li huma devoti biex jieħdu ħsieb ulied Alla fit-triq tagħhom tal-patt lejn l-eżaltazzjoni; nisa li jafu kif jistgħu jirċievu r-rivelazzjoni personali, li jifhmu l-qawwa u l-paċi tal-għotja mqaddsa tat-tempju; nisa li jafu jduru lejn il-qawwiet tas-sema biex jipproteġu u jsaħħu lill-ulied u lill-familji; nisa li jgħallmu mingħajr biża’ ta’ xejn.

Tul ħajti, jiena ġejt imbierek b’ nisa hekk. Marti Dantzel, li issa tinsab fuq in-naħa l-oħra, kienet mara hekk. Jiena nibqa’ għal dejjem grat għall-influwenza, li waslet biex trasformatli ħajti, li hija kellha fuqi f’ kull aspett tal-ħajja, fosthom fl-isforzi tiegħi biex niżviluppa metodi ġodda fil-kirurġija fuq qalb miftuħa.

Tmienja u ħamsin sena ilu jiena ġejt mitlub sabiex nopera fuq tifla ċkejkna, li kienet marida gravi minħabba marda tal-qalb li kienet twieldet biha. Ħuha akbar minnha kien miet qabilha bl-istess kundizzjoni. Il-ġenituri tagħha talbu b’ ħerqa għall-għajnuna. Jiena ma tantx kont ottimist dwar jekk kenitx se tirnexxi iżda ħlift li nagħmel dak kollu li stajt biex insalvalha ħajjitha. Minkejja l-isforz kollha tiegħi, it-tifla mietet. Aktar tard, l-istess ġenituri ġabuli tifla oħra, li kellha biss 16-il xahar, li kienet twieldet ukoll b’ qalb difettuża. Għal darb’oħra, skont ix-xewqa tagħhom, jiena għamilt l-operazzjoni. Din it-tifla mietet ukoll. It-tielet telfa ġo l-istess familja, ħaġa mill-aktar ta’ qsim il-qalb, wasslet biex emozzjonatni għall-aħħar.

Mort id-dar maħkum bin-niket. Inxħitt mal-art fis-salott tagħna u għaddejt il-lejl nibki. Dantzel baqgħet ħdejja, tismagħni niddikjara ripetutament li qatt aktar ma kont se ntwettaq operazzjoni oħra fuq il-qalb. Imbagħad, għall-ħabta tal-5 ta’ filgħodu, Dantzel ħarset lejja u b’ imħabba staqsietni, ”Waqaft tibki? Mela ilbes. Mur lura fil-laboratorju. Mur ix-xogħol! Jeħtieġ titgħallem aktar. Jekk inti tieqaf issa, oħrajn se jkollhom jitgħallmu dak li diġà tgħallimt inti b’ tant sofferenza.”

O, kemm kont neħtieġ il-viżjoni, il-kuraġġ u l-imħabba ta’ marti! Jiena mort lura x-xogħol u tgħallimt aktar. Kieku ma kienx għall-inkuraġġiment ispirat ta’ Dantzel, qatt ma kont nispiċċa nopera fuq il-qalb mifuħa u qatt ma kont inkun preparat biex fl-1972 nagħmel l-operazzjoni li salvat il-ħajja tal-President Spencer W. Kimball.9

Ħuti, jirnexxielkom taraw il-kobor u l-immensità tal-influwenza tagħkom meta intom tgħidu dawk il-ħwejjeġ li tħossu f’ qalbkom u f’ moħħkom skont kif jidderiġikom l-Ispirtu? Wieħed president tal-wited mill-aktar eċċellenti kellimni dwar laqgħa tal-kunsill tal-wited li fiha spiċċaw jiddiskutu sfida mill-aktar diffiċli. F’ mument minnhom, hu rrealizza li l-president tal-Primarja tal-wited kienet għadha ma qalet xejn, għalhekk huwa staqsieha jekk kellhiex xi suġġerimenti. ”Mela, fil-fatt għandi,” hija qalet u mbagħad kompliet biex qasmet magħhom ħsieb li spiċċa bidel id-direzzjoni sħiħa tal-laqgħa. Il-president tal-wited kompla, ”Hekk kif hija tkellmet, l-Ispirtu xehed miegħi li hija kienet spiċċat il-leħen tar-rivelazzjoni li tant konna ilna nfittxu li niksbu bħala kunsill.”

Għeżież ħuti, hi x’inhi s-sejħa tagħkom, hi x’inhi ċ-ċirkustanza li tinsabu fiha, aħna neħtieġu s-suġġerimenti tagħkom, l-ideat tagħkom u l-ispirazzjoni tagħkom. Neħtieġu li intom issemmgħu leħinkom u titkellmu fil-kunsilli tagħkom tal-qasam u tal-wited. Neħtieġu lil kull oħt miżżewġa sabiex titkellem bħala ”sieħba li tikkontribwixxi u sħiħa10 hekk kif intom tingħaqdu flimkien ma’ żwieġkom fit-tmexxija tal-familja tagħkom. Miżżewġin jew le, intom l-aħwa nisa tippossedu ħiliet distinti u intuwizzjoni speċjali li rċevejtu bħala doni minn Alla. Aħna ħutkom l-irġiel ma nistgħu qatt ikollna l-influwenza mill-aktar unika tagħkom.

Aħna nafu li l-qofol tal-ħolqien kollu kien il-ħolqien tal-mara!11 Neħtieġu l-qawwa tagħkom!

L-attakki kontra l-Knisja, id-duttrina tagħha u l-mod kif aħna ngħixu se jkomplu jiżdiedu. Minħabba f’ hekk, neħtieġu nisa li għandhom għarfien sod tad-duttrina ta’ Kristu u li jużaw dan l-għarfien biex jgħallmu u jgħinu jrabbu ġenerazzjoni li tkun kapaċi tirreżisti d-dnub.12 Neħtieġu nisa li kapaċi jagħrfu l-qerq fil-forom kollha tiegħu. Neħtieġu nisa li jafu kif jaċċessaw il-qawwa li Alla għamel disponibbli għal dawk li jżommu l-patti u li jesprimu t-twemmin tagħhom b’ kunfidenza u karità. Neħtieġu nisa li għandhom il-kuraġġ u l-viżjoni ta’ Ommna Eva.

Għeżież ħuti, xejn mhu kruċjali aktar għall-ħajja eterna tagħkom mill-istess konverżjoni tagħkom. Huwa n-nisa li verament ikkonvertew u li jżommu l-patti tagħhom—nisa bħall-għażiża marti Wendy—li l-ħajja twajba tagħhom aktar ma tmur aktar se tispikka f’ dinja li qed tiddeterjora u li b’hekk jibdew jidhru bħala differenti u distinti f’ sens mill-aktar pożittiv .

Għalhekk illum jiena se nerġa’ nitlob bil-ħerqa lil ħuti n-nisa tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem sabiex ixammru l-kmiem! Araw li tokkupaw il-post xieraq u bżonnjuż tagħkom fid-djar tagħkom, fil-komunità tagħkom, u fis-saltna ta’ Alla—aktar minn qatt qabel. B’ ħerqa jiena nitlobkom sabiex iġġibu fis-seħħ il-profezija tal-President Kimball. U jiena nwegħidkom f’ isem Ġesù Kristu li hekk kif tagħmlu dan, l-Ispirtu s-Santu ikabbar l-influwenza tagħkom b’ qawwa aktar minn qatt qabel.

Jiena nixhed magħkom dwar ir-realtà tal-Mulej Ġesù Kristu u l-qawwa feddejja u mqaddsa Tiegħu. U bħala wieħed mill-Appostli Tiegħu, jien nirringrazzjakom, għeżież ħuti, u nberikkom sabiex tilħqu l-massimu ta’ dak li tistgħu tilħqu, sabiex iġġibu fis-seħħ l-għan tal-ħolqien tagħkom, hekk kif nimxu id f’id f’ din il-ħidma sagra. Flimkien aħna ngħinu nħejju id-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej. Ta’ dan jiena nixhed, bħala ħukom, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Filippin 4:7.

  2. Dan jinkludi d-dmugħ—li nżommu l-kmandament li nibku għal dawk li nħobbu meta huma jiggradwaw minn din il-ħajja (ara Doctrine and Covenants 42:45).

  3. Ara l-influwenza ta’ Rebekka fuq Iżakk u fuq binhom Ġakobb f’ Genesis 27:46; 28:1–4.

  4. Ara Joseph Fielding Smith, Answers to Gospel Questions, miġ. Joseph Fielding Smith Jr., 5 voli. (1957–66), 4:166. Nota: Id-dispensazzjonijiet kollha ta’ qabel kienu limitati għal parti biss mid-dinja u ġew fi tmiemhom permezz ta’ apostasija. B’ kuntrast, din id-dispensazzjoni mhux limitata b’ xi naħa partikolari fid-dinja jew b’ xi żmien. Se timla d-dinja u se twassal għat-Tieni Miġja tal-Mulej.

  5. Teachings of Presidents of the Church: Spencer W. Kimball (2006), 222–23.

  6. Meta twelidt jiena, kien hawn anqas minn 600,000 membru tal-Knisja. llum hawn aktar minn 15-il miljun. Dan in-numru se jkompli jikber.

  7. Il-President Joseph Fielding Smith qal lill-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna, ”Intom tistgħu titkellmu b’ awtorità, għaliex il-Mulej takom l-awtorità.” Huwa qal ukoll li s-Soċjetà tal-Għajnuna ”ġiet mogħtija l-qawwa u l-awtorità li twettaq bosta ħwejjeġ. Il-ħidma li huma jwettqu titwettaq b’ awtorità divina” (“Relief Society—an Aid to the Priesthood,” Relief Society Magazine, Jan. 1959, 4, 5). Dawn il-kwotazzjonijiet ġew ikkwotati wkoll mill-Presbiteru Dallin H. Oaks fid-diskors tal-konferenza, “L-Imfietaħ u l-Awtorità tas-Saċerdozju,” Liahona, Mejju 2014, 51.

  8. Boyd K. Packer, “The Relief Society,” Ensign, Nov. 1978, 8; ara also M. Russell Ballard, Counseling with Our Councils: Learning to Minister Together in the Church and in the Family (1997), 93.

  9. Ara Spencer J. Condie, Russell M. Nelson: Father, Surgeon, Apostle (2003), 146, 153–56. Nota: Fl-1964, il-President Kimball iddistingwieni bħala president tal-wited u berikkni bil-wegħda li r-rata tal-imwiet kienet se tonqos minħabba l-isforzi tiegħi fl-operazzjonijiet fuq il-valv tal-aorta. Minn kien jgħidilna li tmien snin wara jiena kont se nispiċċa nopera fuq l-istess President Kimball u parti mill-proċedura kienet li nibdel il-valv inkompetenti tiegħu tal-aorta.

  10. ”Meta nitkellmu dwar iż-żwieġ bħala sħubija, ejjew nitkellmu dwar iż-żwieġ bħala sħubija sħiħa . Ma rridux li n-nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem ikunu sieħba bla vuċi jew limitati f’ din il-ħidma eterna! Jekk jogħġobkom kunu sieħba li tikkontribwixxu u sħaħ” (Spencer W. Kimball, “Privileges and Responsibilities of Sisters,” Ensign, Nov. 1978, 106).

  11. ”L-għanijiet kollha tad-dinja u dak kollu li hawn fid-dinja kien ikun ta’ xejn mingħajr il-mara—il-ċavi ċentrali fil-ħnejja tas-saċerdozju tal-ħolqien” (Russell M. Nelson, “Lessons from Eve,” Ensign, Nov. 1987, 87). ”Eva saret l-aħħar ħolqien ta’ Alla, il-kulminu tal-ħidma meraviljuża kollha li seħħet qabel” (Gordon B. Hinckley, “The Women in Our Lives,” Liahona, Nov. 2004, 83).

  12. Ara Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 33.