Skrittura
Għeter 12


Kapitlu 12

Il‑profeta Għeter iħeġġeġ lin‑nies biex jemmnu f’Alla—Moroni jirrakkonta dwar l‑għeġubijiet u l‑meravilji li seħħew permezz tal‑fidi—Il‑fidi wasslet lil ħu Ġared biex jara ’l Kristu—Il‑Mulej jagħti d‑dgħufija lill‑bnedmin biex huma jkunu umli—Permezz tal‑fidi ħu Ġared ċaqlaq l‑Għolja ta’ Żerin—Il‑fidi, it‑tama, u l‑karità huma essenzjali għas‑salvazzjoni—Moroni ra lil Ġesù wiċċ imb wiċċ.

1 U ġara li Għeter kien jgħix sewwasew fi żmien Kurjantumir; u Kurjantumir kien sultan fuq il‑pajjiż kollu.

2 U Għeter kien profeta tal‑Mulej; għalhekk fi żmien Kurjantumir ġie Għeter u beda jħabbar lin‑nies, għax ma kien hemm xejn li seta’ jżommu minħabba l‑Ispirtu tal‑Mulej li kien jinsab fih.

3 Għax minn sbieħ il‑għodwa sa nżul ix‑xemx huwa beda jħabbar lin‑nies u jħeġġiġhom biex jemmnu f’Alla u jindmu ħalli ma jispiċċawx jinqerdu, u beda jgħidilhom li permezz tal‑fidi kollox hu possibli—

4 Għalhekk, min jemmen f’Alla żgur li jista’ jittama għal dinja aħjar, iva, sewwasew għal post fuq in‑naħa tal‑lemin ta’ Alla, liema tama tasal permezz tal‑fidi, li sservi bħala ankra għal ruħ il‑bniedem, u twassalhom biex ikunu determinati li dejjem iżommu sħiħ, u jwettqu dejjem opri tajba u jagħtu glorja lil Alla.

5 U ġara li Għeter ħabbar lin‑nies ħwejjeġ kbar u tal‑għaġeb, liema ħwejjeġ huma ma emmnux, peress li ma rawhomx.

6 U issa, jiena, Moroni, se ngħid xi ħaġa dwar dawn il‑ħwejjeġ; jiena se nuru lid‑dinja li l‑fidi hija dik il‑ħaġa li aħna nittamaw għaliha bla ma nistgħu narawha; għalhekk, toqogħdux targumentaw għaliex ma tistgħux taraw, għax intom ma tiksbu l‑ebda xhieda qabel mal‑fidi tagħkom tiġi ppruvata.

7 Għax kien permezz tal‑fidi li Kristu wera lilu nnifsu lil missirijietna, wara li huwa qam mill‑imwiet; u hu ma weriex lilu nnifsu lilhom qabel ma huma kellhom il‑fidi fih; għalhekk, kien jeħtieġ li xi wħud ikollhom il‑fidi fih, għax hu ma kienx wera lilu nnifsu lid‑dinja.

8 Iżda minħabba l‑fidi tal‑bnedmin huwa wera lilu nnifsu lid‑dinja, u gglorifika isem il‑Missier, u ħejja mezz kif oħrajn setgħu jgawdu d‑don divin, ħalli jkunu jistgħu jittamaw għal ħwejjeġ li ma kinux raw.

9 Għalhekk, jekk ikollkom il‑fidi jista’ jkollkom ukoll it‑tama, u tkunu tistgħu tgawdu dan id‑don.

10 Araw kien permezz tal‑fidi li n‑nies ta’ dari ġew imsejħa permezz tal‑ordni mqaddsa ta’ Alla.

11 Għalhekk, permezz tal‑fidi ġiet mogħtija l‑liġi ta’ Mosè. Iżda permezz tal‑għotja ta’ Ibnu Alla ħejja mezz ferm aqwa; u kien permezz tal‑fidi li dan ġie fis‑seħħ.

12 Għax jekk fost ulied il‑bnedmin ma jkun hemm l‑ebda fidi Alla ma jista’ jwettaq l‑ebda miraklu fosthom; għalhekk, huwa ma weriex lilu nnifsu qabel ma huma wrew il‑fidi tagħhom.

13 Araw, kienet il‑fidi ta’ Alma u Amuleki li wasslet biex jaqgħu mal‑art il‑ħitan tal‑ħabs.

14 Araw, kienet il‑fidi ta’ Nefi u Leħi li wasslet biex isseħħ bidla fil‑Lamaniti, u huma spiċċaw tgħammdu bin‑nar kif ukoll bl‑Ispirtu s‑Santu.

15 Araw, kienet il‑fidi ta’ Għammon u ħutu li wasslithom biex huma jwettqu miraklu daqstant kbir fost il‑Lamaniti.

16 Iva, u sewwasew dawk kollha li wettqu l‑mirakli wettquhom permezz tal‑fidi, sew dawk li għexu qabel Kristu kif ukoll dawk li għexu wara.

17 U kien permezz tal‑fidi li t‑tliet dixxipli ngħataw wegħda li huma mhumiex se jduqu l‑mewt; u l‑wegħda ma ġietx fis‑seħħ qabel ma huma wrew l‑ewwel il‑fidi tagħhom.

18 U fl‑ebda żmien ma kien hemm nies li wettqu xi mirakli qabel ma wrew il‑fidi tagħhom; għalhekk huma l‑ewwel emmnu f’Bin Alla.

19 U kien hemm ħafna li l‑fidi tagħhom tant kienet qawwija, anke qabel il‑miġja ta’ Kristu, li ma setgħux jinżammu lura milli jaraw ’il ġewwa mill‑velu, iżda huma setgħu jaraw b’għajnejhom sewwasew il‑ħwejjeġ li kienu raw bl‑għajn tal‑fidi, u huma ferħu bil‑kbir.

20 U araw, f’dan ir‑rakkont aħna rajna li wieħed minn dawn kien ħu Ġared; għax tant kienet kbira l‑fidi tiegħu f’Alla, li meta Alla ħareġ sebgħu, huwa ma setax jaħbih biex ma jarahx ħu Ġared, minħabba l‑wegħda li kien għamillu, liema wegħda raha tiġi fis‑seħħ permezz tal‑fidi.

21 U wara li ħu Ġared ra s‑saba’ tal‑Mulej, minħabba l‑wegħda li huwa raha tiġi fis‑seħħ permezz tal‑fidi, ma kien hemm xejn li l‑Mulej seta’ jżomm lura milli juri lil ħu Ġared; għalhekk huwa wrieh kull ħaġa, għax huwa ma setax jinżamm lura aktar milli jara ’l ġewwa mill‑velu.

22 U huwa permezz tal‑fidi li l‑wegħda li ngħatat lil missirijieti ġiet fis‑seħħ li dawn il‑ħwejjeġ kellhom jaslu għand ħuthom permezz tal‑Ġentili; huwa għalhekk li l‑Mulej, l‑istess Ġesù Kristu, tani dan il‑kmandament.

23 U jien għidtlu: Mulej, il‑Ġentili se jispiċċaw iwaqqgħu dawn il‑ħwejjeġ għaż‑żufjett, minħabba d‑dgħjufija f’kitbietna; għax Mulej inti lilna tajtna l‑qawwa fil‑kelma permezz tal‑fidi, iżda ma tajtniex il‑qawwa fil‑kitba; għax inti tajt lil dawn in‑nies kollha l‑abbiltà li jitkellmu, minħabba l‑Ispirtu s‑Santu li inti tajthom;

24 U inti rajt li aħna nkunu nafu niktbu iżda mhux wisq, minħabba l‑inkapaċità ta’ jdejna. Ara, inti lilna ma tajtniex il‑qawwa fil‑kitba bħalma tajt lil ħu Ġared, għax inti rajt li l‑ħwejjeġ li huwa kiteb huma setgħana kif inti int, li għandhom il‑qawwa li jwasslu lill‑bniedem biex jaqrahom.

25 Inti rajt ukoll li kliemna jkun mill‑aktar qawwi u setgħan, minkejja li ma nistgħux niktbuh; għalhekk, meta niktbu aħna nagħrfu dgħufitna, u nispiċċaw nitħawdu għall‑mod kif inpoġġu kliemna; u nibżgħu li l‑Ġentili jispiċċaw iwaqqgħu kliemna għaż‑żufjett.

26 U meta jiena għidt dan, il‑Mulej kellimni u qalli: Huma l‑boloh li jwaqqgħu għaż‑żufjett, iżda huma għad jibku; u l‑grazzja tiegħi hi biżżejjed għal dawk ta’ qalbhom ħelwa, fejn huma ma jieħdux vantaġġ minn dgħufitkom;

27 U jekk il‑bnedmin jiġu għandi jiena nurihom dgħufithom. Lill‑bnedmin jien nagħti d‑dgħufija biex huma jkunu umli; u l‑grazzja tiegħi hi biżżejjed għal dawk kollha li jumiljaw ruħhom quddiemi; għax jekk huma jumiljaw ruħhom quddiemi, u jkollhom il‑fidi fija, imbagħad jiena nara li l‑ħwejjeġ dgħajfa jsiru għalihom ħwejjeġ setgħana.

28 Araw, lill‑Ġentili jiena nurihom dgħufithom, u nurihom li l‑fidi, it‑tama u l‑karità jwasslu lejja—l‑għajn ta’ kull tjieba.

29 U jiena, Moroni, wara li smajt dan il‑kliem, imtlejt bil‑faraġ u għidt: O Mulej, tkun magħmula t‑tjieba tiegħek, għax jiena naf li inti taħdem għal ulied il‑bnedmin skont il‑fidi tagħhom;

30 Għax ħu Ġared qal lill‑għolja ta’ Żerin, Qed nordnalek tiċċaqlaq minn postok—u hija ċċaqalqet minn postha. U li kieku ma kellux fidi ma kenitx se tiċċaqlaq minn postha; għalhekk inti taħdem wara li l‑bnedmin juru l‑fidi tagħhom.

31 Għax kien b’dal‑mod kif inti wrejt lilek innfisek lid‑dixxipli tiegħek; għax wara li huma wrew il‑fidi tagħhom, u tkellmu f’ismek, inti wrejt lilek innifsek lilhom b’qawwa kbira.

32 U jien niftakar ukoll li inti għidt li int ħejjejt dar għall‑bniedem, iva, sewwasew fost l‑abitazzjonijiet ta’ missierek, li fiha l‑bniedem jista’ jkollu tama li tisboq kull tama oħra; għalhekk il‑bniedem għandu jkollu t‑tama, għax inkella ma jista’ jkollu l‑ebda wirt fil‑post li inti ħejjejt.

33 U niftakar ukoll li għidt li inti ħabbejt lid‑dinja, sewwasew li inti tajt ħajtek għad‑dinja, ħalli tkun tista’ terġa’ teħodha lura sabiex tħejji post għal ulied il‑bnedmin.

34 U issa jiena naf li l‑imħabba li inti għandek lejn ulied il‑bnedmin hija l‑karità; għalhekk, jekk il‑bnedmin ma jkollhomx il‑karità huma ma jistgħux jirtu dak il‑post li inti ħejjejt fl‑abitazzjonijiet ta’ missierek.

35 Għalhekk, permezz ta’ dak li għidt jiena naf li jekk il‑Ġentili ma jkollhomx il‑karità, minħabba d‑dgħufija tagħna, inti lilhom iġġarrab, u toħdilhom lura t‑talenti tagħhom, iva, sewwasew dawk li huma ngħataw, u tagħtihom lil dawk li għandhom bil‑kotra.

36 U ġara li jiena tlabt lill‑Mulej biex jagħti l‑grazzja lill‑Ġentili, ħalli huma jkun jista’ jkollhom il‑karità.

37 U ġara li l‑Mulej qalli: Jekk huma ma jkollhomx il‑karità, lilek ma tagħmillek l‑ebda differenza, għax fidil inti kont; għalhekk, ilbiesek nodfa se jkunu. U għax inti għaraft dgħufitek inti se tingħata l‑qawwa, li twasslek biex inti tpoġġi bilqiegħda fil‑post li jien ħejjejt fl‑abitazzjonijiet ta’ missieri.

38 U issa jiena, Moroni, se ngħid saħħa lill‑Ġentili, iva, kif ukoll lil ħuti li jien tant inħobb, sakemm nerġgħu niltaqgħu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu, fejn il‑bnedmin kollha għad ikunu jafu li lbiesi mhuwiex imtebba’ b’demmkom.

39 U mbagħad intom tkunu tafu li jiena rajt lil Ġesù, u li huwa tkellem miegħi wiċċ imb wiċċ, u qalli b’umiltà mill‑aktar sempliċi, sewwasew kif bniedem jitkellem ma’ bniedem ieħor, bl‑ilsien tiegħi, dwar dawn il‑ħwejjeġ;

40 U kulma ktibt minnhom huwa ftit, minħabba d‑dgħufija f’kitbieti.

41 U issa, se nħallikom biex intom tmorru tfittxu lil dan Ġesù li dwaru kitbu l‑profeti u l‑appostli, ħalli l‑grazzja ta’ Alla l‑Missier, kif ukoll tal‑Mulej Ġesù Kristu, u tal‑Ispirtu s‑Santu, li jixhed għalihom, tkun magħkom u tgħammar fikom għal dejjem. Ammen.