Skrittura
Omni 1


Il‑Ktieb ta’ Omni

Kapitlu 1

Omni, Għamaron, Kemis, Abinadom, u Għamaleki, kull wieħed min‑naħa tiegħu, iżomm għandu l‑annali—Mosija jiskopri lin‑nies ta’ Żaraħemla, li ħallew Ġerusalemm fi żmien Sedekija—Mosija jinħatar bħala sultan fuqhom—Id‑dixxendenti ta’ Mulek f’Żaraħemla ġew wiċċ imb wiċċ ma’ Kurjantumir, l‑aħħar wieħed minn fost il‑Ġarediti—Is‑sultan Benjamin ikun is‑suċċessur ta’ Mosija—Il‑bnedmin għandhom joffru ruħhom bħala offerta lil Kristu. Madwar 323–130 Q.K.

1 Araw, ġara li jiena, Omni, ġejt ordnat minn missieri, Ġarom, li kelli nikteb xi ħaġa fuq dawn il‑pjanċi, biex nippreserva l‑arblu tar‑razza tagħna—

2 Għalhekk, nixtieqkom tkunu tafu li fi żmieni jiena tqabadt ferm permezz tax‑xabla biex nippreserva lill‑poplu tiegħi, in‑Nefiti, milli jaqa’ f’idejn l‑għedewwa tiegħu, il‑Lamaniti. Iżda araw, jiena stess bniedem ħażin, u jien ma ħaristx il‑liġijiet u l‑kmandamenti tal‑Mulej kif kelli nagħmel.

3 U ġara li għaddew mitejn u sitta u sebgħin sena, u kellna diversi staġuni ta’ paċi; u kellna diversi staġuni ta’ gwerra qerrieda u tixrid tad‑demm. Iva, fi ftit kliem, għaddew mitejn u tnejn u tmenin sena, u jiena żammejt għandi dawn il‑pjanċi skont il‑kmandamenti ta’ missirijieti; u jiena għaddejthom lil ibni Għamaron. U jien se nieqaf hawn.

4 U issa jiena, Għamaron, se nikteb il‑ħwejjeġ li jiena se nikteb, li huma ftit, fil‑ktieb ta’ missieri.

5 Araw, ġara li għaddew tliet mija u għoxrin sena, u l‑aktar nies ħżiena minn fost in‑Nefiti ġew meqruda.

6 Għax il‑Mulej ma jippermettix, wara li hu ħariġhom ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm u ħarishom u ppreservahom milli jaqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħhom, iva, huwa ma jippermettix li l‑kliem li huwa qal lil missirijietna ma jiġix ikkonfermat, fejn qal: Jekk ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom ma jkollkomx ir‑risq fl‑art.

7 Għalhekk, għalihom il‑ħaqq tal‑Mulej kien wieħed sever; madankollu, huwa ħelisha lill‑ġusti sabiex huma ma jinqerdux, billi ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom.

8 U ġara li jiena għaddejt il‑pjanċi lil ħija Kemis.

9 Issa jiena, Kemis, se nikteb il‑ftit li se nikteb, fl‑istess ktieb bħal ħija; għax araw, jiena rajt x’kiteb l‑aħħar, fejn hu kiteb b’idu stess; u hu kiteb li kiteb fil‑jum li għaddihom lili. U hu b’dan il‑mod li aħna nżommu l‑annali, għax dan hu skont il‑kmandamenti ta’ missirijietna. U jien se nieqaf hawn.

10 Araw, jiena, Abinadom, niġi iben Kemis. Araw, ġara li jien rajt b’għajnejja ħafna gwerer u ġlied bejn il‑poplu tiegħi, in‑Nefiti, u l‑Lamaniti; u jiena, permezz tax‑xabla tiegħi, neħħejt il‑ħajja ta’ bosta Lamaniti biex niddefendi lil ħuti.

11 U araw, l‑istorja ta’ dan il‑poplu tinsab imnaqqxa fuq il‑pjanċi li qed jinżammu mis‑slaten, skont il‑ġenerazzjonijiet; u ma naf bl‑ebda rivelazzjoni u profezija oħra ħlief dik li ġiet miktuba; għalhekk, dak kollu li hu meħtieġ jinsab miktub. U jien se nieqaf hawn.

12 Araw, jiena Għamaleki, iben Abinadom. Araw, se nkellimkom xi ħaġa dwar Mosija, li nħatar bħala sultan fuq l‑art ta’ Żaraħemla; għax araw, hu ġie mwissi mill‑Mulej sabiex jaħrab ’il barra mill‑art ta’ Nefi, u kull min jagħti widen għal‑leħen tal‑Mulej għandu wkoll jitlaq miegħu ’l barra mill‑pajjiż, lejn ix‑xagħri—

13 U ġara li hu għamel skont dak li ordnalu l‑Mulej. U telqu ’l barra mill‑pajjiż lejn ix‑xagħri dawk kollha li taw widen għal leħen il‑Mulej; u huma ġew immexxija permezz ta’ ħafna predikazzjoni u profezija. U kienu qed jiġu mwiddba kontinwament permezz tal‑kelma ta’ Alla; u kienu qed jitmexxew qalb ix‑xagħri permezz tal‑qawwa ta’ driegħu, sakemm niżlu f’art li tissejjaħ l‑art ta’ Żaraħemla.

14 U hemm huma skoprew grupp ta’ nies, li kienu jissejħu n‑nies ta’ Żaraħemla. Issa, kien hemm ferħ kbir fost in‑nies ta’ Żaraħemla; u Żaraħemla nnifsu kien verament ferħan, għaliex il‑Mulej kien bagħat lin‑nies ta’ Mosija bil‑pjanċi tal‑bronż li kien fihom l‑istorja tal‑Lhud.

15 Araw, ġara li Mosija sab li n‑nies ta’ Żaraħemla kienu ħallew Ġerusalemm fi żmien meta Sedekija, sultan ta’ Ġuda, ittieħed fl‑eżilju f’Babilonja.

16 U huma vvjaġġaw fid‑deżert, u nġiebu permezz ta’ id il‑Mulej san‑naħa l‑oħra tal‑ibħra mill‑aktar vasti, sa l‑art li sabhom fiha Mosija; u minn dakinhar baqgħu jgħammru hemm.

17 U fiż‑żmien li fih sabhom Mosija, huma kienu saru mill‑aktar numerużi. Madankollu, huma spiċċaw f’ħafna gwerer u ġlied qerriedi, u minn żmien għall‑ieħor waqgħu mejta bix‑xabla; u lsienhom ma baqax jingħaraf; u magħhom ma ġabu l‑ebda annali; u huma ċaħdu l‑eżistenza tal‑Ħallieq tagħhom; u la Mosija, u lanqas in‑nies ta’ Mosija ma setgħu jifhmuhom.

18 Iżda ġara li Mosija ried li huma jiġu mgħallmin l‑ilsien tiegħu. U ġara li wara li ġew mgħallmin ilsien Mosija, Żaraħemla ppreżenta l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietu, skont il‑memorja tiegħu; u ġie miktub, iżda mhux f’dawn il‑pjanċi.

19 U ġara li n‑nies ta’ Żaraħemla u ta’ Mosija, ingħaqqdu flimkien; u Mosija nħatar biex ikun is‑sultan tagħhom.

20 U ġara li fi żmien Mosija, inġiebet quddiemu ħaġra kbira b’inċiżjoni fuqha; u huwa interpreta l‑inċiżjoni permezz tad‑don u l‑qawwa ta’ Alla.

21 U kienet titkellem dwar ċertu Kurjantumir, u l‑qtil ta’ niesu. U kienu n‑nies ta’ Żaraħemla li sabu lil Kurjantumir; u huwa għammar magħhom għal perjodu ta’ disa’ oqmra.

22 U semmiet ukoll ftit kliem dwar missirijietu. U l‑ewwel ġenituri tiegħu kienu ħarbu mit‑torri, fiż‑żmien li fih il‑Mulej ħawwad ilsien il‑poplu; u l‑ħruxija tal‑Mulej niżlet fuqhom skont il‑ħaqq tiegħu, li hu ġust; u għadamhom jinsab mifrux fl‑art tat‑tramuntana.

23 Araw, jiena, Għamaleki, twelidt fi żmien Mosija; u jien għixt biex nara mewtu; u ibnu Benjamin, beda jsaltan minfloku.

24 U araw, fi żmien is‑sultan Benjamin, jiena rajt gwerra qerrieda u tixrid tad‑demm bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti. Iżda araw, in‑Nefiti kisbu vantaġġ kbir fuqhom; iva, hekk li s‑sultan Benjamin spiċċa biex ħariġhom ’il barra mill‑art ta’ Żaraħemla.

25 U ġara li jiena bdejt nixjieħ; u peress li jien tfal m’għandix, u għax naf li s‑sultan Benjamin huma raġel ġust quddiem il‑Mulej, għalhekk, jien sejjer ngħaddilu dawn il‑pjanċi, u nħeġġeġ lill‑bnedmin kollha biex jersqu lejn Alla, il‑Qaddis ta’ Iżrael, u jemmnu fil‑profeziji, u fir‑rivelazzjonijiet, u fil‑qadi tal‑anġli, u fid‑don li titkellem bl‑ilsna, u fid‑don li tinterpreta l‑ilsna, u f’dak kollu li hu tajjeb; għax m’hemm xejn li hu tajjeb jekk mhux ġej mill‑Mulej: u dak li hu ħażin ġej mix‑xitan.

26 U issa, għeżież ħuti, nitlobkom sabiex tersqu lejn Kristu, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael, u tgawdu mis‑salvazzjoni tiegħu, u mill‑qawwa tal‑fidwa tiegħu. Iva, ersqu lejh, u offru ruħkom kollha bħala offerta lilu, u ibqgħu sumu u itolbu, u ibqgħu sħaħ sal‑aħħar; u daqs kemm hu ħaj il‑Mulej intom tiġu salvati.

27 U issa se ngħid xi ħaġa dwar xi wħud li telgħu fix‑xagħri biex jerġgħu lura fl‑art ta’ Nefi; għax kien hemm ħafna li kellhom ix‑xewqa li jirtu l‑art ta’ wirthom.

28 Għalhekk, huma telgħu fix‑xagħri. U l‑mexxej tagħhom kien raġel b’saħħtu u mkabbar, u ta’ ras iebsa, għalhekk hu wassal għal ħafna ġlied bejniethom; u huma nqatlu lkoll fix‑xagħri, ħlief ħamsin, u reġgħu lura għal darb’oħra fl‑art ta’ Żaraħemla.

29 U ġara li magħhom ħadu wkoll numru mhux ħażin ta’ nies oħra, u reġgħu rħewlha għal darb’oħra lejn ix‑xagħri.

30 U jien, Għamaleki, kelli ħija, li wkoll mar magħhom; u sal‑lum għadni ma nafx x’sar minnhom. U issa wasalt biex ninżel f’qabarti; u dawn il‑pjanċi jinsabu mimlija. U jien se nieqaf minn kliemi.