2010-2019
Intom Ma Tinsabux Weħidkom fil-Ħidma
Ottubru 2015


Intom Ma Tinsabux Weħidkom fil-Ħidma

Hekk kif intom tgħaddu minn servizz tas-saċerdozju għal ieħor, intom taraw li l-Mulej jinsab magħkom fil-ħidma li twettqu.

Għeżież ħuti, aħna grati li l-Mulej sejjaħ lill-Presbiteru Ronald A. Rasband, lill-Presbiteru Gary E. Stevenson, u lill-Presbiteru Dale G. Renlund bħala Appostli tal-Mulej Ġesù Kristu. Qalbna, talbna u l-fidi tagħna ssostnihom.

Aħna nafu x’ kapaċi jagħmlu. Madankollu huma jeħtieġu r-riassigurazzjoni fis-sejħa tagħhom, kif neħtieġu aħna lkoll, li l-Mulej jinsab magħhom fil-ħidma Tiegħu. L-aktar djaknu ġdid jeħtieġ dik il-kunfidenza, l-istess kif jeħtieġha il-qassis il-kbir bl-ikbar esperjenza meta jirċievi xi sejħa ġdida.

Dik il-kunfidenza tikber hekk kif intom tagħrfu li Huwa sejħilkom permezz tal-qaddejja Tiegħu. L-inkuraġġiment tiegħi hu biex jiena ngħinkom tkunu tafu li meta intom tagħmlu l-parti tagħkom, il-Mulej iżid il-qawwa Tiegħu mal-isforzi tagħkom.

Kull sejħa li aħna nirċievu fis-saltna tal-Mulej teħtieġ ferm iżjed mill-ġudizzju uman tagħna u l-qawwa personali tagħna. Dawn is-sejħiet jeħtieġu l-għajnuna tal-Mulej, li aħna nistgħu niksbuha. Anke d-djaknu l-ġdid jista’ jitgħallem kemm dan huwa minnu, u hu jibqa’ jitgħallem dan tul is-snin.

Wieħed min-neputijiet tiegħi jinsab hawn illejla jattendi l-ewwel sezzjoni tiegħu tas-saċerdozju. Huwa ġie ordnat djaknu sitt ijiem ilu. Huwa jistenna li l-ewwel dmir li se jwettaq fis-saċerdozju se jkun li l-Ħadd li ġej huwa jgħaddi s-sagrament. It-talba tiegħi hi li huwa jħares lejn dak il-mument kif fil-fatt hu.

Huwa jaf jaħseb li l-ħidma tiegħu għall-Mulej hi li jgħaddi l-kontenitur tas-sagrament lin-nies li jkunu jinsabu bilqiegħda fil-laqgħa tas-sagrament. Iżda l-għan tal-Mulej mhuwiex sempliċiment li jara li n-nies jieklu l-ħobż u jixorbu l-ilma. Huwa li jara li huma jżommu l-patt li jmexxihom tul it-triq lejn il-ħajja eterna. U biex dan iseħħ, il-Mulej jeħtieġ li jwassal esperjenza spiritwali lil dik il-persuna li lilha d-djaknu qed joffri l-kontenitur.

Dan jien rajtu jseħħ f’ dar tal-anzjani meta wieħed djaknu mar biex jgħaddi l-kontenitur lil waħda mara b’ xagħarha bajdani. Hija ħarset lejn il-ħobż bħallikieku kien xi ħaġa mill-aktar prezzjuża. Qatt ma nista’ ninsa t-tbissima tagħha hekk kif hija ħadet sehem mis-sagrament u mbagħad ħarġet idejha biex lid-djaknu taptitlu fuq rasu, u b’ vuċi pjuttost għolja qaltlu, ”O, grazzi!”

Dak id-djaknu kien sempliċiment qed iwettaq id-dmir tiegħu fis-saċerdozju. Madankollu l-Mulej immultiplika l-att tad-djaknu. Kienet ħaġa evidenti li din l-oħt ftakret fis-Salvatur hekk kif hija qasmet il-gratitudni sinċiera tagħha għas-servizz ta’ dan id-djaknu. Hija ħasset fiha ċertezza, hekk kif huwa taha s-sagrament, li hija se jkollha magħha l-Ispirtu. Dak inhar hija ma kenitx weħidha fid-dar tal-anzjani. Lanqas id-djaknu ma kien waħdu fis-servizz modest tiegħu.

Wieħed għalliem żagħżugħ fis-Saċerdozju Aroniku li jmur jgħallem xi familja jaf ma jħossux li huwa verament sħab mal-Mulej fil-ħidma Tiegħu. Għadni niftakar it-testimonjanza sempliċi ta’ wieħed għalliem tad-dar żagħżugħ li ġie jżurna fid-dar tagħna. L-Ispirtu kkonferma miegħi u mal-familja tiegħi l-kliem li huwa qal. Jista’ jkun li hu m’għadux jiftakar dak il-jum, iżda jiena għadni.

Il-Mulej jerġa’ jkabbar l-isforzi ta’ ġuvni fis-saċerdozju meta huwa jissejjaħ biex isir qassis. Per eżempju, l-ewwel magħmudija li huwa jwettaq taf tkun ta’ xi persuna għadha żgħira li hu laanqas biss ikun jaf. Huwa jaf iħossu nkwetat dwar jekk ser jgħidx il-kliem u hux se jwettaq l-ordinanza b’ mod korrett.

Iżda l-Mulej, li tiegħu hu qaddej, ser ikabbar is-sejħa tiegħu. Il-persuna li huwa jgħammed għażlet li timxi tul it-triq lejn il-ħajja eterna. Il-Mulej iwettaq il-parti kbira Tiegħu. Huwa hekk għamel miegħi darba meta t-tifel li kont għadni kif għammidt, bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejh, qalli f’ widinti, ”Jien nadif. Jien nadif.”

Hekk kif intom tgħaddu minn servizz tas-saċerdozju għal ieħor, intom taraw li l-Mulej jinsab magħkom fil-ħidma li twettqu. Snin ilu, jien tgħallimt dan meta ltqajt ma’ wieħed president tal-kworum tal-presbiteri waqt konferenza tal-wited. Fil-konferenza ġew ippreżentati aktar minn 40 isem ta’ raġel li kien se jirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku.

Il-president tal-wited dar lejja u b’ leħen sieket qalli, ”Dawk l-irġiel kienu kollha presbiteri prospettivi anqas attivi.” Kollni mistagħġeb, jien staqsejt lill-president x’ programm kien uża biex isalva lil dawk l-irġiel.

Huwa wrieni b’ sebgħu wieħed żagħżugħ li kien jinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella. Huwa qalli, ”Hemm hu. Ħafna minn dawn l-irġiel ġew lura grazzi għall-president tal-kworum tal-presbiteri.” Huwa kien jinsab bilqiegħda fir-ringiela ta’ wara, b’ riġlejh stirati u biż-żarbun qadim tiegħu jsallab il-pali ta’ saqajh.

Jiena tlabt lill-president tal-wited sabiex wara l-laqgħa jintroduċini miegħu. Meta ltqajna, jiena għedt lil dak iż-żagħżugħ li kont verament sorpriż b’ dak li kien għamel u staqsejtu kif kien irnexxielu jwettaq dan. Huwa għolla spallejh. Ovvjament huwa ma ħasibx li kien jimmeritah li jieħu kredtu ta’ dan.

Imbagħad b’ leħel sieket qalli, ”Jiena naf lil kull raġel inattiv li hawn f’ din il-belt. Fil-biċċa l-kbira minnhom isuqu l-vannijiet. Jiena wkoll għandi vann bħalhom. Jiena mmur naħsel il-vann tiegħi fejn jaħsluh huma. Maż-żmien, huma saru kollha ħbieb tiegħi.

”Imbagħad nistenna sakemm f’ ħajjithom tmur xi ħaġa ħażina. Xi ħaġa dejjem jinqala’. Huma jkellmuni dwarha. Jiena nisma’ x’ għandhom jgħidu u qatt ma nagħtihom tort. Imbagħad, meta huma jgħiduli, ”F’ ħajti għandi xi ħaġa li mhux sejra tajjeb. Bilfors li teżisti xi ħaġa aħjar minn hekk,’ jien ngħidilhom x’ hemm nieqes u fejn jistgħu jsibuha. Xi kultant jemmnuni, u meta jiġri dan, ngħidilhom jiġu miegħi.”

Tistgħu taraw għaliex huwa kien tant modest. Għaliex kien jaf li huwa kien għamel il-parti żgħira tiegħu u l-Mulej kien qed jagħmel il-kumplament. Kien il-Mulej li mess il-qalb ta’ dawk l-irġiel fil-mument ta’ nkwiet tagħhom. Kien il-Mulej li wasslilhom is-sentiment li żgur teżisti xi ħaġa aħjar għalihom u t-tama li setgħu jsibuha.

Dak iż-żagħżugħ, li—bħalkom—kien qaddej tal-Mulej, sempliċiment emmen li jekk huwa jagħmel il-parti żgħira tiegħu, il-Mulej kien se jgħin lil dawk l-irġiel tul triqithom lejn id-dar u lejn dik l-hena li Huwa biss seta’ jagħtihom. Dan ir-raġel kien jaf ukoll li l-Mulej sejjaħlu bħala president tal-kworum tal-presbiteri għaliex huwa kien lest li jagħmel il-parti tiegħu.

Jiġi żmien fis-servizz tagħkom meta intom ma jkollkomx is-suċċess meraviljuż u ovvju li kellu dak il-president żagħżugħ tal-kworum tal-presbiteri. Huwa f’ dak il-mument li jeħtieġ li intom tkunu kunfidenti li l-Mulej, għaliex jaf li intom se tagħmlu l-parti tagħkom fil-ħidma, lilkom huwa sejħilkom permezz tal-qaddejja awtorizzati Tiegħu. Kienet ħaġa mill-aktar kruċjali għall-bużnannu tiegħi Henry Eyring li huwa kien bniedem li kellu l-fidi fis-sejħa li rċieva mingħand il-qaddejja tal-Mulej.

Huwa tgħammed fil-11 ta’  Marzu, ġewwa St. Louis, Missouri. Ftit wara Erastus Snow ordnah għall-uffiċċju ta’ qassis.  Il-president tal-Wited ta’ St. Louis, John H. Hart, sejjaħlu biex iservi missjoni qalb il-Ġens Ċeroki fis-6 ta’ Ottubru.1 Huwa ġie ordnat presbiteru fil-11 ta’ Ottubru. Huwa telaq biż-żiemel għall-Missjoni qalb iċ-Ċeroki fl-24 ta’ Ottubru. Huwa kellu 20 sena u kien ilu membru biss seba’ xhur.

Jekk kien hawn xi ħadd li jħaddan is-saċerdozju li kellu verament raġuni li jħossu mhux ikkwalifikat jew imħejji biżżejjed, dan kien Henry Eyring. L-unika raġuni għalfejn huwa għamel il-kuraġġ li jmur kienet għax huwa f’ qalbu kien jaf li Alla sejjaħlu permezz tal-qaddejja awtorizzati Tiegħu. Dan kien għalih sors ta’ kuraġġ. Dan għandu jkun għalina wkoll is-sors tal-kuraġġ tagħna biex nibqgħu għaddejjin, tkun xi tkun is-sejħa tagħna fis-saċerdozju.

Wara li l-Presbiteru Eyring serva għal tliet snin mill-aktar diffiċli u wara l-mewt tal-president tal-missjoni, Henry Eyring ġie nominat u sostnut bħala l-president tal-missjoni f’ laqgħa li nżammet fis-6 ta’ Ottubru, 1858. Huwa kien sorpriż u maħsud kif żgur ikun kull djaknu ieħor ġdid. Huwa kiteb, ”Kienet ħaġa li xejn ma stennejt li niġi msejjaħ għal uffiċċju li jitlob minni tant responsabbiltà iżda peress li din kienet ir-rieda tal-aħwa jiena aċċettajt b’ ferħ, filwaqt li fl-istess ħin bdejt inħoss fija d-dgħjufija kbira tiegħi u n-nuqqas ta’ esperjenza.”2

Dak li issa kien sar il-President Eyring fl-1859 kien mar jivvjaġġa lejn il-Ġnus taċ-Ċeroki, Krijk u Ċokto. Grazzi għall-isforzi  tiegħu, il-Mulej ”sejjaħ fil-knisja,” kif kiteb Henry, ”bosta membri ġodda.” Huwa organizza żewġ fergħat iżda nnota li ”huma ftit biss minnhom li qed jissapportjaw b’ ħerqa lill-knisja.”3

Sena wara, Henry kellu jħabbat wiċċu mar-realtà diffiċli li l-mexxejja politiċi fost il-poplu li huwa kien qed iservi ma baqgħux aktar jippermettu lill-missjunarji Qaddisin tal-Aħħar Jiem ikomplu bil-ħidma tagħhom. Hekk kif huwa beda jixtarr dwar x’ għandu jagħmel, huwa ġie f’ moħħu l-kliem tal-president tal-missjoni fejn kien iservi qabel li kien qallu biex itawwal il-missjoni tiegħu sal-1859.4

F’ Ottubru ta’ dik is-sena, Henry kiteb lill-President Brigham Young sabiex jidderiġih, iżda baqa’ ma rċeviex tweġiba għall-mistoqsija tiegħu. Henry kiteb, ”Peress li bqajt ma smajt xejn mill-Presidenza tal-Knisja, jiena dort lejn il-Mulej fit-talb tiegħi, fejn tlabtu biex jiżvela miegħi x’ inhuma l-ħsibijiet u r-rieda tiegħu dwar jekk kellix nibqa’ hemm aktar jew kellix nitlaq lejn Sijon.”

Huwa kompla: ”Bi tweġiba għal talbi, jiena rċevejt din il-ħolma. ”Ħlomt li kont wasalt ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake u immedjatament mort fl-uffiċċju tal-President Brigham Young, u sibtu qiegħed hemm ġew. Jiena għedtlu: ’President Young, jiena tlaqt mill-missjoni tiegħi, ġejt hawn minn jeddi, iżda jekk għamilt xi ħaġa ħażina, jiena lest li nerġa’ lura u ntemm il-missjoni tiegħi.’ Fil-ħolma l-profeta wieġeb: ’Ilek hemm biżżejjed, kollox sew.’”

Henry kiteb fid-djarju tiegħu, ”Peress li kont ħlomt ħolm qabel li kienu letteralment ġew fis-seħħ jiena kelli l-fidi biżżejjed li nemmen, u li anke din kienet l-istess u konsegwentament bdejt inħejji biex nitlaq.”

Huwa wasal fil-Belt ta’ Salt Lake fid-29 ta’ Awissu, 1860, fejn parti kbira mit-triq kien ħadha bil-mixi. Jumejn wara, huwa daħal fl-uffiċċju tal-President Brigham Young.5

Henry iddeskriva l-esperjenza tiegħu b’ dan il-kliem: ”Jiena mort nara lill-President Young, li laqagħni tajjeb ħafna. Għedtlu, ’President Young jiena ġejt hawn mingħajr ma bgħatt għalija, jekk għamilt xi ħaġa ħażina, jiena lest li mmur lura u ntemm il-missjoni tiegħi.’ Brigham Young wieġeb: ’Kollox sew, fil-fatt konna qed infittxuk.’”

Henry iddeskriva l-ferħ tiegħu, billi qal, ”B’hekk il-ħolma tiegħi kienet letteralment ġiet fis-seħħ.”6

Il-ferħ tiegħu kien riżultat ta’ konferma li l-Mulej kien qed jużah fil-ħidma Tiegħu u kien qed iħarsu. Huwa tgħallem dak li huwa minnu għalina lkoll—li l-qaddejja tal-Mulej huma spirati li jkunu jafu r-rieda tal-Mulej. U Henry Eyring kien ikkonferma li jiena wkoll naf b’ qawwa: li l-profeta, bħala l-president tas-saċerdozju, huwa spirat minn Alla biex iħares u jieħu ħsieb il-qaddejja ta’ Alla u jsejħilhom.

Hi x’inhi s-sejħa tagħkom fis-saċerdozju, intom xi kultant jaf ħassejtukom li Missierkom tas-Smewwiet mhuwiex konxju tagħkom. Jekk intom titolbu biex tkunu tafu r-rieda Tiegħu, u b’ xewqa onesta li lesti tagħmlu dak kollu li Huwa jitlob minnkom, intom żgur tirċievu tweġiba.

Missierna tas-Smewwiet iwassalkom biex intom tħossu fikom li Huwa lilkom jafkom, li Huwa japprezza s-servizz tagħkom u li intom qed issiru denji tal-kliem ta’ merbħa li tant tixtiequ li tisimgħuh jgħidilkom il-Mulej: ”Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.”7

Hija t-talba tiegħi li kull min iħaddan is-saċerdozju jipprova jilħaq b’ fidi lil kull ruħ li huwa responsabbli minnha. Alla mbagħad iżid il-qawwa Tiegħu mal-isforzi tal-qaddej Tiegħu. Huwa jmiss qlub in-nies biex huma jagħmlu dawk l-għażliet li jwassluhom fit-triq tal-evanġelju lejn il-ferħ u lil hinn min-niket.

Hija wkoll it-talba tiegħi li kull raġel li jħaddan is-saċerdozju jħoss l-imħabba kontinwa ta’ Missierna tas-Smewwiet, tas-Salvatur u tal-profeta ta’ Alla fis-sejħa tiegħu fis-saċerdozju.

Jiena naqsam magħkom ix-xhieda speċjali tiegħi li aħna ninsabu fis-servizz tal-Mulej imqajjem mill-imwiet, Ġesù Kristu. Jiena nixhed li Huwa sejjaħ lilek u lili biex naħdmu fis-servizz Tiegħu, u Huwa kien konxju tal-kapaċitajiet tagħna u tal-għajnuna li aħna neħtieġu. Huwa jbierek l-isforzi tagħna aktar milli qatt nistgħu nimmaġinaw hekk kif aħna noffru dak kollu li nistgħu għas-servizz Tiegħu. Jiena nixhed li l-profeta ta’ Alla, li huwa l-president tas-saċerdozju kollu fid-dinja, huwa ispirat minn Alla.

Jiena grat għall-eżempji ta’ dawk li jħaddnu s-saċerdozju b’ fedeltà madwar id-dinja. Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur huma grati li intom tagħmlu l-parti tagħkom. Huma jafukom, Huma jħarsukom u Huma jħobbukom. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “Minutes of the Conference,” St. Louis Luminary, 13 ta’ Ott., 1855, 187.

  2. Ittra ta’ Henry Eyring lil Brigham Young, 7 ta’ Ott, 1858, Fajls fl-Uffiġċju ta’ Brigham Young, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Salt Lake City.

  3. Henry Eyring jirrapporta lill-Uffiċċju tal-Istoriku tal-Knisja, Aww. 1860, Rapporti tal-Missionarji, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Salt Lake City.

  4. Ara l-ittra ta’ Henry Eyring lil Brigham Young, 9 ta’ Ott, 1859, Fajls fl-Uffiċċju ta’ Brigham Young, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Salt Lake City.

  5. Ara Djarji tal-Uffiċċju tal-President, 31 ta’ Aww., 1860, vol. D, 137, Fajls fl-Uffiċċju ta’ Brigham Young, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Salt Lake City.

  6. Henry Eyring reminiscences, 1896, typescript, 27–28, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Salt Lake City.

  7. Mattew 25:23.