Skrittura
Għeter 9


Kapitlu 9

Is‑saltna tgħaddi minn persuna għal oħra permezz ta’ wirt, intriċċi, u qtil—Għemer ra lil Bin is‑Sewwa—Bosta profeti jxandru l‑indiema—Il‑poplu jiġi tturmentat permezz tal‑ġuħ u s‑sriep velenużi.

1 U issa jiena, Moroni, se nkompli bir‑rakkont tiegħi. Għalhekk, araw, ġara li minħabba l‑alleanzi sigrieti ta’ Akix u sħabu, araw, huma spiċċaw biex waqqgħu s‑saltna ta’ Omer.

2 Madankollu, il‑Mulej wera ħniena ma’ Omer, kif ukoll ma’ wliedu, kemm is‑subien u kemm il‑bniet, li ma ppruvawx jeqirduh.

3 U l‑Mulej widdeb f’ħolma lil Omer li huwa għandu jitlaq ’il barra mill‑pajjiż; għalhekk Omer telaq ’il barra mill‑pajjiż flimkien ma’ familtu, u għadda bosta jiem jivvjaġġa sakem wasal u għadda biswit l‑għolja ta’ Xim, u wasal ħdejn il‑post fejn kienu sfaw meqruda n‑Nefiti, u minn hemm ġibed lejn il‑lvant, u wasal f’post ma’ xatt il‑baħar li kien jismu Ablom, u hemmhekk waqqaf il‑kamp tiegħu, u l‑istess għamlu wliedu, u n‑nies kollha ta’ daru, minbarra Ġared u familtu.

4 U ġara li Ġared kien midluk biex ikun sultan fuq il‑poplu, permezz ta’ id il‑ħażen; u huwa ta ’l bintu lil Akix b’martu.

5 U ġara li Akix ra kif jagħmel biex jinqatel il‑kunjatu tiegħu; u huwa nqeda b’dawk li ġegħelhom jaħilfu permezz tal‑ġurament tan‑nies tal‑qedem, u huma marru u qatgħu ras il‑kunjatu tiegħu, hekk kif huwa kien bilqiegħda fuq it‑tron tiegħu, waqt li kien qed jilqa’ għandu lin‑nies tiegħu.

6 Għax tant bdiet tinfirex bil‑kbir din is‑soċjetà sigrieta u kollha ħażen li spiċċat waslet biex ikkorrompiet il‑qalb ta’ kull bniedem; għalhekk Ġared safa maqtul fuq it‑tron tiegħu, u Akix beda jsaltan minfloku.

7 U ġara li Akix beda jgħir għal ibnu, għalhekk huwa xeħtu f’ħabs, u hemm ħallih bi ftit ikel, jew bla ikel xejn, sakemm huwa miet.

8 U issa ħu dak li miet, (u dan kien jismu Nimra) inkorla għal missieru minħabba dak li missieru kien għamel lil ħuh.

9 U ġara li Nimra ġabar numru żgħir ta’ rġiel flimkien, u ħarab ’il barra mill‑pajjiż, u ġie biex jgħammar ma’ Omer.

10 U ġara li Akix wiled aktar subien, u huma kisbu l‑fiduċja tan‑nies, minkejja li kienu ħalfu miegħu li huma kienu lesti jwettqu kull xorta ta’ ħażen skont dak li huwa xtaq.

11 Issa n‑nies ta’ Akix kellhom ix‑xewqa li jakkwistaw daqs kemm Akix kellu x‑xewqa għall‑poter; għalhekk, ulied Akix offrewlhom il‑flus, u permezz t’hekk ikkonvinċew lill‑maġġorparti tan‑nies biex jimxu warajhom.

12 U ngħata bidu għal gwerra bejn ulied Akix u Akix, liema gwerra damet sejra għal bosta snin, iva, u kważi wasslet għall‑qerda tan‑nies kollha li kien hemm fis‑saltna, iva, sewwasew għall‑qerda tagħhom kollha, ħlief għal tletin ruħ, u dawk li ħarbu flimkien man‑nies ta’ dar Omer.

13 Għalhekk, Omer reġa’ lura għal darb’oħra fl‑art ta’ wirtu.

14 U ġara li Omer beda jixjieħ; madankollu, fi xjuħitu huwa wiled lil Għemer; u huwa dilek lil Għemer biex ikun sultan ħalli jsaltan minfloku.

15 U wara li huwa dilek lil Għemer biex ikun sultan huwa esperjenza sentejn ta’ paċi fl‑art, imbagħad huwa miet, wara li għex ħajja mill‑aktar twila, li kienet mimlija niket. U ġara li Għemer beda jsaltan minfloku, u huwa mexa fuq il‑passi ta’ missieru.

16 U l‑Mulej beda għal darb’oħra jeħles l‑art mis‑saħta, u d‑dar ta’ Għemer bdiet tistagħna bil‑kbir taħt is‑saltna ta’ Għemer; u fi spazju ta’ tnejn u sittin sena huma saru nies mill‑aktar setgħana, hekk li saru mill‑aktar għonja—

17 Fejn kellhom kull xorta ta’ frott, u qamħ, u ħarir, u għażel fin, u deheb, u fidda, u ħwejjeġ prezzjużi;

18 U kellhom ukoll kull xorta ta’ bhejjem, u gniedes, u baqar, u nagħaġ, u ħnieżer, u mogħoż, kif ukoll bosta tipi oħra ta’ annimali li kienu essenzjali għall‑ikel tal‑bniedem.

19 U kellhom ukoll żwiemel, u ħmir, u kien hemm ukoll iljunfanti u kurelomi u kumomi; ilkoll kemm huma kien bżonnjużi għall‑bniedem, b’mod speċjali l‑iljunfanti, il‑kurelomi u l‑kumomi.

20 U b’hekk il‑Mulej sawwab barkietu fuq din l‑art, liema art kienet aqwa minn kull art oħra; u hu ordna li dawk kollha li kienu se jirtu l‑art kellhom jirtuha għall‑Mulej, għax jekk ma jagħmlux dan huma jispiċċaw jinqerdu meta jkunu misjurin waħda sew fi ħżunithom; għax fuqhom, jgħid il‑Mulej, jiena nsawwab il‑milja tal‑qilla tiegħi.

21 U Għemer għadda ħajtu kollha jagħmel ħaqq b’mod ġust, u huwa wiled bosta subien u bniet; u hu wiled lil Kurjantu, u huwa dilek lil Kurjantu biex isaltan minfloku.

22 U huwa għex għal erba’ snin minn wara li dilek lil Kurjantu biex isaltan minfloku, u huwa esperjenza l‑paċi fil‑pajjiż; iva, u hu anke ra lil Bin is‑Sewwa, u f’ħajtu huwa thenna u feraħ bil‑kbir; u huwa miet fil‑paċi.

23 U ġara li Kurjantu mexa fuq il‑passi ta’ missieru, u bena bosta bliet setgħana, u għadda ħajtu kollha jipprovdi dak kollu li huwa tajjeb għall‑poplu tiegħu. U ġara li hu ma kellu l‑ebda tfal sa ma daħal sew fiż‑żmien.

24 U ġara li martu mietet fl‑età ta’ mija u sentejn. U ġara li fi xjuħitu Kurjantu ħa b’martu waħda xebba żagħżugħa, u hu wiled subien u bniet; għalhekk huwa għex sakemm kellu mija u tnejn u erbgħin sena.

25 U ġara li huwa wiled lil Kom, u Kom saltan minfloku; u huwa saltan għal disgħa u erbgħin sena, u huwa wiled lil Ħet; u huwa wiled ukoll subien u bniet oħra.

26 U l‑poplu reġa’ nfirex ma’ wiċċ l‑art kollha, u reġa’ beda jfeġġ ħażen mill‑aktar kbir fuq wiċċ l‑art, u Ħet reġa’ beda jħaddan il‑pjanijiet sigrieti tal‑qedem, biex jeqred lil missieru.

27 U ġara li huwa neħħa lil missieru minn fuq it‑tron billi lilu huwa qatel permezz tax‑xabla tiegħu; u hu beda jsaltan minfloku.

28 U reġgħu ġew il‑profeti fil‑pajjiż, u bdew ixandrulhom l‑indiema—li kien jeħtieġ li huma jħejju t‑triq tal‑Mulej jew inkella kienet se taqa’ saħta fuq wiċċ l‑art; iva, inkella kien se jaqa’ ġuħ kbir, u b’hekk huma jispiċċaw jinqerdu jekk ma jindmux.

29 Iżda n‑nies baqgħu ma emmnux kliem il‑profeti, u lilhom huma keċċew ’il barra; u lil xi wħud minnhom xeħtuhom f’ħofra u ħallewhom imutu fiha. U ġara li dan kollu għamluh skont kif ordnalhom jagħmlu s‑sultan Ħet.

30 U ġara li bdiet tqum nixfa kbira mal‑pajjiż, u dawk li kienu jgħammru fih bdew imutu b’rata mgħaġġla minħabba n‑nixfa, għax lanqas qatra xita ma bdiet tagħmel fuq wiċċ l‑art.

31 U fuq wiċċ l‑art bdew joħorġu bosta sriep velenużi li spiċċaw ivvalenaw ħafna nies. U ġara li l‑merħliet tagħhom bdew jaħarbu ’l bogħod mis‑sriep velenużi, lejn l‑art tan‑nofsinhar, liema art in‑Nefiti kienu semmewha Żaraħemla.

32 U ġara li kien hemm ħafna fosthom li mietu waqt li kienu jinsabu fi triqthom; madankollu, kien hemm xi wħud li ħarbu lejn l‑art tan‑nofsinhar.

33 U ġara li l‑Mulej waqqaf lis‑sriep milli jkomplu jimxu warajhom, u minflok ra li huma jagħlqu t‑triq biex in‑nies ma jkunux jistgħu jgħaddu, u kull min jipprova jgħaddi jispiċċa vittma tas‑sriep velenużi.

34 U ġara li n‑nies qabdu t‑triq li minnha għaddew il‑bhejjem, u huma spiċċaw jieklu l‑laħam tal‑bhejjem li mietu mat‑triq, u komplew jieklu sakemm kiluhom kollha. Issa meta n‑nies raw li kienu se jispiċċaw imutu huma bdew jindmu minn ħżunithom u bdew isejħu lill‑Mulej.

35 U ġara li meta huma umiljaw ruħhom biżżejjed quddiem il‑Mulej huwa bagħat ix‑xita fuq wiċċ l‑art; u n‑nies bdew jieħdu saħħithom lura mill‑ġdid, u reġa’ beda jikber il‑frott fl‑artijiet tat‑tramuntana u fl‑artijiet kollha tal‑madwar. U l‑Mulej wera l‑qawwa tiegħu magħhom meta lilhom ħelisha mill‑ġuħ.