Skrittura
Mosija 19


Kapitlu 19

Gidgħon jipprova joqtol lis‑Sultan Noè—Il‑Lamaniti jinvadu l‑pajjiż—Is‑Sultan Noè jingħata l‑mewt permezz tan‑nar—Limħi jsaltan bħala monarka tributarju. Madwar 145–121 Q.K.

1 U ġara li l‑armata tas‑sultan reġgħet lura, wara li spiċċat tfittex għal xejn lin‑nies tal‑Mulej.

2 U issa araw, il‑forzi tas‑sultan kienu żgħar, għaliex kienu ċkienu fin‑numru, u beda jkun hemm firda fost il‑kumplament tal‑poplu.

3 U l‑iċken fazzjon bdew ilissnu kliem ta’ theddid kontra s‑sultan, u beda jkun hemm tilwim kbir bejniethom.

4 U issa kien hemm fosthom raġel li kien jismu Gidgħon, u hu kien bniedem b’saħħtu u kien għadu tas‑sultan, għalhekk huwa silet is‑sejf tiegħu, u fil‑qilla tiegħu ħalef li joqtol lis‑sultan.

5 U ġara li huwa ħabat għas‑sultan; u meta s‑sultan ra li kien sejjer jegħlbu, huwa ħarab u ġera u tela’ fuq it‑torri li kien jinsab biswit it‑tempju.

6 U Gidgħon mar warajh u kien kważi wasal biex jitla’ fuq it‑torri ħalli joqtol lis‑sultan, u s‑sultan ħares ħarsa madwaru lejn l‑art ta’ Xemlon, u araw, l‑armata tal‑Lamaniti kienet tinsab fi ħdan il‑fruntieri tal‑pajjiż.

7 U issa s‑sultan għajjat b’diqa f’qalbu u qal: Gidgħon, ħenn għalija, għax il‑Lamaniti jinsabu fil‑qrib, u huma sejrin jeqirduna; iva, sejrin jeqirdu lill‑poplu tiegħi.

8 U issa s‑sultan ma kienx daqstant inkwetat dwar niesu daqs kemm kien dwar ħajtu; madankollu, Gidgħon ħenn għalih.

9 U s‑sultan ordna lin‑nies li kellhom jaħarbu qabel jaslu l‑Lamaniti, u hu stess mar quddiemhom, u huma ħarbu lejn ix‑xagħri, man‑nisa tagħhom u ma’ wliedhom.

10 U ġara li l‑Lamaniti marru warajhom, u laħquhom, u bdew joqtluhom.

11 Issa ġara li s‑sultan ordnalhom li l‑irġiel kollha kellhom iħallu warajhom lil marthom u lil uliedhom, u jaħarbu ’l bogħod mil‑Lamaniti.

12 Issa kien hemm ħafna li ma ridux iħalluhom warajhom, iżda kienu jippreferu li jibqgħu u jinqerdu flimkien magħhom. U l‑kumplament ħallew warajhom lil marthom u lil uliedhom u ħarbu.

13 U ġara li dawk li baqgħu ma’ marthom u ma’ wliedhom talbu lill‑bniet sbieħ tagħhom sabiex imorru fuq quddiem u b’ħerqa jitolbu lil‑Lamaniti sabiex ma joqtluhomx.

14 U ġara li l‑Lamaniti tħassruhom, għax baqgħu b’ħalqhom miftuħ meta raw is‑sbuħija tan‑nisa tagħhom.

15 Għalhekk il‑Lamaniti ħennew għalihom, u ħaduhom bħala lsiera u ġabuhom lura lejn l‑art ta’ Nefi, u tawhom iċ‑ċans li jirtu l‑art, bil‑kundizzjoni li lis‑Sultan Noè jagħtuh f’idejn il‑Lamaniti, u jagħtuhom nofs ġidhom, sewwasew nofs dak kollu li kellhom, nofs id‑deheb tagħhom, u l‑fidda tagħhom, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tagħhom, u li huma għandhom iħallsu taxxa lis‑sultan tal‑Lamaniti minn sena għal sena.

16 U issa fost dawk li kienu ttieħdu fil‑jasar kien hemm wieħed minn ulied is‑sultan, li kien jismu Limħi.

17 U issa Limħi kellu xewqa li missieru ma jinqatilx; madankollu, Limħi kien jaf dwar il‑ħażen ta’ missieru, għax hu stess kien bniedem twajjeb.

18 U ġara li Gidgħon bagħat xi nies bil‑moħbi fix‑xagħri, biex ifittxu lis‑sultan u lil dawk li kienu miegħu. U ġara li huma ltaqgħu man‑nies fix‑xagħri, magħhom kollha minbarra s‑sultan u l‑qassisin tiegħu.

19 Issa f’qalbhom kienu ħalfu li huma kienu se jerġgħu lura fl‑art ta’ Nefi, u jekk isibu li marthom u wliedhom ġew maqtula, kif ukoll dawk li baqgħu magħhom, huma jaraw kif ipattuhielhom, ħalli jinqatlu magħhom huma wkoll.

20 U s‑sultan ordnalhom biex ma jerġgħux lura; u huma ħaduha kontra s‑sultan, u raw li huwa jbati l‑mewt, sewwasew permezz tan‑nar.

21 U kienu sejrin jieħdu wkoll lill‑qassisin biex joqtluhom, u huma spiċċaw ħarbu minn quddiemhom.

22 U ġara li waqt li kienu sejrin biex jerġgħu lura lejn l‑art ta’ Nefi, huma ltaqgħu mal‑irġiel ta’ Gidgħon. U l‑irġiel ta’ Gidgħon qalulhom b’kull ma kien ġara minn marthom u minn uliedhom; u li l‑Lamaniti tawhom iċ‑ċans li jirtu l‑art billi jħallsu lil‑Lamaniti taxxa ta’ nofs dak kollu li huma kellhom.

23 U n‑nies qalu lill‑irġiel ta’ Gidgħon li huma kienu qatlu lis‑sultan, u li l‑qassisin tiegħu kienu ħarbu ’l bogħod minnhom lejn ix‑xagħri.

24 U ġara li wara li huma temmew din iċ‑ċerimonja, huma reġgħu lura fl‑art ta’ Nefi, ferħanin għax marthom u wliedhom ma kinux inqatlu; u huma qalu lil Gidgħon x’kienu għamlu lis‑sultan.

25 U ġara li s‑sultan tal‑Lamaniti ħalef magħhom li n‑nies tiegħu ma kinux se joqtluhom.

26 U anke Limħi, li kien bin is‑sultan, li r‑renju ġie mogħti lilu mill‑poplu, ħa ġurament mas‑sultan tal‑Lamaniti li n‑nies tiegħu kienu sejrin iħallsu t‑taxxa lilu, sewwasew nofs dak kollu li huma kellhom.

27 U ġara li Limħi beda jorganizza r‑renju u jistabbilixxi l‑paċi fost il‑poplu tiegħu.

28 U s‑sultan tal‑Lamaniti poġġa numru ta’ għassiesa madwar il‑pajjiż, ħalli jkun jista’ jżomm lin‑nies ta’ Limħi fil‑pajjiż, biex huma ma jkunux jistgħu jitilqu lejn ix‑xagħri; u lill‑għassiesa tiegħu kien iħallashom mit‑taxxa li kien jirċievi mingħand in‑Nefiti.

29 U issa s‑sultan Limħi esperjenza paċi kontinwa fir‑renju tiegħu għal sentejn sħaħ, fejn il‑Lamaniti la tawhom fastidju u lanqas ippruvaw jeqirduhom.