Skrittura
Għeter 15


Kapitlu 15

Miljuni ta’ Ġarediti jinqatlu waqt battalja—Siż u Kurjantumir jiġbru lil nieshom kollha flimkien għal ġlieda sal‑mewt—L‑Ispirtu tal‑Mulej ma jibqax jgħammar magħhom aktar—Il‑ġens Ġaredita jinqered għal kollox—Jibqa’ biss Kurjantumir.

1 U ġara li meta Kurjantumir irkupra mill‑ġrieħi li ġarrab, beda jfeġġ f’moħħu l‑kliem li kien qallu Għeter.

2 Huwa ra li diġà kienu nqatlu kważi żewġ miljun ruħ permezz tax‑xabla, u hu beda jsewwed qalbu; iva, kienu nqatlu żewġ miljun raġel qablieni, flimkien ma’ marthom u wliedhom.

3 Huwa beda jindem mill‑ħażen li kien wettaq; f’moħħu beda jfeġġ il‑kliem li kien ġie mlissen minn fomm il‑profeti kollha, u huwa ra li s’issa kollu kien ġie fis‑seħħ, kollu kemm hu; u ruħu tnikktet u ma riditx titfarraġ.

4 U ġara li huwa kiteb ittra lil Siż, fejn talbu biex ikollu ħniena min‑nies, u qallu li hu kien lest iċedi s‑saltna biex isalva lill‑poplu.

5 U ġara li meta Siż rċieva l‑ittra tiegħu hu kiteb ittra lil Kurjantumir, fejn qallu li jekk huwa jagħti lilu nnifsu f’idejh, biex hu jkun jista’ joqtlu bl‑istess xabla tiegħu, huwa kien lest jeħlisha lin‑nies mill‑mewt.

6 U ġara li n‑nies baqgħu ma nidmux minn ħżunithom; u n‑nies ta’ Kurjantumir spiċċaw imtlew bil‑korla għan‑nies ta’ Siż; u n‑nies ta’ Siż imtlew bil‑korla għan‑nies ta’ Kurjantumir; għalhekk, in‑nies ta’ Siż spiċċaw f’battalja kontra n‑nies ta’ Kurjantumir.

7 U meta Kurjantumir ra li kien se jitlef il‑battalja huwa reġa’ ħarab għal darb’oħra minn quddiem il‑poplu ta’ Siż.

8 U ġara li huwa wasal ħdejn l‑ilmijiet ta’ Ripljankum, isem li jfisser kobor, jew li jisboq kollox; għalhekk, meta waslu ħdejn dawn l‑ilmijiet huma waqqfu l‑kampijiet tagħhom; u Siż waqqaf ukoll il‑kampijiet tiegħu qrib tagħhom; għalhekk l‑għada huma spiċċaw jiġġieldu f’battalja.

9 U ġara li huma ġġieldu battalja mill‑aktar qalila, li fiha Kurjantumir indarab għal darb’oħra, u spiċċa ħassu ħass ħażin minħabba d‑demm li tilef.

10 U ġara li l‑armati ta’ Kurjantumir komplew jattakkaw b’qawwa lill‑armati ta’ Siż sa ma għelbuhom, u wassluhom biex jaħarbu minn quddiemhom; u huma ħarbu lejn in‑naħa tan‑nofsinhar, u waqqfu l‑kampijiet tagħhom f’post li kien jismu Ogat.

11 U ġara li l‑armata ta’ Kurjantumir waqqfet il‑kampijiet tagħha qrib l‑għolja ta’ Rama; u din kienet l‑istess għolja li fiha missieri Mormon ħeba l‑annali għall‑Mulej, liema annali kienu sagri.

12 U ġara li huma ġabru flimkien lin‑nies kollha, li ma kinux inqatlu, li kien hemm fuq wiċċ l‑art, minbarra Għeter.

13 U ġara li Għeter ra b’għajnejh l‑għemejjel kollha tal‑poplu; u huwa ra li n‑nies illi kienu jappoġġjaw lil Kurjantumir kienu nġabru flimkien mal‑armata ta’ Kurjantumir; u n‑nies li kienu jappoġġjaw lil Siż kienu nġabru flimkien mal‑armata ta’ Siż.

14 Għalhekk, huma għaddew erba’ snin sħaħ jiġbru lin‑nies flimkien, biex forsi jirnexxielhom jiġbru lil dawk kollha li kien hemm fuq wiċċ l‑art, u b’hekk ikunu jistgħu jsaħħu l‑armati tagħhom b’kemm jista’ jkun nies.

15 U ġara li meta huma kienu lkoll miġburin flimkien, kull wieħed mal‑armata li ried hu, flimkien ma’ marthom u wliedhom—kemm l‑irġiel, kemm in‑nisa u anke t‑tfal kienu armati bl‑armi tal‑gwerra, u kellhom it‑tarki, u l‑pettorali, u l‑elmi, u kienu lebsin lesti għall‑gwerra—huma bdew jimxu lejn xulxin lesti għall‑battalja; u għaddew il‑jum kollu jiġġieldu, u ħadd minnhom ma ħareġ rebbieħ.

16 U ġara li meta wasal il‑lejl waqgħet għeja kbira fuqhom, u huma telqu lejn il‑kampijiet tagħhom; u wara li marru fil‑kampijiet tagħhom huma bdew jibku u jokorbu minħabba nieshom li sfaw maqtula; u tant bdew jibku, jokorbu u jingħu li l‑għajjat tagħhom beda jidwi ma’ kullimkien.

17 U ġara li l‑għada reġgħu marru jiġġieldu, u dan kien jum mill‑aktar sinifikanti u tal‑biża’; madankollu, ħadd minnhom ma ħareġ rebbieħ, u meta reġa’ wasal il‑lejl reġa’ beda jinstama’ ma’ kullimkien l‑għajjat, il‑krib, u l‑biki tagħhom minħabba nieshom li sfaw maqtula.

18 U ġara li Kurjantumir reġa’ kiteb ittra lil Siż, u talbu biex ma jerġax jiġi għall‑ġlied, iżda qallu li huwa seta’ jieħu f’idejh is‑saltna, u talbu biex ikollu ħniena min‑nies.

19 Iżda araw, l‑Ispirtu tal‑Mulej ma baqax jgħammar aktar magħhom, u Satana spiċċa jikkontrolla għal kollox qlub in‑nies; għax huma kienu ċedew għall‑ebusija ta’ qalbhom, u għall‑għama ta’ moħħhom u kienu lesti jeqirdu lil xulxin; għalhekk huma reġgħu marru għall‑ġlied.

20 U ġara li huma għaddew il‑jum kollu jiġġieldu, u meta wasal il‑lejl huma raqdu fuq ix‑xwabel tagħhom.

21 U l‑għada baqgħu jiġġieldu sa ma wasal il‑lejl.

22 U meta wasal il‑lejl huma spiċċaw sikru f’għadabhom, l‑istess kif bniedem jisker bl‑inbid; u huma reġgħu raqdu fuq ix‑xwabel tagħhom.

23 U l‑għada reġgħu bdew jiġġieldu; u sa ma wasal il‑lejl spiċċaw inqatlu lkoll permezz tax‑xabla ħlief għal tnejn u ħamsin ruħ minn fost in‑nies ta’ Kurjantumir, u disgħa u sittin ruħ minn fost in‑nies ta’ Siż.

24 U ġara li dak il‑lejl huma raqdu fuq ix‑xwabel tagħhom, u l‑għada reġgħu bdew jiġġieldu, u għaddew il‑jum kollu jitqabdu bil‑qawwa kollha tagħhom permezz tax‑xwabel u t‑tarki tagħhom.

25 U meta wasal il‑lejl kien għad baqa’ tnejn u tletin ruħ min‑nies ta’ Siż, u sebgħa u għoxrin ruħ min‑nies ta’ Kurjantumir.

26 U ġara li huma kielu u raqdu, u ħejjew lilhom infusom biex l‑għada jmutu. U huma kienu nies twal u b’saħħithom, fejn tidħol is‑saħħa tal‑bniedem.

27 U ġara li huma għamlu tliet sigħat jiġġieldu, sakemm ħasshom ħass ħażin minħabba d‑demm li tilfu.

28 U ġara li meta l‑irġiel ta’ Kurjantumir kellhom saħħa biżżejjed biex jimxu, huma ppruvaw jaħarbu biex jeħilsuha mill‑mewt; iżda araw, Siż qam, u qamu wkoll in‑nies tiegħu, u fl‑għadab tiegħu ħalef li jmur u joqtol lil Kurjantumir jew inkella hu jispiċċa jmut permezz tax‑xabla.

29 Għalhekk, huwa telaq għal warajhom, u l‑għada laħaqhom; u huma reġgħu qabdu jiġġieldu permezz tax‑xabla. U ġara li meta huma lkoll, minbarra Kurjantumir u Siż, sfaw mejta permezz tax‑xabla, araw Siż ħassu ħass ħażin minħabba d‑demm li tilef.

30 U ġara li meta Kurjantumir twieżen fuq ix‑xabla tiegħu biex jistrieħ ftit, huwa darab lil Siż f’rasu.

31 U ġara li wara li darbu f’rasu, Siż qam fuq dirgħajh u waqa’ mal‑art; u mbagħad beda jsibha diffiċli jieħu nifs u miet.

32 U ġara li Kurjantumir waqa’ mal‑art, u spiċċa qisu raġel bla ħajja.

33 U l‑Mulej kellem lil Għeter u qallu: Mur. U huwa mar, u ra li kliem il‑Mulej kien ġie fis‑seħħ kollu kemm hu; u hekk temm ir‑rakkont tiegħu; (lanqas biss wieħed fil‑mija ma ktibt) u hu ħeba kollox b’mod li n‑nies ta’ Limħi rnexxielhom isibuhom.

34 Issa l‑aħħar kliem li kiteb Għeter huwa dan: Jekk il‑Mulej iridx li jiena nittieħed, jew inkella noqgħod għar‑rieda tal‑Mulej fil‑ġisem, lili ma tagħmillix differenza, jekk jien nispiċċa nikseb is‑salvazzjoni fis‑saltna ta’ Alla. Ammen.