Skrittura
Għeter 6


Kapitlu 6

L‑irjieħ imexxu l‑braken tal‑Ġarediti lejn l‑art imwiegħda—In‑nies ifaħħru lill‑Mulej għal tjubitu—Oriħa jinħatar Sultan fuqhom—Ġared u ħuh imutu.

1 U issa jiena, Moroni, se nkompli nikteb l‑istorja ta’ Ġared u ħuh.

2 Għax ġara li wara li l‑Mulej ħejja l‑ġebel li ħu Ġared ġarr miegħu fuq il‑muntanja, ħu Ġared niżel minn ġol‑muntanja, u poġġa l‑ġebel fid‑dgħajjes li kienu ġew ippreparati, waħda f’tarf kull dgħajsa; u araw, huma dawlu l‑braken.

3 U b’hekk il‑Mulej wassal biex il‑ġebel jiddi fid‑dlam, biex jagħti d‑dawl lill‑irġiel, lin‑nisa, u lit‑tfal, ħalli huma ma jaqsmux l‑ibħra mill‑aktar vasti fid‑dlam.

4 U ġara li meta ħejjew kull tip ta’ ikel, ħalli jkunu jistgħu jkomplu jsostnu lilhom infushom waqt li jkunu fuq l‑ilma, kif ukoll ikel għall‑merħliet u l‑baqar tagħhom, u kull xorta ta’ bhejjem jew annimali jew tjur li kienu se jġorru magħhom—u ġara li meta għamlu dan kollu huma telgħu fid‑dgħajjes jew fil‑braken tagħhom, u marru jbaħħru, u fdaw irwieħhom f’idejn il‑Mulej Alla tagħhom.

5 U ġara li l‑Mulej Alla wassal biex riħ mill‑aktar qalil jibda jonfoħ fuq wiċċ l‑ilma fid‑direzzjoni tal‑art imwiegħda; u b’hekk, bil‑qawwa tar‑riħ, spiċċaw jixxenglu ’l hemm u ’l hawn fuq mewġ il‑baħar.

6 U ġara li huma kemm‑il darba spiċċaw midfuna f’qiegħ il‑baħar, minħabba l‑mewġ ġgantesk li beda jħabbat fuqhom, kif ukoll minħabba l‑maltemp kbir u tal‑biżà li qam minħabba l‑qilla tar‑riħ.

7 U ġara li hekk kif huma spiċċaw fil‑qiegħ l‑ebda ilma ma beda jilħaqhom, peress li d‑dgħajjes tagħhom kienu reżistenti għall‑ilma daqs bieqja, kif ukoll daqs l‑arka ta’ Noè; għalhekk hekk kif spiċċaw iċċirkondati minn daqstant ilmijiet huma sejħu lill‑Mulej, u hu reġa’ tellagħhom mill‑ġdid fuq wiċċ l‑ilma.

8 U ġara li r‑riħ ma waqafx jonfoħ lejn l‑art imwiegħda waqt li huma kienu fuq l‑ilmijiet; u b’hekk huma bdew jitmexxew bil‑qawwa tar‑riħ.

9 U huma kantaw għanjiet ta’ tifħir lill‑Mulej; iva, ħu Ġared kanta għanjiet ta’ tifħir lill‑Mulej, u huwa iżża ħajr lill‑Mulej u lilu huwa faħħar il‑jum kollu; u meta wasal il‑lejl, huma ma waqfux ifaħħru lill‑Mulej.

10 U b’hekk huma bdew jitmexxew ’il quddiem; u l‑ebda mostru tal‑baħar ma seta’ jkissirhom, l‑ebda baliena ma setgħet tagħmillhom ħsara; u huma kellhom id‑dawl f’kull ħin, sew meta kienu fuq l‑ilma u sew taħt l‑ilma.

11 U b’hekk huma komplew jitmexxew ’il quddiem fuq il‑baħar għal tliet mija u erbgħa u erbgħin jum.

12 U huma niżlu fuq ix‑xatt tal‑art imwiegħda. U hekk kif għamlu l‑ewwel pass tagħhom fuq ix‑xtajta tal‑art imwiegħda huma niżlu wiċċhom mal‑art, u umiljaw irwieħhom quddiem il‑Mulej, u xerrdu dmugħ ta’ ferħ quddiem il‑Mulej, minħabba l‑ħniena u t‑tjieba mill‑aktar kbira li huwa wera magħhom.

13 U ġara li huma daħlu f’dak il‑pajjiż u bdew jaħdmu l‑art.

14 U Ġared kellu erba’ subien li kien jisimhom Ġakom, u Gilga, u Maħa, u Oriħa.

15 U ħu Ġared wiled ukoll subien u bniet.

16 U l‑ħbieb ta’ Ġared u ħuh b’kollox kienu jgħoddu tnejn u għoxrin ruħ; u huma wildu wkoll subien u bniet qabel ma huma waslu fl‑art imwiegħda; u għalhekk bdew jitkattru.

17 U huma ġew mgħallmin sabiex jimxu b’umiltà quddiem il‑Mulej; u ġew mgħallmin ukoll mill‑għoli.

18 U ġara li huma bdew jinfirxu ma’ wiċċ l‑art, u bdew joktru u jaħdmu l‑art; u bdew jissaħħu bil‑kbir fil‑pajjiż.

19 U ħu Ġared beda jixjieħ, u ra li ma kienx baqgħalu wisq biex jinżel fil‑qabar; għalhekk huwa qal lil Ġared: Ejja niġbru lin‑nies tagħna flimkien ħalli nkunu nistgħu ngħodduhom, biex inkunu nafu x’jixtiequ minna qabel ma aħna ninżlu f’qabarna.

20 U b’hekk in‑nies inġabru flimkien. Issa l‑għadd ta’ tfal, subien u bniet, li kellu ħu Ġared kien tnejn u għoxrin; u l‑għadd ta’ tfal, subien u bniet, li kellu Ġared kien tnax, fejn erbgħa minnhom kienu subien.

21 U ġara li huma bdew jgħoddu lil nieshom; u wara li għoddewhom, riduhom jgħidulhom xi xtaquhom jagħmlu qabel ma huma jinżlu f’qabarhom.

22 U ġara li n‑nies xtaquhom li jaħtru lil wieħed minn uliedhom bħala sultan fuqhom.

23 U issa araw, huma tnikktu meta semgħu b’dan. U ħu Ġared qalilhom: M’hemmx dubju li dil‑ħaġa twassalkom għall‑jasar.

24 Iżda Ġared qal lil ħuh: Ħallihom ikollhom sultan. U għalhekk qalilhom: Agħżlu intom lil min tridu minn fost uliedna li jkun sultan.

25 U ġara li huma għażlu sewwasew l‑ewwel wild ta’ ħu Ġared; u hu kien jismu Pagag. U ġara li huwa rrifjuta u ma riedx li jkun is‑sultan tagħhom. U n‑nies talbu lil missieru sabiex iġiegħlu jaċċetta, iżda missieru ma riedx jagħmel dan; u hu ordnalhom biex ma jġiegħlu lil ħadd isir is‑sultan tagħhom.

26 U ġara li huma għażlu lil kull wieħed minn ħut Pagag, iżda huma rrifjutaw ilkoll.

27 U ġara li l‑istess għamlu wlied Ġared, irrifjutaw ilkoll ħlief wieħed; u Oriħa nħatar bħala sultan fuq il‑poplu.

28 U hu beda jsaltan, u n‑nies bdew jikbru fil‑ġid; u huma bdew isiru mill‑aktar għonja.

29 U ġara li Ġared miet, u l‑istess ħuh.

30 U ġara li Oriħa mexa b’umiltà quddiem il‑Mulej, u huwa baqa’ jżomm f’moħħu kemm għamel ħwejjeġ kbar il‑Mulej għal missieru, u hu għallem ukoll lin‑nies tiegħu kemm għamel ħwejjeġ kbar il‑Mulej għal missirijiethom.