Skrittura
Għeter 8


Kapitlu 8

Is‑saltna ddominata mill‑ġlied u t‑tilwim—Akix jifforma alleanza sigrieta biex jinqatel is‑sultan, liema alleanza wieħed seta’ jidħol fiha permezz ta’ ġurament—L‑alleanzi sigrieti ġejjin mix‑xitan u jwasslu għall‑qerda tal‑ġnus—Il‑Ġentili moderni jiġu mwissija kontra l‑alleanza sigrieta li tipprova teqred il‑ħelsien ta’ kull art, ġens, u pajjiż.

1 U ġara li huwa wiled lil Omer, u Omer beda jsaltan minfloku. U Omer wiled lil Ġared; u Ġared wiled subien u bniet.

2 U Ġared ħadha kontra missieru, u hu ġie biex jgħammar fl‑art ta’ Ħet. U ġara li lin‑nies beda jgħidilhom ħafna kliem ħelu u qarrieqi, sakemm irnexxielu jieħdu f’idejh nofs is‑saltna.

3 U meta rnexxielu jieħu f’idejh nofs is‑saltna huwa mar għal battalja kontra missieru, u qabad lil missieru u ħadu fl‑eżilju, u ġiegħlu biex lilu huwa jservi fl‑eżilju;

4 U issa, fi żmien is‑saltna ta’ Omer, huwa spiċċa għadda nofs ħajtu fl‑eżilju. U ġara li huwa wiled subien u bniet, li fosthom kien hemm Ħesron u Kurjantumir;

5 U huma nkurlaw bil‑kbir minħabba l‑għaġir ta’ ħuhom Ġared, hekk li ġabru flimkien armata u marru għal battalja kontra Ġared. U ġara li huma ġġieldu kontrih mal‑lejl.

6 U ġara li meta huma spiċċaw qatlu lil dawk li kienu fl‑armata ta’ Ġared huma marru biex joqtlu lilu wkoll; u hu talabhom bil‑ħerqa biex ma joqtluhx, u li hu kien lest biex jgħaddi s‑saltna f’idejn missieru. U ġara li huma ħelsuhielu mill‑mewt.

7 U issa Ġared ħassu verament imnikket għaliex kien tilef minn idu s‑saltna, għax huwa kien rabat qalbu mas‑saltna u mal‑glorja tad‑dinja.

8 Issa bint Ġared, li kienet mara jilħqilha bil‑kbir, u li rat minn liema dulur kien għaddej missierha, ħasbet biex tfassal pjan li permezz tiegħu setgħet traġġa’ lura s‑saltna f’idejn missierha.

9 Issa bint Ġared kienet mara mill‑isbaħ. U ġara li hija marret tkellem lil missierha, u qaltlu: X’qed iwassal biex missieri qed iħossu daqstant imnikket? Ma qarax huwa l‑istorja ta’ kif missirijietna ġew imwassla hawn min‑naħa l‑oħra tal‑baħar fond? Ara, m’hemmx miktub dwar in‑nies ta’ dari, li permezz tal‑pjanijiet sigrieti tagħhom huma kisbu f’idejhom kemm saltniet kif ukoll glorja kbira?

10 U issa, għalhekk, jeħtieġ li missieri jibgħat għal Akix, bin Kimnor; u ara, jiena mara sabiħa, u lesta biex niżfen quddiemu, u nagħtih pjaċir, biex fih tinbet ix‑xewqa li jiena nkun martu; għalhekk jekk huwa jurik ix‑xewqa li inti tagħtih lili b’martu, għandek tgħidlu: Jiena nagħtihielek jekk inti ġġibli ras missieri, is‑sultan.

11 U issa Omer kien ħabib ta’ Akix; għalhekk, meta Ġared bagħat għal Akix, bint Ġared bdiet tiżfen quddiemu u lilu tat pjaċir, hekk li hu xtaqha tkun martu. U ġara li huwa qal lil Ġared: Agħtini t‑tifla b’marti.

12 U Ġared qallu: Jiena nagħtihielek, jekk inti ġġibli ras missieri, is‑sultan.

13 U ġara li Akix ġabar lil qrabatu kollha fid‑dar ta’ Ġared, u qalilhom: Lesti taħilfuli li tkunu leali lejja f’dak li jiena se nitlob minnkom?

14 U ġara li huma ħalfu miegħu lkoll, b’Alla tas‑sema, kif ukoll bis‑smewwiet u l‑art, u b’ħajjithom, li min ma kienx se jżomm kelmtu u jgħin lil Akix skont dak li hu jitlob minnu jispiċċa b’rasu maqtuha; u min jiżvela xi ħaġa milli qalilhom Akix, jispiċċa jinqatel.

15 U b’hekk ġara li huma qablu lkoll ma’ Akix. U Akix urihom il‑ġuramenti li kienu ngħataw min‑nies tal‑qedem, li kienu raw ukoll li jiksbu s‑setgħa, liema ġuramenti kienu għaddew għandhom sa minn żmien Kajjin, li kien qattiel sa mill‑bidu.

16 U dawn il‑ġuramenti kienu ġew ippreservati bil‑qawwa tax‑xitan biex huwa jgħaddihom lin‑nies, ħalli lilhom huwa jżomm fid‑dlam, biex lil dawk li jixtiequ jkollhom is‑setgħa jgħinhom jiksbu s‑setgħa, u jwassalhom biex joqtlu, u jisirqu, u jgħidu kelma b’oħra, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen u żína.

17 U bint Ġared wasslet lil missierha biex f’qalbu tinbet ix‑xewqa li jirrikorri għal dawn il‑ħwejjeġ tal‑qedem; u Ġared ra li din ix‑xewqa tinbet ukoll f’qalb Akix; għalhekk, Akix wera l‑ġuramenti lil qrabatu u lil sħabu, u b’hekk huwa spiċċa qarraq bihom permezz ta’ wegħdiet sbieħ ħalli huma jwettqu dak kollu li jkun jixtiequ minnhom.

18 U ġara li huma ffurmaw alleanza sigrieta, l‑istess kif kellhom in‑nies tal‑qedem; liema alleanza hija mill‑aktar mistkerrha u ħażina fost kull alleanza oħra, f’għajnejn Alla;

19 Għax il‑Mulej xejn ma jagħmel permezz ta’ alleanzi sigrieti, u lanqas ma jrid li l‑bniedem ixerred id‑demm, iżda f’kwalunkwe ċirkustanza huwa pprojbixxa li jsir dan, sa mill‑bidu tal‑bniedem.

20 U issa jiena, Moroni, m’iniex se nitkellem dwar in‑natura tal‑ġuramenti u l‑alleanzi tagħhom, għax ġie żvelat lili li dawn bdew iseħħu fost in‑nies kollha, u bdew iseħħu fost il‑Lamaniti.

21 U huma wasslu għall‑qerda ta’ dan il‑poplu li dwaru qed nitkellem, kif ukoll għall‑qerda tal‑poplu ta’ Nefi.

22 U kull ġens li jirrikorri għal dawn l‑alleanzi sigrieti, biex ikun jista’ jikseb is‑setgħa u jakkwista, sakemm jispiċċaw jinfiltraw il‑ġens kollu, araw, niesu żgur jinqerdu; għax il‑Mulej mhux se jħalli demm il‑qaddisin tiegħu, li se jiġi mxerred minnhom, jibqa’ jgħajjatlu għal dejjem minn ġol‑art biex minnhom jivvedika ruħu u hu jibqa’ ma jagħmilx dan.

23 Għalhekk, O Ġentili, huwa għerf f’Alla li dawn il‑ħwejjeġ jiġu żvelati lilkom, ħalli permezz ta’ dan intom tindmu minn dnubietkom, u ma tħallux lilkom infuskom taqgħu vittmi ta’ dawn l‑alleanzi, li jwasslu għall‑qtil, li l‑għan tagħhom hu li tiksbu s‑setgħa u takkwistaw—u araw li ma tħallux lilkom infuskom tintlaqtu mill‑ħidma, sewwasew mill‑ħidma tal‑qerda, iva, hekk li x‑xabla tal‑ħaqq ta’ Alla l‑Etern tispiċċa tinżel fuqkom, u twassal għat‑tiġrif u l‑qerda tagħkom jekk intom tippermettu li jseħħu dawn il‑ħwejjeġ.

24 Għalhekk, il‑Mulej qed jordnalkom, li meta taraw dawn il‑ħwejjeġ jinfiltraw fostkom, jeħtieġ li intom tintebħu bis‑sitwazzjoni terribbli tagħkom, minħabba din l‑alleanza sigrieta li se jkun hemm fostkom; għax ħażin se jkun għaliha, minħabba d‑demm ta’ dawk li sfaw maqtula; għax minn ġot‑trab huma jitolbu biex issir vendetta minnha, kif ukoll mill‑fundaturi tagħha.

25 Għax jiġri li l‑fundaturi tagħha jippruvaw jeqirdu l‑ħelsien ta’ kull art, ġens u pajjiż; u hija twassal għall‑qerda tan‑nies kollha; għax ix‑xitan hu l‑fundatur tagħha, li huwa missier il‑gideb kollu; sewwasew huwa l‑istess giddieb li qarraq bl‑ewwel ġenituri tagħna, iva, dak l‑istess giddieb li sa mill‑bidu wassal lill‑bniedem biex joqtol; l‑istess wieħed li webbes qlub il‑bnedmin tant li sa mill‑bidu huma spiċċaw biex qatlu lill‑profeti, u lilhom ħaġġru, u keċċew ’il barra minn fosthom.

26 Għalhekk, jiena, Moroni, ġejt ordnat biex nikteb dawn il‑ħwejjeġ biex ikun jista’ jieqaf il‑ħażen, u jasal iż‑żmien meta Satana ma jkollu l‑ebda qawwa fuq qlub ulied il‑bnedmin, iżda huma jiġu pperswaduti li dejjem jagħmlu t‑tajjeb, biex huma jkunu jistgħu jaslu fil‑għajn tas‑sewwa kollu u jsalvaw.