Skrittura
Għeter 7


Kapitlu 7

Oriħa jsaltan b’ġustizzja—F’ambjent ikkaratterizzat minn usurpazzjoni u ġlied jitwaqqfu s‑saltniet rivali ta’ Xule u Koħor—Il‑profeti jikkundannaw il‑ħażen u l‑idolatrija tan‑nies, liema nies wara jindmu.

1 U ġara li Oriħa għamel ħaqq min‑nies tal‑pajjiż b’mod ġust fil‑jiem kollha ta’ ħajtu, liema jiem kienu verament bil‑bosta.

2 U huwa wiled subien u bniet; iva, huwa wiled wieħed u tletin, li minnhom tlieta u għoxrin kienu subien.

3 U ġara li fi xjuħitu huwa wiled ukoll lil Kib. U ġara li Kib saltan minfloku; u Kib wiled lil Koriħor.

4 U meta Koriħor kellu tnejn u tletin sena huwa ħadha kontra missieru, u mar jgħammar fl‑art ta’ Neħor; u huwa wiled subien u bniet, u huma saru nies mill‑aktar sbieħ; għalhekk Koriħor ġibed bosta nies lejh.

5 U meta ġabar flimkien armata huwa tela’ fl‑art ta’ Moron fejn kien jgħammar is‑sultan, u ħadu bħala lsir, u dan ġab fis‑seħħ dak li kiteb ħu Ġared li huma kienu se jittieħdu fil‑jasar.

6 Issa l‑art ta’ Moron, fejn kien jgħammar is‑sultan, kienet tinsab qrib l‑art li n‑Nefiti jsejħulha Ħerba.

7 U ġara li Kib kompla jgħammar fl‑eżilju, waqt li n‑nies tiegħu kienu mmexxija minn ibnu Koriħor, sakemm huwa daħal sew fiż‑żmien; madankollu Kib fi xjuħitu wiled lil Xule, waqt li huwa kien għadu fl‑eżilju.

8 U ġara li Xule ħadha kontra ħuh; u Xule kompla jissaħħaħ, u sar raġel mill‑aktar b’saħħtu fejn tidħol is‑saħħa tal‑bniedem; u kien kapaċi jagħmel il‑ħaqq.

9 Għalhekk, huwa wasal ħdejn l‑għolja ta’ Efrajm, u hemm huwa dewweb il‑metall li kien hemm fl‑għolja u għamel ukoll xwabel tal‑azzar għal dawk li kien ipperswada biex jimxu warajh; u wara li armahom bix‑xwabel huwa reġa’ lura fil‑belt ta’ Neħor, u mar jiġġieled kontra ħuh Koriħor, u b’dal‑mod huwa kiseb għandu s‑saltna u taha lura mill‑ġdid lil missieru Kib.

10 U issa minħabba dak li għamel Xule, missieru għadda saltna f’idejh; għalhekk huwa beda jsaltan minflok missieru.

11 U ġara li huwa beda jagħmel ħaqq b’mod ġust; u huwa kabbar is‑saltna tiegħu ma’ wiċċ l‑art kollha, għax in‑nies spiċċaw tkattru bil‑kbir.

12 U ġara li Xule wkoll wiled bosta subien u bniet.

13 U Koriħor nidem mill‑bosta għemejjel ħżiena li kien wettaq; għalhekk Xule tah is‑setgħa fis‑saltna tiegħu.

14 U ġara li Koriħor kellu bosta subien u bniet. U fost ulied Koriħor kien hemm wieħed jismu Noè.

15 U ġara li Noè ħadha kontra Xule, is‑sultan, u anke kontra missieru Koriħor, u ġibed warajh lil ħuh Koħor, kif ukoll lil ħutu kollha u lil ħafna min‑nies.

16 U huwa mar jiġġieled ma’ Xule, is‑sultan, u rnexxielu jieħu f’idejh l‑ewwel art li huma kienu wirtu; u huwa beda jsaltan fuq dik in‑naħa tal‑pajjiż.

17 U ġara li huwa reġa’ mar biex jiġġieled kontra Xule, is‑sultan; u ħa għandu lil Xule, is‑sultan, fl‑eżilju ġewwa Moron.

18 U ġara li hekk kif kien għoddu se joqtlu, daħlu mal‑lejl fid‑dar ta’ Noè wlied Xule u lilu huma qatlu, u mbagħad kissru l‑bieb taċ‑ċella u ħarġu minnha lil missierhom, u poġġewh fuq it‑tron tiegħu f’saltnatu.

19 Għalhekk, bin Noè beda jkabbar is‑saltna tiegħu minfloku; madankollu huma qatt aktar ma reġgħu kisbu s‑setgħa fuq Xule s‑sultan, u n‑nies li kienu taħt is‑saltna ta’ Xule s‑sultan komplew jikbru waħda sew fil‑ġid u komplew jissaħħu.

20 U l‑pajjiż inqasam fi tnejn; u kien hemm żewġ saltniet, is‑saltna ta’ Xule, u s‑saltna ta’ Koħor, bin Noè.

21 U Koħor, bin Noè, ordna lin‑nies biex imorru jiġġieldu kontra Xule, f’battalja li fiha Xule ħareġ rebbieħ u qatel lil Koħor.

22 U issa Koħor kellu tifel li semmieh Nimrod; u Nimrod għadda s‑saltna ta’ Koħor f’idejn Xule, u huwa kiseb il‑fiduċja ta’ Xule; għalhekk Xule sawwab fuqu bosta favuri, u fis‑saltna ta’ Xule hu seta’ jagħmel dak kollu li xtaq.

23 U fost in‑nies li kien hemm fis‑saltna ta’ Xule waslu wkoll profeti, li kienu mibgħuta mill‑Mulej, u huma bdew iħabbru li l‑ħażen u l‑idolatrija tan‑nies kienu se jwasslu biex taqa’ saħta fuq l‑art, u jekk huma ma jindmux kienu se jispiċċaw jinqerdu.

24 U ġara li n‑nies bdew iżebilħu lill‑profeti, u jgħaddu ż‑żmien bihom. U ġara li s‑sultan Xule għamel ħaqq minn dawk kollha li bdew iżebilħu lill‑profeti.

25 U huwa ħareġ liġi mal‑pajjiż kollu, li permezz tagħha lill‑profeti tahom is‑setgħa li setgħu jmorru fejn iridu; u permezz ta’ dan in‑nies spiċċaw twasslu għall‑indiema.

26 U għax in‑nies nidmu minn ħżunithom u mill‑idolatrija tagħhom il‑Mulej kellu ħniena minnhom, u huma reġa’ beda jkollkom ir‑risq fl‑art. U ġara li fi xjuħitu Xule wiled kemm subien u kemm bniet.

27 U fil‑bqija ta’ ħajtu Xule ma rax aktar gwerer; u huwa ftakar fil‑ħwejjeġ kbar li l‑Mulej kien għamel għal missirijietu fejn lilhom wassal min‑naħa l‑oħra tal‑baħar fond sal‑art imwiegħda; għalhekk huwa għamel ħaqq b’mod ġust tul ħajtu kollha.