2010-2019
Agħżlu d-Dawl
Ottubru 2015


Agħżlu d-Dawl

Aħna għandna nagħżlu li nagħtu kas tal-kunsill profetiku, nagħrfu, u naġixxu skont is-suġġerimenti spiritwali u nobdu l-kmandamenti ta’ Alla.

M’ilux wisq, jien u marti ddeċidejna li mmorru nesperjenzaw aħjar is-sbuħija tal-inħawi fejn noqogħdu fil-majjistral ta’ Montana. Aħna ddeċidejna li nieħdu r-rota magħna sat-Trejqa ta’ Hiawatha, li ġiet ikkonvertita f’ linja tal-ferrovija li taqsam il-Muntanji ’Rocky’ bejn Montana u Idaho. Aħna anteċipajna jum mill-isbaħ flimkien ma’ xi ħbieb minn tagħna, nitpaxxew flimkien bin-natura sabiħa tal-inħawi.

Konna nafu li l-mixja tagħna mat-trejqa meraviljuża twila 15-il mil (24-km) kienet se tinkludi fiha għadd ta’ pontijiet li jaqsmu fuq il-widien fondi u l-mini twal li jippenetraw il-muntanji kollha blat. Għalhekk aħna ħejjejna lilna nfusna b’ dawl marbut mal-elmu u mar-roti.

Immaġni
In-Naħa ta’ Barra tal-Mina Taft

Dawk li kienu diġà marru qabilna wissewna li l-mini kienu mudlama u li kellna bżonn dawl qawwi mhux ħażin. Hekk kif inġbarna quddiem il-fetħa enormi fil-blat tal-Mina Taft, wieħed li kien qed jieħu ħsiebna spjegalna xi ftit mill-periklu ta’ din it-trejqa, fosthom il-ħniedaq fondi max-xifer, il-ħitan raffi u d-dalma totali. Bla sabar, aħna bdejna naqdfu ’l quddiem għal ġewwa l-mina. Wara biss ftit ħin li konna ilna naqdfu, spiċċat ħakmitna d-dalma li konna qed nistennew. Id-dawl li kont ħadt miegħi deher li ma kienx biżżejjed, u d-dalma verament ħasditna. F’ daqqa waħda, bdejt inħossni anzjuż, konfuż u mħawwad.

Immaġni
Roti fil-mina
Immaġni
Roti fil-mina bid-dawl jirrifletti

Ħassejtni imbarazzat wisq biex nammetti ma’ sħabi u mal-familja tiegħi l-biżgħat li kelli fuqi. Għalkemm jiena ċiklist ta’ esperjenza, ħassejtni bħallikieku qatt ma kont irkibt fuq rota qabel. Bdejt insibha bit-tqila biex inżomm wieqaf hekk kif bdejt inħossni aktar u aktar imħawwad. Finalment, wara li esprimejt ma’ dawk ta’ madwari kemm kont qed inħossni skomdu, irnexxieli nersaq aktar viċin tad-dawl aqwa ta’ sieħbi. Fil-fatt, kulħadd fil-grupp beda jifforma bħal ċirku madwaru. Billi morna aktar viċin tiegħu u bdejna niddependu għal xi ħin fuq id-dawl tiegħu u d-dawl kollettiv tal-grupp, aħna bqajna deħlin aktar fil-fond tad-dalma tal-mina.

Immaġni
Dawl fi tmiem il-mina

Wara l-ħin li għamilna f’ din is-sitwazzjoni, li deher qisu sigħat sħaħ, jien stajt nilmaħ ftit raġġi ta’ dawl. Kważi b’ mod immedjat jiena bdejt inħossni ċert li kollox kien se jkun sew. Komplejt miexi ’l quddiem, niddependi kemm fuq id-dawl ta’ sħabi kif ukoll fuq it-tikka dawl dejjem tikber li kont qed nara. Il-kunfidenza tiegħi bdiet tikber gradwalment hekk kif id-dawl beda jikber fil-qawwa u l-intensità. Ħin mhux ħażin qabel wasalna f’ tarf il-mina, jiena ma bqajtx inħoss aktar il-bżonn tal-assistenza ta’ sħabi. L-anzjetà kollha li kelli fuqi ħallietni hekk kif bdejna naqdfu lejn id-dawl. Ħassejtni kalm u ħassejt sens ta’ sigurtà fuqi saħansitra minn qabel ma qdifna lejn id-dawl tal-għodwa kollha sbuħija u meravilja.

Aħna ninsabu ngħixu f’ dinja li fiha l-fidi tagħna se tesperjenza ċerti sfidi. Nafu nħossuna ċerti li aħna lesti biex niffaċċjaw dawn l-isfidi—iżda wara nsibu li t-tħejjija tagħna ma kenitx biżżejjed. U l-istess kif sieħbi kien wissieni dwar id-dalma, aħna llum ninsabu mwissija wkoll. L-ilħna appostoliċi jitolbuna b’ ħerqa sabiex inħejju lilna nfusna permezz tad-dawl jiddi tal-qawwa spiritwali.

Bl-istess mod, aħna nafu nħossuna spiritwalment imbarazzati, skomdi jew konfużi meta aħna nħabbtu wiċċna ma’ ċerti sfidi spiritwali. Ġeneralment, l-intensità u l-perjodu ta’ dawn is-sentimenti jiddependu mill-mod kif aħna nirreaġixxu għalihom. Jekk nibqgħu ma nagħmlu xejn, id-dubju, is-suppervja u eventwalment l-apostasija jistgħu ibegħduna mid-dawl.

Jiena tgħallimt għadd ta’ lezzjonijiet importanti mill-esperjenza tiegħi fil-mina. Se naqsam magħkom uħud minnhom.

L-ewwel, tkun kemm tkun intensa d-dalma tad-dubju, huwa aħna stess li nagħżlu għal kemm u b’ liema qawwa se nħalluha tinfluwenzana. Jeħtieġ niftakru kemm iħobbuna Missierna tas-Smewwiet u Ibnu. Huma la qatt jabbandunawna u lanqas iħalluna niġu megħluba jekk aħna nfittxu l-għajnuna Tagħhom. Ftakru fl-esperjenza ta’ Pietru fuq il-mewġ qalil tal-Baħar tal-Galilija. Hekk kif Pietru ħass id-dalma kiesħa madwaru, huwa mill-ewwel għaraf id-dilemma li kien fiha u immedjatament f’ dak il-mument għażel li jitlob l-għajnuna. Huwa ma ddubitax il-qawwa tas-Salvatur li setgħet issalvah; hu sempliċiment qal, ”Salvani, Mulej.”1

F’ ħajjitna, l-id lesta biex tgħinna tas-Salvatur taf tieħu l-forma ta’ id xi ħabib li nafdaw fih, xi mexxej tagħna jew xi ħadd mill-ġenituri tagħna li tant iħobbna. Waqt li nkunu qed nissieltu mad-dalma, m’hemm xejn ħażin jekk għal ftit ħin niddependu fuq id-dawl ta’ dawk li jħobbuna u jixtiequ l-aħjar għalina.

Meta aħna nikkunsidraw dan bir-reqqa, għalfejn għandna nagħtu kas tal-ilħna anonimi u ċiniċi ta’ dawk li jinsabu fil-bini kbir u spazjuż ta’ żmienna u ninjoraw it-talba kollha ħerqa ta’ dawk li ġenwinament iħobbuna? Dawn in-nies pessimisti li dejjem jinsabu jduru magħna jippreferu jkissruna minflok ma’ jelevawna u jippreferu jirridikulawna milli jgħinuna nqawwu l-ispirtu tagħna. Il-kliem ta’ żufjett tagħhom jista’ jippenetra ħajjitna, ħafna drabi permezz ta’ mumenti qosra u temporanji ta’ messaġġi elettroniċi mfassla biex jeqirdu l-fidi tagħna. Huwa għaqli li nafdaw il-benesseri etern tagħna f’ idejn min hu barrani? Huwa għaqli li niddikjaraw li nistgħu nilluminaw ruħna minn dawk li m’ għandhom l-ebda dawl jew li l-aġenda privata tagħhom iżommuha moħbija minna? Ma’ dawn l-individwi anonimi, jekk jippreżentaw ruħhom magħna b’ mod onest, żgur li nispiċċaw niddeċiedu li m’għandniex naħlu ħin, iżda peress li huma jabbużaw mill-midja soċjali, u b’hekk jagħmluha diffiċli li nkunu nafu sew fuqhom, huma jirċievu ċerta kredibiltà li żgur ma jistħoqqilhomx.

L-għażla tagħna li nagħtu kas ta’ dawk li jiżżuffjettaw bi ħwejjeġ sagri tispiċċa tbegħidna mid-dawl tas-Salvatur li jista’ jsalvana u jagħtina l-ħajja. Ġwanni kiteb: ”Mill-ġdid Ġesù qabad ikellimhom u jgħidilhom: ”Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”2 Ftakru, dawk li verament iħobbuna jgħinuna nsaħħu l-fidi tagħna.

L-istess kif jien ħassejtni nimbarazza ruħi ġewwa l-mina, aħna wkoll nafu nħossuna xi ftit imbarazzati li nitolbu għall-għajnuna meta niġu f’ mument ta’ dubji. Forsi aħna dawk li lejna ħaddieħor iħares għall-qawwa, u issa huwa aħna li għandna bżonn l-għajnuna. Meta aħna nintebħu li d-dawl u l-faraġ li s-Salvatur jista’ joffrilna huma wisq prezzjużi biex nitilfuhom minħabba l-kburija tagħna, hemmhekk aħna nkunu nistgħu niksbu l-għajnuna tal-mexxejja tal-Knisja, tal-ġenituri u tal-ħbieb li nafdaw fihom. Huma jinsabu lesti sabiex jassistuna biex niksbu l-assigurazzjoni spiritwali li tgħinna nsaħħu lilna nfusna kontra l-isfidi tal-fidi.

It-tieni, aħna jeħtieġ li nafdaw fil-Mulej sabiex niżviluppaw il-qawwa spiritwali fina nfusna. Ma nistgħux niddependu għal dejjem fuq id-dawl ta’ ħaddieħor. Jiena naf li d-dalma tal-mina f’ xi ħin kienet se tgħaddi jekk jiena kont nibqa’ naqdef ħdejn sieħbi u viċin is-sigurtà tal-grupp. Iżda li ridt kien li nkun kapaċi nkompli għaddej waħdi la darba stajt nilmaħ id-dawl. Il-Mulej għallimna, ”Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni bid-diliġenza kollha u ssibuni; itolbu u tirċievu; ħabbtu u niftħilkom.”3 Jeħtieġ nagħmlu xi ħaġa, nistennew li l-Mulej iżomm il-wegħda Tiegħu li jeħlisna mid-dalma jekk aħna nersqu lejh. L-avversarju, madankollu, jipprova jikkonvinċina li aħna qatt ma ħassejna l-influwenza tal-Ispirtu u li jkun ferm aktar faċli jekk aħna nieqfu nippruvaw.

Il-President Dieter F. Uchtdorf tana kunsill importanti meta qalilna ”iddubitaw id-dubji tagħkom qabel tiddubitaw il-fidi tagħkom”.”4 M’ilux fil-qasam li ġej minnu jiena, wieħed żagħżugħ qal, ”Hemm ħwejjeġ li jiena ħassejt li ma nista’ nispjegahom bl-ebda mod ieħor ħlief li ngħid li ġejjin minn Alla.” Din hija integrità spiritwali.

Meta nħabbtu wiċċna ma’ xi dubji jew mistoqsijiet, għandna niftakru fil-barkiet u s-sentimenti spiritwali li fil-passat ippenetraw qlubna u ħajjitna u saħħew il-fidi tagħna f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ibnu, Ġesù Kristu. Jiena ġie f’ moħħi l-kunsill mogħti permezz ta’ innu familjari: ”M’għandniex aħna dubju f’ Mulejna. Ippruvajnieh, magħna kien fil-passat.”5 Li ninjoraw u ma nagħtux kas tal-esperjenzi spiritwali passati tagħna ifisser li nkunu qed imbiegħdu lilna nfusna minn Alla.

It-tfittxija tagħna għad-dawl tissaħħaħ permezz tar-rieda tagħna li nagħrfu l-mumenti li fihom jiddi d-dawl f’ ħajjitna. L-iskrittura moderna tiddefinixxi x’ inhu dan id-dawl u tagħti wegħda lil dawk li jaċċettawh: ”Dak li ġej minn Alla huwa dawl; u dak li jirċievi d-dawl, u jibqa’ viċin Alla, jirċievi aktar dawl; u dak id-dawl jikber u jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.”6 L-istess bħal meta aħna bqajna naqdfu lejn id-dawl, aktar ma nippersistu aktar tkun qawwija l-influwenza Tiegħu f’ ħajjitna. Bħad-dawl fit-tarf tal-mina, l-influwenza Tiegħu tagħtina l-kunfidenza, id-determinazzjon, il-faraġ u—fuq kollox—il-qawwa li nkunu nafu li Huwa jgħix.

It-tielet, m’hemm l-ebda dalma daqshekk densa, daqshekk minaċċuża jew daqshekk diffiċli li ma nistgħux negħlbuha permezz tad-dawl. Il-Presbiteru Neil L. Andersen m’ilux għallem: ”Hekk kif il-ħażen jiżdied fid-dinja, hemm qawwa spiritwali li tikkumpensa lit-twajbin. Hekk kif id-dinja titbiegħed mis-sisien spiritwali tagħha, il-Mulej iħejji t-triq għal dawk li jfittxuh, joffrilhom assigurazzjoni akbar, konferma akbar u kunfidenza akbar fid-direzzjoni spiritwali li jinsabu mexjin fiha. Aktar ma jmur, id-don tal-Ispirtu s-Santu aktar jitqawwa fid-dija tiegħu qalb id-dawl dejjem jonqos tad-dinja.”7

Ħuti, aħna ma tħallejniex weħidna sabiex niġu influwenzati minn kull żiffa riħ u ninbidlu skont l-attitudni tad-dinja, iżda fina għandna l-qawwa li nagħżlu bejn il-fidi u d-dubju. Sabiex naċċessaw il-qawwa spiritwali li tikkumpensa, għandna nagħżlu li nagħtu kas tal-kunsill profetiku, nagħrfu, u naġixxu skont is-suġġerimenti spiritwali, nobdu l-kmandamenti ta’ Alla u nfittxu li niksbu r-rivelazzjoni personali. Jeħtieġ li nagħżlu. Jalla lkoll nagħżlu d-dawl tas-Salvatur. F’ isem Ġesù Kristu, amen.