Skrittura
Mosija 18


Kapitlu 18

Alma jippriedka bil‑moħbi—Hu jispjega l‑patt tal‑magħmudija u jgħammed fl‑ilmijiet ta’ Mormon—Hu jorganizza l‑Knisja ta’ Kristu u jordna l‑qassisin—Huma jmantnu lilhom infushom u jgħallmu lin‑nies—Alma u n‑nies tiegħu jaħarbu ’l bogħod mis‑Sultan Noè lejn ix‑xagħri. Madwar 147–145 Q.K.

1 U issa, ġara li Alma, li ħarab minn quddiem il‑qaddejja tas‑sultan Noè, nidem minn dnubietu u minn ħżunitu, u mar idur bil‑moħbi fost il‑poplu, u beda jgħallem kliem Abinadi—

2 Iva, beda jgħallem dwar dak li għandu jiġi, kif ukoll dwar il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin, u l‑fidwa tal‑poplu, li kellha tiġi fis‑seħħ permezz tal‑qawwa, u t‑tbatija, u l‑mewt ta’ Kristu, u permezz tal‑qawmien mill‑imwiet u t‑tlugħ tiegħu fis‑smewwiet.

3 U hu għallem lil dawk kollha li kienu lesti jisimgħu kliemu. U hu għallimhom bil‑moħbi, ħalli s‑sultan ma jsirx jaf b’dan. U ħafna kienu li emmnu kliemu.

4 U ġara li dawk kollha li emmnuh marru ġo post li kien jismu Mormon, li ngħata ismu mis‑sultan, u kien jinsab fil‑fruntieri tal‑pajjiż u, f’ċerti żminijiet jew staġuni, kien ikun mimli bhejjem selvaġġi.

5 Issa, f’Mormon kien hemm għajn ta’ ilma safi, u Alma mar hemmhekk, peress li ħdejn l‑ilma kien hemm masġar kollu siġar żgħar, fejn matul il‑jum hu kien imur jinħeba mis‑sultan li kien qed ifittxu.

6 U ġara li dawk kollha li emmnuh marru hemmhekk biex jisimgħu kliemu.

7 U ġara li wara għadd ta’ ġranet inġabru flimkien, fil‑post ta’ Mormon, bosta nies biex jisimgħu kliem Alma. Iva, dawk kollha li emmnu kliemu nġabru flimkien biex jisimgħuh. U hu għallimhom, u xandrilhom l‑indiema, u l‑fidwa, u l‑fidi fil‑Mulej.

8 U ġara li huwa qalilhom: Araw, dawn huma l‑ilmijiet ta’ Mormon (għax hekk kienu jissejħu) u issa, la intom tixtiequ ssiru parti mill‑merħla ta’ Alla, u tibdew tissejħu l‑poplu tiegħu, u lesti li ġġorru t‑tagħbija ta’ xulxin, ħalli tkun ħafifa;

9 Iva, u lesti wkoll li tibku ma’ dawk li jibku; iva, u tfarrġu lil dawk li jeħtieġu l‑faraġ, u tieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u f’kull post li tafu tkunu fih, u intom tagħmlu dan sal‑mewt, sabiex tkunu tistgħu tiġu mifdijin minn Alla, u tingħaddu ma’ dawk tal‑ewwel qawmien, ħalli tkunu tistgħu tiksbu l‑ħajja ta’ dejjem—

10 Issa jiena ngħidilkom, jekk din hija x‑xewqa ta’ qalbkom, x’għandkom kontra li intom titgħammdu f’isem il‑Mulej, bħala xhieda quddiemu li intom dħaltu f’patt miegħu, li sejrin taqduh u tħarsu l‑kmandamenti tiegħu, biex huwa jkun jista’ jsawwab l‑Ispirtu tiegħu fuqkom bil‑kotra?

11 U issa meta n‑nies semgħu dan il‑kliem, huma bdew iċapċpu jdejhom bil‑ferħ, u għajtu: Din hi x‑xewqa ta’ qalbna.

12 U issa ġara li Alma ħa miegħu lil Ħelam, li kien wieħed minn tal‑ewwel, u mar u waqaf fl‑ilma, u għajjat u qal: O Mulej, sawwab l‑ispirtu tiegħek fuq il‑qaddej tiegħek, ħalli huwa jkun jista’ jwettaq din il‑ħidma b’qalb safja.

13 U meta huwa qal dan il‑kliem, l‑Ispirtu tal‑Mulej niżel fuqu, u huwa qal: Ħelam, jiena ngħammdek, bl‑awtorità mogħtija lili minn Alla li Jista’ Kollox, bħala xhieda li inti dħalt f’patt li lilu inti se taqdi sakemm tmut fejn jidħol il‑ġisem mortali; u jalla l‑Ispirtu tal‑Mulej jissawwab fuqek; u jalla huwa jagħtik il‑ħajja ta’ dejjem, permezz tal‑fidwa ta’ Kristu, li lilu huwa ħejja sa mill‑ħolqien tad‑dinja.

14 U wara li Alma qal dan il‑kliem, kemm Alma kif ukoll Ħelam għaddsu lilhom infushom fl‑ilma; u mbagħad qamu u ħarġu jifirħu mill‑ilma, mimlijin bl‑Ispirtu.

15 U għal darb’oħra, Alma ħa miegħu persuna oħra, u reġa’ mar għat‑tieni darba fl‑ilma, u għammidha kif għamel qabel, iżda did‑darba ma reġax għaddas lilu nnifsu fl‑ilma.

16 U b’dan il‑mod huwa għammed lil dawk kollha li marru fil‑post ta’ Mormon; u b’kollox kien hemm madwar mitejn u erba’ erwieħ; iva, u huma ġew mgħammdin fl‑ilmijiet ta’ Mormon, u mtlew bil‑grazzja ta’ Alla.

17 U minn dak iż‑żmien ’il quddiem huma bdew jissejħu l‑knisja ta’ Alla, jew il‑knisja ta’ Kristu. U ġara li kull min tgħammed bil‑qawwa u bl‑awtorità ta’ Alla ġie magħdud mal‑knisja tiegħu.

18 U ġara li Alma, għax kellu l‑awtorità minn Alla, ordna numru ta’ qassisin; sewwasew qassis wieħed minn fosthom għal kull ħamsin ruħ, biex lilhom huma jxandru, u jgħallmu dwar il‑ħwejjeġ li jappartjenu għas‑saltna ta’ Alla.

19 U hu ordnalhom li huma m’għandhom jgħallmu xejn ħlief il‑ħwejjeġ li huwa għallem, u l‑ħwejjeġ li ġew imlissna minn fomm il‑profeti qaddisa.

20 Iva, u hu ordnalhom ukoll li m’għandhom jgħallmu xejn ħlief dwar l‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej, hu li feda lill‑poplu tiegħu.

21 U hu ordnalhom li m’għandu jkun hemm l‑ebda tilwim bejniethom, iżda li huma għandhom iħarsu ’l quddiem b’għan wieħed, u għandu jkollhom fidi waħda u magħmudija waħda, b’qalbhom meħjuta flimkien f’għaqda u fi mħabba bejniethom.

22 U hu ordnalhom biex huma jippridkaw b’dal‑mod. U b’hekk huma saru wlied Alla.

23 U hu ordnalhom li huma kellhom josservaw jum is‑sibt, u jqaddsuh, u kuljum għandhom ukoll iroddu ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom.

24 U hu ordnalhom ukoll li l‑qassisin li huwa ordna għandhom jaħdmu b’idejhom sabiex imantnu lilhom infushom.

25 U ġie magħżul jum wieħed fil‑ġimgħa li fih huma għandhom jinġabru flimkien biex jgħallmu lin‑nies, u biex iqimu lill‑Mulej Alla tagħhom, u kull meta jkunu jistgħu, għandkom ukoll jinġabru lkoll flimkien.

26 U l‑qassisin ma kellhomx jiddependu fuq in‑nies biex imantnu lilhom infushom; iżda għal ħidmiethom huma kellhom jiksbu l‑grazzja ta’ Alla, biex huma jkunu jistgħu jissaħħu fl‑Ispirtu, u jkollhom l‑għarfien ta’ Alla, ħalli jkunu jistgħu jgħallmu b’qawwa u b’awtorità minn Alla.

27 U għal darb’oħra Alma ordna lin‑nies tal‑knisja li huma kellhom jaqsmu ġidhom mal‑oħrajn, kull wieħed skont dak li kellu; jekk hu għandu bil‑kotra għandu jaqsam ma’ ħaddieħor bil‑kotra; u dak li għandu biss ftit, ftit biss huwa meħtieġ minnu; u dak li m’għandux għandu jingħata.

28 U b’dal‑mod huma għandhom jaqsmu ġidhom minn jeddhom u skont ix‑xewqat tajba tagħhom lejn Alla, u lejn dawk il‑qassisin li kienu fil‑bżonn, iva, u lejn kull bniedem fil‑bżonn u għeri.

29 U dan hu dak li qalilhom, skont kif ordnalu Alla; u huma mxew fis‑sewwa quddiem Alla, u bdew jaqsmu bejniethom kemm dak li hu temporali kif ukoll spiritwali skont il‑bżonnijiet u l‑ħtiġijiet tagħhom.

30 U issa ġara li dan kollu seħħ ġewwa Mormon, iva, ħdejn l‑ilmijiet ta’ Mormon, fil‑bosk li kien jinsab qrib l‑ilmijiet ta’ Mormon; iva, il‑post ta’ Mormon, l‑ilmijiet ta’ Mormon, u l‑bosk ta’ Mormon, kemm huma sbieħ f’għajnejn dawk li hemmhekk saru jafu lill‑Feddej tagħhom; iva, u henjin huma, għax lilu huma għad jgħannu b’tifħir għal dejjem.

31 U dak kollu seħħ fil‑fruntieri tal‑pajjiż, biex ma jsirx jaf bihom is‑sultan.

32 Iżda araw, ġara li s‑sultan, peress li nduna b’ċertu ċaqliq fost il‑poplu, bagħat lill‑qaddejja tiegħu biex imorru jitkixxfu dwarhom. Għalhekk fil‑jum li fih kienu jinsabu miġburin flimkien biex jisimgħu l‑kelma tal‑Mulej, il‑qaddejja marru jgħidu b’kollox lis‑sultan.

33 U issa s‑sultan qal li Alma kien qed ixewwex lin‑nies biex iqumu kontrih; għalhekk huwa bagħat l‑armata tiegħu biex jeqirduhom.

34 U ġara li Alma u n‑nies tal‑Mulej ġew imwissija dwar il‑miġja tal‑armata tas‑sultan; għalhekk huma qabdu t‑tined tagħhom u familthom u reħewlha lejn ix‑xagħri.

35 U b’kollox kienu madwar erba’ mija u ħamsin ruħ.