2010-2019
Il-Ferħ li Ngħixu Ħajja Ċċentrata Fuq Kristu
Ottubru 2015


Il-Ferħ li Ngħixu Ħajja Ċċentrata Fuq Kristu

Ħajjitna għandha tkun iċċentrata b’ eżattezza fuq Kristu jekk aħna rridu nsibu l-vera ferħ u paċi f’ din il-ħajja.

Id-dinja li ngħixu fiha qed tpoġġi pressjoni kbira fuq in-nies twajbin ma’ kullimkien sabiex ibaxxu jew saħansitra jabbandunaw l-istandards tagħhom li permezz tagħhom jgħixu ħajja ġusta. Madankollu, minkejja l-ħażen u t-tentazzjoni li għandna madwarna kuljum, aħna llum nistgħu u għandna nsibu il-vera ferħ jekk ngħixu ħajja ċċentrata fuq Kristu.

Li ngħixu ħajjitna bbażata fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu twassal biex ikollna f’ ħajjitna l-istabbilità u l-ferħ, kif juru l-eżempji li ġejjin.

Il-Presbiteru Taiichi Aoba tas-Sebgħin, li kien jgħix f’ raħal żgħir qalb il-muntanji ġewwa Xikoku, il-Ġappun, ġie mistoqsi sabiex jgħallem klassi waqt il-konferenza taż-żgħażagħ. ”Ieqfu f’ Postijiet Qaddisa” kienet it-tema tal-konferenza. Wara li ħa inkonsiderazzjoni t-tema u x’ kien se jgħallem, il-Presbiteru Aoba ddeċieda li juża l-ħila li huwa għandu bħala mezz ta’ tagħlim. Xogħlu hu li jaħdem il-fuħħar.

Immaġni
Il-Presbiteru Aoba ddeċieda li joħloq il-fuħħar flimkien maż-żgħażagħ

Il-Presbiteru Aoba rrakkonta li l-klassi tiegħu mimlija żgħażagħ verament immeraviljaw ruħhom meta raw kif kien kapaċi kważi b’ mod maġiku jittrasforma b’ idejh il-forma tat-tafal u minnu joħroġ il-platti, l-iskutelli u l-kikkri. Wara li wriehom kif isir dan, huwa talabhom jekk hemmx xi ħadd fosthom li jixtieq jipprova wkoll. Ilkoll kemm huma għollew idhom.

Il-Presbiteru Aoba sejjaħ diversi żgħażagħ biex jippruvaw din il-ħaġa ġdida f’ ħajjithom. Huwa assumew, wara li rawh jaħdem, li din kienet se tkun ħaġa sempliċi. Madankollu, ħadd minnhom ma rnexxielu jagħmel b’ suċċess imqar skutella sempliċi. Huma qalu: ”Ma nistax nagħmilha!” ”Għalfejn daqshekk diffiċli?” ”Verament ħaġa diffiċli.” Dawn il-kummenti bdew jingħadu waqt li t-tafal kien qed jixxerred mal-kamra kollha.

Huwa staqsa liż-żgħażagħ għalfejn kienu qed isibuha daqstant bi tqila biex jaħdmu t-tafal. Huma taw diversi tweġibiet differenti: ”Jiena bla esperjenza,” ”qatt ma ġejt imħarreġ,” jew ”mhux kapaċi.” Skont ir-riżultat, dak kollu li qalu kien minnu; madankollu, l-akbar raġuni għalfejn fallew daqshekk kienet għaliex ma kinux poġġew it-tafal fiċ-ċentru tar-rota. Iż-żgħażagħ ħasbu li kienu poġġew it-tafal fiċ-ċentru, iżda mill-perspettiva ta’ bniedem professjonali, ma poġġewhx eżatt fiċ-ċentru. Imbagħad qalilhom, ”Ejjew nerġgħu nippruvaw.”

Immaġni
Il-Presbiteru Aoba beda jaħdem il-fuħħar

Din id-darba, il-Presbiteru Aoba poġġa t-tafal eżatt fiċ-ċentru tar-rota u mbagħad beda jdawwar ir-rota, fejn għamel toqba f’ nofs it-tafal. Bosta minn dawn iż-żgħażagħ reġgħu ppruvaw. Din id-darba kulħadd qabad iċapċap meta qalu: ”Ara! m’għadux jiċċaqlaq,” ”Dan kapaċi nagħmlu,” jew ”Irnexxieli!” M’hemmx dubju, il-forom ma kinux perfetti, iżda r-riżultat kien ferm differenti mill-ewwel darba li ppruvaw. Ir-raġuni għax irnexxielhom kienet għaliex it-tafal kienu poġġewh perfettament fuq ir-rota.

Id-dinja li fiha ngħixu tixbah lir-rota ddur taċ-ċeramista, u l-veloċità ta’ dik ir-rota qed tiżdied. Bħat-tafal fuq ir-rota taċ-ċeramista, aħna wkoll għandna nieħdu l-pożizzjoni tagħna fiċ-ċentru. Il-qofol tagħna, iċ-ċentru ta’ ħajjitna, għandu jkun Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu. Li ngħixu ħajja ċċentrata fuq Kristu tfisser li nitgħallmu dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu u mbagħad nimxu wara l-eżempju Tiegħu u nżommu l-kmandamenti Tiegħu b’ eżattezza.

Il-profeta tal-qedem Isaija ddikjara, ”Madankollu, Mulej, int missierna; aħna t-tafal, u inti l-fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.”1

Jekk ħajjitna tinsab iċċentrata fuq Ġesù Kristu, Huwa jista’ jiffurmana b’ suċċess f’ dik il-persuna li jeħtieġ inkunu sabiex inkunu nistgħu nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu u ta’ Missierna tas-Smewwiet fis-saltna ċelestjali. Il-ferħ li nesperjenzaw f’ din il-ħajja se jkun relatat b’ mod dirett ma’ kemm ħajjitna tinsab iċċentrata fuq it-tagħlim, l-eżempju u s-sagrifiċċju tat-tpattija ta’ Ġesù Kristu.

Ħuti, jiena twelidt ġo familja magħmula minn membri Qaddisin tal-Aħħar Jiem ta’ etajiet differenti, għalhekk il-barkiet u l-ferħ li jkollna l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu bħala l-bażi tal-kultura tal-familja tagħna hija parti integrali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kien biss meta kont żagħżugħ u mort inservi missjoni full-time li ntbaħt x’ impatt pożittiv inkredibbli l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jħalli fuq dawk li qatt qabel ma esperjenzaw il-barkiet tiegħu f’ ħajjithom. Dan il-vers minn Mattew jirrifletti l-proċess li jesperjenzaw in-nies li jikkonvertu għall-evanġelju ta Ġesù Kristu: ”Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.”2

Ippermettuli naqsam magħkom eżempju mill-Ktieb ta’ Mormon li juri x’ kien lest li jħallas wieħed li kkonverta verament biex ikun jista’ jikseb il-ferħ assoċjat mat-teżor li nistgħu nsibu, it-teżor li tkellem fuqu Ġesù fil-parabbola tat-teżor moħbi f’għalqa.

Tiftakru fil-ktieb ta’ Alma kapitlu 20, Ammonin u Lamoni kienu qed jivvjaġġaw sal-belt ta’ Middoni bl-iskop li jsibu u jeħilsu mill-ħabs lil Aaron, ħu Ammonin. Tul il-vjaġġ tagħhom huma ltaqgħu ma’ missier Lamoni, li kien sultan Lamanita fuq il-pajjiż kollu.

Is-sultan kien irrabjat ħafna li ibnu Lamoni kien mar jivvjaġġa ma’ Ammonin, missjunarju Nefita, li kien jikkunsidrah bħala għadu tagħhom. Huwa ħass li ibnu missu mar jattendi l-festa kbira li huwa kien organizza għal uliedu u l-poplu tiegħu. Is-sultan Lamanita tant kien irrabjat li huwa ordna lil ibnu Lamoni sabiex joqtol lil Ammonin permezz tax-xabla. Meta Lamoni rrifjuta li jagħmel dan, is-sultan ħataf l-istess xabla ta’ ibnu biex joqtol lil ibnu talli ma kienx obdieh; madankollu, Ammonin daħal f’ nofshom biex isalva l-ħajja ta’ Lamoni. Ultimament huwa għeleb lis-sultan u kellu anke ċans joqtlu.

Dan huwa l-kliem li s-sultan qal lil Ammonin wara li sab lilu nnifsu f’ sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt: ”Jekk inti tagħtini ċans inkompli ngħix jiena nagħtik dak kollu li titlob minni, saħansitra nofs is-saltna.”3

Għalhekk is-sultan kien lest joffri nofs is-saltna tiegħu biex huwa ma jinqatilx. M’hemmx dubju li s-sultan stagħġeb meta Ammonin talab biss li huwa jeħles lil ħuh Aaron u lil sħabu mill-ħabs u li Lamoni, iben is-sultan, iżomm postu fis-saltna.

Aktar tard, grazzi għal dan il-laqgħa, Aaron, ħu Ammonin inħeles mill-ħabs ta’ Middoni. Wara li nħeles huwa ġie spirat li jivvjaġġa sal-pajjiż fejn kien isaltan is-sultan Lamanita. Aaron ltaqa’ mas-sultan u kellu l-privileġġ li jgħallmu l-prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, fosthom il-pjan kbir ta’ fidwa. It-tagħlim ta’ Aaron verament ispira lis-sultan.

Ir-rispons tas-sultan għat-tagħlim ta’ Aaron insibuh f’ vers 15 ta’ Alma kapitlu 22: ”U ġara li wara li Aaron fissirlu dan kollu, is-sultan qallu: X’ għandi nagħmel biex nikseb din il-ħajja eterna li tkellimt fuqha int? Iva, x’ għandi nagħmel sabiex nitwieled minn Alla, inkeċċi dan l-ispirtu ħażin mill-qiegħ ta’ qalbi u nirċievi l-Ispirtu tiegħu, sabiex nimtela bil-ferħ, sabiex ma niġix imwarrab fl-aħħar jum? Ara, qallu hu, jiena lest li nħalli l-ġid kollu tiegħi warajja, lest li nabbanduna s-saltna tiegħi, sabiex nirċievi dan il-ferħ kbir.”

B’ meravilja, b’ kuntrast malli kien se joffri nofs is-saltna tiegħu biex ma jinqatilx, is-sultan Lamanita issa kien lest li jabbanduna s-saltna kollha tiegħu sabiex jirċievi l-ferħ li jinkiseb biss jekk nifhmu, naċċettaw u ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Marti, Nancy, hija wkoll persuna li kienet ikkonvertiet għall-Knisja. Tul is-snin hija kellmitni bosta drabi dwar il-ferħ li hija ħasset f’ ħajjitha meta sabet, aċċettat u bdiet tgħix l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Dan li ġej huwa riflessjoni minn Sister Maynes dwar l-esperjenza tagħha:

”Meta kien għad kelli xi 20 sena jew ftit aktar, kont wasalt f’ punt meta kien hemm bżonn li nibdel xi ħaġa f’ ħajti biex forsi insir persuna aktar kuntenta. Ħassejtni konfuża mingħajr ebda għan speċifiku u direzzjoni, u ma kontx naf fejn stajt insib dan. Minn dejjem kont naf li Missierna tas-Smewwiet jeżisti u kultant f’ ħajti jiena tlabt u ħassejt li Huwa kien hemm jismagħni.

”Hekk kif bdejt infittex il-verità, jiena bdejt nattendi bosta knejjes differenti iżda dejjem kont nispiċċa nerġa’ nħossni nimtela bl-istess sentimenti u nibda naqta’ qalbi. Inħossni verament imbierka peress li t-talba tiegħi biex insib direzzjoni u għan f’ ħajti ultimament ġiet imwieġba u f’ ħajti sibt il-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Għall-ewwel darba ħassejt li kelli għan, u l-pjan ta’ ferħ wassal f’ ħajti l-vera hena.

Esperjenza oħra mill-Ktieb ta’ Mormon turi b’ mod ċar kif li ngħixu ħajjitna ċċentrata fuq Kristu tgħinna nimtlew b’ ferħ kbir saħansitra anke meta nkunu ninsabu maħkumin minn diffikultajiet kbar.

Wara li l-profeta Leħi u l-familja tiegħu ħallew Ġerusalemm fis-sena 600 q.k., huma għamlu bejn wieħed u ieħor tmien snin jiġġerrew fid-deżert sakemm finalment huma waslu f’ art li semmewha Kutran, li kienet tinsab ħdejn xatt il-baħar. Nefi ddeskriva l-ħajja diffiċli tagħhom fid-deżert b’ dan il-mod: ”Aħna għaddejna minn bosta sofferenza u diffikultà, … tant li lanqas biss nistgħu nsemmuhom kollha.”4

Waqt li kienu qed jgħixu f’ Kutran, Nefi ngħata mill-Mulej ir-responsabbiltà li jibni l-vapur li permezz tiegħu kellhom jaqsmu l-baħar sal-art imwiegħda. Wara li waslu sal-art imwiegħda, komplew iqumu kunflitti kbar bejn in-nies li ħajjithom kienet iċċentrata fuq Kristu u dak li ma kinux jemmnu, li mxew wara l-eżempji ta’ Laman u Lemwel. Ultimament, ir-riskju li l-vjolenza kienet se tinfiltra ż-żewġ gruppi tant kiber li Nefi u dawk li mxew wara t-tagħlim tal-Mulej isseparaw lilhom infushom mill-kumplament u ħarbu lejn id-deżert, ’il bogħod mill-periklu. F’ dan iż-żmien, xi 30 sena wara li Leħi u l-familja tiegħu telqu minn Ġerusalemm, Nefi kiteb dokument iddettaljat li fih għamel dikjarazzjoni xi ftit sorprendenti, speċjalment wara li fl-iskrittura kien semma kemm għal żmien twil huma kienu ħabbtu wiċċhom ma’ tant sofferenza u tribulazzjoni. Huwa qal hekk: ”U ġara li aħna għexna ħajja ta’ ferħ.”5 Minkejja d-diffikultajiet tagħhom, huma kienu kapaċi jgħixu ħajja ta’ ferħ għax ħajjithom kienet iċċentrata fuq Kristu u l-evanġelju Tiegħu.

Ħuti, bħat-tafal fuq ir-rota taċ-ċeramista, ħajjitna għandha tkun ibbażata b’ eżattezza fuq Kristu jekk aħna rridu nsibu l-vera ferħ u paċi f’ din il-ħajja. L-eżempji tas-sultan Lamanita; ta’ marti, Nancy; u tal-poplu Nefita lkoll jissapportjaw dan il-prinċipju veru.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi llum li aħna wkoll nistgħu nsibu din il-paċi, dak il-ferħ u dik l-hena vera jekk aħna nagħżlu li ngħixu ħajjitna ċċentrata fuq Kristu, f’ isem Ġesù Kristu, amen.