2010-2019
Sajf ma’ Rose, iz-Zija ta’ Missieri
Ottubru 2015


Sajf ma’ Rose, iz-Zija ta’ Missieri

Hekk kif intom timxu tul it-triq imdawla tagħkom li jgħaddu minnha d-dixxipli, jiena nitlob biex il-fidi tiffortifika kull pass li intom tagħmlu tul it-triq.

Ħuti l-maħbubin u għeżież ħbieb tiegħi, jiena verament kuntent li ninsab magħkom illum, u jien grat li ninsab fil-preżenza tal-profeta għażiż tagħna, il-President Thomas S. Monson. President, aħna nħobbuk. Aħna lkoll ninsabu mnikktin bit-telfa ta’ tlitt iħbieb tagħna mill-aktar prezzjużi u Appostli vera tal-Mulej. Verament nimmissjaw lill-President Packer, il-Presbiteru Perry u l-Presbiteru Scott; aħna nħobbuhom. Nitolbu għall-familji u l-ħbieb tagħhom.

Jiena dejjem nistenna b’ ħerqa din is-sezzjoni tal-konferenza—il-mużika sabiħa u l-kunsill minn ħutna n-nisa mill-aktar ispirati jwasslu biex l-Ispirtu jgħammar bil-kotra. Għax qed ngħaddi dan il-ħin magħkom jiena ħiereġ minn hawnhekk bniedem aħjar milli kont qabel.

Hekk kif bdejt nixtarr x’ se ngħidilkom illum, ħsibijieti daru fuq il-mod li bih kien jgħallem is-Salvatur. Hija ħaġa interessanti kif Huwa kien kapaċi jgħallem l-aktar veritajiet sublimi billi juża stejjer mill-aktar sempliċi. Il-parabboli Tiegħu jistiednu lid-dixxipli Tiegħu sabiex iħaddnu l-veritajiet mhux biss permezz ta’ moħħhom iżda wkoll permezz ta’ qalbhom u biex japplikaw il-prinċipji eterni fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.1 L-għażiż tagħna President Monson huwa wkoll mgħallem ta’ veru meta jiġi biex jgħallem permezz ta’ esperjenzi personali li jmissu l-qalb.2

Illum, jiena wkoll se naqsam il-messaġġ tiegħi billi nesprimi ħsibijieti u s-sentimenti tiegħi permezz ta’ storja. Nistedinkom sabiex tisimgħuha bl-għajnuna tal-Ispirtu. L-Ispirtu s-Santu jgħinkom sabiex f’ din il-parabbola intom issibu l-messaġġ li hu indirizzat partikolarment għalikom.

Rose, iz-Zija ta’ Missieri

Din l-istorja tittratta dwar tifla jisimha Eva. Hemm żewġ ħwejjeġ importanti li għandkom tkunu tafu dwar Eva. Waħda hi li f’ din l-istorja hija kellha 11-il sena. U l-oħra hi li hi assolutament ma riditx tmur toqgħod u tgħix ma’ Rose, iz-zija ta’ missierha. B’ xejn. Bl-ebda mod.

Iżda omm Eva kienet se tagħmel operazzjoni li kienet teħtieġ żmien mhux ħażin biex tirkupra minnha. Għalhekk il-ġenituri ta’ Eva kienu se jibagħtuha tqatta’ s-sajf ma’ Rose, iz-zija ta’ missierha.

F’ moħħ Eva, kien hemm elf raġuni għalfejn din kienet idea ħażina. Raġuni minnhom kienet li dan kien ifisser li kienet se tkun ’il bogħod minn ommha. Kien ifisser ukoll li kienet se tħalli warajha lill-familja tagħha u lil sħabha. Barra minn hekk, lanqas biss kienet taf liz-zija Rose. Grazzi tal-offerta, iżda kienet verament komda fid-dar fejn kienet.

Iżda l-ebda argument u tidwir tal-għajnejn ma kien se jibdel dik id-deċiżjoni. Għalhekk Eva ppakkjat il-bagalja u marret għal triq twila flimkien ma’ missierha għad-dar taz-zija Rose.

Mill-mument li fih Eva għamlet l-ewwel pass tagħha ġewwa dik id-dar, hija ma kenitx tista’ għaliha.

Kollox kien antik! Sa l-anqas pulzier fid-dar kien mimli b’ kotba qodma, fliexken ta’ kuluri strambi, u bramel tal-plastik mimlijin sa ruħ ommhom biż-żibeġ, biċ-ċfuf u l-buttuni.

Iz-zija Rose kienet tgħix hemmhekk weħidha; hija qatt ma żżewġet. L-uniku abitant ieħor kien qattus griż li kien jieħu gost isib l-ogħla post li kien ikun hemm f’ kull kamra u jinxteħet hemm, jiċċassa lejn kull ħaġa li kien ikun hemm taħtu qisu xi tigra mġewħa.

Anke l-istess dar kellha dehra ta’ solitudni. Kienet qalb il-kampanja, fejn id-djar kienu ’l bogħod minn xulxin mhux ħażin. Tfal oħra li kienu tampar Eva kienu joqogħdu aktar minn nofs mil ’il bogħod mid-dar. Dan kien wassal biex anke Eva bdiet tħossha weħidha.

Għall-ewwel ma tantx kienet tagħti kas taz-Zija Rose. Ħafna drabi kienet toqgħod taħseb fuq ommha. Xi kultant, kienet tgħaddi l-lejl imqajma, titlob b’ ruħha kollha li ommha kienet se tgħaddi kollox b’ wiċċ il-ġid. U għalkemm dan ma seħħx mil-lejl għan-nhar, Eva bdiet tħoss li Alla kien qed jieħu ħsieb ommha.

Fl-aħħar hija semgħet li l-operazzjoni kienet irnexxiet, u kulma kien baqa’ issa kien li Eva tibqa’ tissaporti sal-aħħar tas-sajf. Iżda, kemm bdiet tobgħod tibqa’ tistenna!

Issa li kienet serrħet moħħha dwar ommha, Eva bdiet tinnota ftit aktar liz-Zija Rose. Hija kienet mara ta’ statura kbira—kollox kellha kbir: leħinha, it-tbissima tagħha u l-personalità tagħha. Ma kienx faċli għaliha li tinnaviga, iżda dejjem kienet toqgħod tkanta u tidħaq waqt li kienet tkun taħdem, u l-ħoss tad-daħq tagħha kien jimla d-dar. Kull filgħaxija kienet tpoġġi bilqiegħda fuq is-sufan oħxon bil-fowm, toħroġ l-iskrittura, u taqraha b’ leħen għoli. U meta kienet taqra, kultant kienet tgħaddi kummenti bħal ”O, ma missux għamel hekk!” jew ”X’ ma nasalx nagħmel biex kont inkun preżenti f’ dak il-mument!” jew ”Hijiex din l-isbaħ ħaġa li qatt smajt!” U kull lejla hekk kif it-tnejn li huma jinżlu għarkupptejhom biex jitolbu ħdejn is-sodda ta’ Eva, iz-Zija Rose kienet tgħid l-aktar talb sabiħ, tirringrazzja lil Missierha tas-Smewwiet għall-għasafar blu u għas-siġar tal-prinjoli, għal inżul ix-xemx u l-kwiekeb u ”s-sabiħ li tgħix ħajtek.” Għal Eva kien jidher bħallikieku Rose kienet tħares lejn Alla bħala l-ħabib tagħha.

Maż-żmien, Eva skopriet xi ħaġa mill-aktar sorprendenti. Probabbli li z-Zija Rose kienet l-aktar persuna ferħana li qatt iltaqgħet magħha!

Iżda kif seta’ jkun dan?

X’ raġuni kellha biex tkun ferħana?

Hija qatt ma żżewġet, ma kellhiex tfal, ma kellha lil ħadd min iżommilha kumpanija ħlief dak il-qattus stramb u kienet issibha verament diffiċli tagħmel ħwejjeġ mill-aktar sempliċi bħal torbot il-lazz taż-żarbun u titla’ t-taraġ.

Meta kienet tmur il-belt, kienet tilbes kpiepel mill-aktar kbar u ta’ kulur jgħajjat. Iżda n-nies ma kinux jiddieħqu biha. Minflok, kienu jinġabru madwarha, u jkunu jridu jkellmuha. Rose kienet għalliema fi skola, u ma kinetx xi ħaġa rari biex l-eks studenti tagħha—li issa kienu kibru u kellhom it-tfal—kienu jieqfu biex ikellmuha. Huma kienu jirringrazzjawha talli kienet influwenza verament tajba f’ ħajjithom. Spiss kienu jidħqu flimkien. Xi kultant kienu anke jibku.

Hekk kif beda riesaq tmiem is-sajf, Eva bdiet tqatta’ aktar u aktar ħin ma’ Rose. Bdew imorru mixjiet twal flimkien, u Eva tgħallmet id-differenza bejn l-għasafar tal-bejt u l-isponsuni. Bdiet taqta’ ċ-ċawsli u mil-larinġ kienet bdiet tagħmel il-ġamm. Hija tgħallmet dwar il-buż-buż-nanna tagħha li ħalliet warajha lill-pajjiż għażiż tagħha, qasmet l-ibħra u mxiet tul il-pjanuri biex tingħaqad mal-Qaddisin.

Eva ma damitx ma skopriet xi ħaġa oħra mill-aktar interessanti: mhux biss iz-Zija Rose kienet waħda mill-aktar persuna kuntenti li qatt iltaqgħet magħhom, iżda Eva stess kienet tkun ferm aktar kuntenta kull darba li kienet tkun ħdejha.

Il-jiem tas-sajf bdew igerbu b’ rata mgħaġġla. U darba minnhom, iz-Zija Rose qalet li dalwaqt kien se jasal iż-żmien li fih Eva kellha tmur lura d-dar. Għalkemm Eva kienet ilha tistenna b’ ħerqa dak il-mument jasal, ma kenitx ċerta kif kien se jħossha dwar dan. Hija ntebħet li fil-fatt kienet se timmissja din id-dar stramba u antika b’ dak il-qattus dejjem jiċċassa lejha u lill-maħbuba zija Rose.

Il-jum qabel ma missierha mar biex jiġborha, Eva staqsiet il-mistoqsija li kienet ilha taħseb dwarha ġimgħat sħaħ: ”Zija Rose, għalfejn inti daqshekk kuntenta?”

Iz-Zija Rose ħarset lejha bir-reqqa u mbagħad ħaditha quddiem pittura li kien hemm imdendla fil-kamra kif tidħol. Kienet rigal mingħand ħabiba għażiża verament kapaċi.

”X’inti tara fiha?” staqsietha.

Immaġni
Tifla pijuniera taqbeż

Eva kienet innutat din il-pittura qabel, iżda qatt ma kienet ħarset lejha mill-viċin. Waħda tifla liebsa libsa ta’ żmien il-pijunieri taqbeż tul mogħdija ta’ kulur blu jgħajjat. Il-ħaxix u s-siġar kienu ta’ kulur aħdar vibranti. Eva qalet, ”Hija stampa ta’ tifla. Qisha qed taqbeż.”

”Iva, hija tifla pijuniera taqbeż kollha ferħ,” qalet iz-Zija Rose. ”Nimmaġina li l-pijunieri għaddew jiem mill-aktar mudlama u deżolati. Ħajjithom kienet waħda diffiċli—lanqas nistgħu nimmaġinaw. Iżda f’ din il-pittura, kollox jidher sabiħ u mimli tama. Din it-tifla qed taqbeż bil-ferħ, u hija qed timxi ’l quddiem u togħla ’l fuq.”

Eva ma tkellmet xejn, għalhekk iz-Zija Rose kompliet: ”Hawn wisq affarijiet li ma jmorrux tajjeb fil-ħajja, għalhekk kulħadd jista’ jispiċċa jinħakem mill-pessimiżmu u d-dwejjaq. Iżda jiena naf nies li, anke meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb f’ ħajjithom, jiffukaw fuq il-meravilji u l-mirakli tal-ħajja. Dawn in-nies huma l-aktar bnedmin kuntenti li jiena naf.”

”Iżda,” qalet Eva, ”ma tistax sempliċiment tagħfas is-swiċċ u minn imnikket issir kuntent.”

”Le, forsi, le,” tbissmet bil-ħlewwa z-Zija Rose, ”iżda Alla ma ħalaqniex biex inkunu mdejqin. Huwa ħalaqna biex inkunu ferħanin!3 Għalhekk jekk nafdaw fih, Huwa jgħinna biex f’ ħajjitna aħna ninnutaw dawk l-affarijiet li huma tajbin, sbieħ u li jqawwulna t-tama. U bla dubju, id-dinja ssir aktar sabiħa. Le, dan kollu ma jseħħx f’ ħakka t’ għajn, iżda onestament, liema ħaġa tajba sseħħ b’ mod instantanju? Jien jidhirli li l-aqwa affarijiet, bħall-ħobż li naħmu d-dar jew il-ġamm tal-larinġ, jeħtieġu l-paċenzja u x-xogħol.”

Għal mument, Eva qabdet taħseb dwar dan u qalet, ”Forsi mhux daqshekk sempliċi għal dawk in-nies li m’għandhomx kollox perfett f’ ħajjithom.”

”Għażiża Eva, inti qed taħseb li ħajti hija perfetta?” Iz-Zija Rose poġġiet bilqiegħda ħdejn Eva fuq is-sufan oħxon bil-fowm. ”Kien hemm żmien meta tant bdejt naqta’ qalbi li ma ridtx nibqa’ ngħix aktar.”

”Inti?” Staqsiet Eva.

Iz-Zija Rose għamlet sinjal b’ rasha li hekk kien. ”Xtaqt bosta affarijiet f’ ħajti.” Hekk kif bdiet titkellem, instegħmet ċerta dieqa f’ leħinha li Eva qatt ma kienet semgħet qabel. ”Ħafna minnhom qatt ma ġew fis-seħħ. Ħassejt weġgħa ta’ qalb wara l-oħra. Jum fost l-oħrajn irrealizzajt li l-affarijiet qatt ma kienu se jiġu kif bdejt nittama jien. Dak il-jum kien jum mill-aktar dipressanti. Kont lesta li naqta’ qalbi u nkun miżerabbli.”

”Allura mbagħad x’ għamilt?”

”Għal ftit żmien bqajt ma għamilt xejn. Sempliċiment bqajt dejjem irrabjata. Li tkun madwari kienet tkun verament ħolma kerha.” Imbagħad daħqet ftit, iżda ma kenitx l-istess daħqa kbira li tidwi mal-kamra kif tidħaq is-soltu. ”’Mhux fer’ kienet il-kanzunetta li bqajt inkanta l-ħin kollu f’ rasi. Iżda eventwalment skoprejt xi ħaġa li bidlitli ħajti kompletament.”

”X’ kienet?”

”Il-fidi,” tbissmet iz-Zija Rose. ”Skoprejt il-fidi. U l-fidi wasslet għat-tama. U l-fidi u t-tama tawni l-kunfidenza li xi darba kollox kien se jagħmel sens, li minħabba s-Salvatur, kull ħaġa ħażina kienet se tissewwa. U minn dak il-mument, jiena stajt ninduna li t-triq li kelli quddiemi ma kenitx daqshekk deżolata u mtarrba daqs kemm ħsibt. Bdejt ninnota l-kulur kaħlani jgħajjat, l-aħdar frisk u l-aħmar daqs in-nar, u ddeċidejt li quddiemi kelli għażla—stajt nitfa’ rasi ’l isfel u nkaxkar saqajja fit-triq imtarrba li fiha noqgħod nitħassar lili nnifsi jew inkella stajt ikolli daqsxejn ta’ fidi, nilbes il-libsa brillanti u ż-żarbun taż-żfin u naqbeż fit-triq tal-ħajja, hekk kif nibda nkanta matul it-triq.” Issa leħinha kien beda jaqbeż bil-ferħ bħal dik it-tifla li kien hemm fil-pittura.

Iz-Zija Rose resqet idha lejn tarf il-mejda u ġibdet l-iskrittura tagħha, li kienet mikduda sew, għal fuq ħoġorha. ”Ma naħsibx li kont klinikament dipressa—mhux ċerta jekk dik hijiex xi ħaġa li tista’ toħroġ minnha waħdek. Iżda m’hemmx dubju li jiena għamilt li stajt biex ma nibqax miżerabbli! Iva, kelli verament mumenti mudlama f’ ħajti, iżda li noqgħod nitnikket u ninkwieta ma kien se jibdel xejn—sempliċiment kien iwassal biex l-affarijiet imorru għall-agħar. Il-fidi fis-Salvatur għallmitni li ġara x’ ġara fil-passat, l-istorja tiegħi jista’ jkollha tmiem feliċi.”

”Inti kif taf dan?” Staqsiet Eva.

Iz-Zija Rose fetħet paġna fil-Bibbja tagħha u qalet, ”Hekk hawn miktub hawnhekk:

“‘Alla … jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.

”’Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.’”4

Iz-Zija Rose ħarest lejn Eva. It-tbissima tagħha kienet waħda kbira hekk kif b’ leħen baxx u emozzjonali hija qalet, ”Hijiex din l-isbaħ ħaġa li qatt smajt?”

Verament tinstema’ sabiħa, qalet Eva bejnha u bejn ruħha.

Iz-Zija Rose dawret ftit paġni u lil Eva wrietha x’ vers kellha taqra: ”Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”5

”B’ futur daqstant glorjuż,” qalet iz-Zija Rose, ”għalfejn inħallu lilna nfusna ninħakmu minn ċerti ħwejjeġ tal-passat u tal-preżent li ma jmorrux kif inkunu qed nistennewhom?”

Eva dehret xi ftit konfuża. ”Iżda żomm ftit,” hija qalet. ”Inti qed tgħid li tkun ferħana jfisser li sempliċiment tħares ’il quddiem lejn il-ferħ li jista’ jkollok fil-futur? Allura l-ferħ tagħna se jkun biss fl-eternità? Jista’ jkollna ftit minnu issa wkoll?”

”U żgur li jista’!” Wieġbet iz-Zija Rose. ”Għażiża binti, issa wkoll hija parti mill-eternità. Din ma tibdhiex biss wara li mmutu! Il-fidi u t-tama jiftħulek għajnejk għall-ferħ li diġà hemm quddiemek.

”Jiena naf poeżija li tgħid, ’Għal dejjem—hu magħmul minn ħafna Issa.’6 Ma ridtx li l-għal dejjem tiegħi ikun jikkonsisti minn għadd ta’ ’Issa’ maħkuma mid-dlam u l-biża’. U ma ridtx ngħix fis-solitudni, nheżżeż snieni, nagħlaq għajnejja u naċċetta li se nibqa’ nissaporti hekk sa l-aħħar nifs ta’ ħajti. Il-fidi tagħtni t-tama li jien tant kont neħtieġ biex ngħix ferħana issa!”

”Allura mbagħad x’ għamilt?” Staqsiet Eva.

”Jiena eżerċitajt il-fidi fil-wegħdiet ta’ Alla billi mlejt ħajti b’ affarijiet sinifikanti. Mort l-iskola. Ksibt edukazzjoni. Dan wassalni għal karriera li kont inħobb.”

Għal mument, Eva ħasbet ftit dwar dan u qalet, ”Iżda m’hemmx dubju li inti ma bdejtx tħossok ferħana sempliċiment għax kien qed ikollok x’ tagħmel. Hawn ħafna nies li dejjem għandhom x’ jagħmlu u mhumiex kuntenti.”

”Kif tal-età li għandek inti daqshekk għaqlija?” Staqsiet iz-Zija Rose. ”Sewwa qed tgħid. U ħafna minn dawk in-nies li dejjem għandhom x’ jagħmlu mhumiex kuntenti għaliex insew l-aktar ħaġa sinifikanti fid-dinja—dik il-ħaġa li Ġesù qal li hija l-qalba tal-evanġelju Tiegħu.”

”U din x’inhi?” Staqsiet Eva.

”Hija l-imħabba—l-imħabba pura ta’ Kristu,” qalet Rose. “Qed tara, kull ħaġa fl-evanġelju—kull għandek tagħmel u missek tagħmel u għamel—iwasslu għall-imħabba. Meta aħna nħobbu lil Alla, aħna rridu nservuh. Irridu nsiru bħalu. Meta aħna nħobbu lill-proxxmu tagħna, aħna ma nibqgħux naħsbu daqstant dwar il-problemi tagħna u nibdew ngħinu lil oħrajn isolvu l-problemi tagħhom.”7

”U huwa dan li jagħmilna kuntenti?” Staqsiet Eva.

Rose, iz-zija ta’ missierha, uriet b’ rasha li hekk hu filwaqt li tbissmet u għajnejha mtlew bid-dmugħ. ”Iva, għażiża tiegħi. Huwa dan li jagħmilna kuntenti.”

Qatt Aktar l-Istess

L-għada Eva għannqet magħha liz-zija Rose u rringrazzjatha għal dak kollu li kienet għamlet magħha. Hija reġgħet lura lejn il-familja tagħha u sħabha u lejn id-dar tagħha u l-inħawi fejn kienet toqgħod.

Iżda hija ma kenitx aktar l-istess persuna li kienet qabel.

Hekk kif Eva bdiet tikber fl-età, hija spiss kienet taħseb dwar il-kliem li kienet qaltilha z-zija Rose. Eventwalment Eva żżewġet, rabbiet it-tfal u għexet ħajja twila u sabiħa.

U darba fost l-oħrajn, hekk kif hija kienet tinsab wieqfa fid-dar tagħha, tammira pittura ta’ tifla, liebsa libsa ta’ żmien il-pijunieri, li qed taqbeż tul mogħdija ta’ kulur blu jgħajjat, hija rrealizzat li b’ xi mod hija kienet laħqet l-istess età li kellha z-zija Rose waqt dak is-sajf mill-aktar sabiħ.

Immaġni
Tifla pijuniera taqbeż

Meta hija rrealizzat dan, hija ħasset talba speċjali timlielha qalbha. U Eva ħassitha grata għal ħajjitha, għall-familja tagħha, għall-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u għal dak is-Sajf ta’ bosta snin ilu meta z-Zija Rose8 għallmitha dwar il-fidi, it-tama u l-imħabba.9

Barka

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi fi Kristu, jiena nittama u nitlob li f’ din l-istorja kien hemm xi ħaġa li missitilkom qalbkom u spirat ruħkom. Jiena naf li Alla jgħix u li Huwa jħobb lil kull waħda minnkom.

Hekk kif intom tibqgħu mexjin fit-triq imdawla tagħkom bħala dixxipli, jiena nitlob li l-fidi tiffortifika kull pass li intom tagħmlu tul it-triq; li t-tama tispiċċa biex tiftħilkom għajnejkom għall-glorji li Missierna tas-Smewwiet għandu mħejjijin għalikom; u biex qalbkom timtela bl-imħabba lejn Alla u lejn uliedu kollha. Bħala Appostlu tal-Mulej, jiena ngħid dan bħala t-testimonjanza tiegħi u l-barka tiegħi għalikom f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara, per eżempju, Mattew 13:24–30; 18:23–35; 20:1–16; 22:1–14; 25; Luqa 10:25–37; 15:11–32.

  2. Ara, per eżempju, Thomas S. Monson, “Guided Safely Home,” Liahona, Nov. 2014, 67–69; “Love—the Essence of the Gospel,” Liahona, Mejju 2014, 91–94; “We Never Walk Alone,” Liahona, Nov. 2013, 121–24; “Obedience Brings Blessings,” Liahona, Mejju 2013, 89–92.

  3. Ara 2 Nephi 02:25, 16.

  4. Rivelazzjoni 21:3–4.

  5. 1 Korintin 2:9.

  6. “Forever—is composed of Nows,” f’ Final Harvest: Emily Dickinson’s Poems, sel. Thomas H. Johnson (1961), 158; ara wkoll poetryfoundation.org/poem/182912.

  7. Ara Luqa 9:24.

  8. “Ħafna drabi x-xewk iniggeż jipproduċi ward mill-aktar ħelu” (Ovid, Epistulae ex Ponto, ktieb 2, ittra 2, linja 34; “Saepe creat molles aspera spina rosas”).

  9. Ara Moroni 07:42.