Skrittura
Mosija 25


Kapitlu 25

Dawk li ġejjin min‑nisel ta’ Mulek f’Żaraħemla jsiru Nefiti—Huma jsiru jafu dwar in‑nies ta’ Alma u ta’ Żeniff—Alma jgħammed lil Limħi u lin‑nies kollha tiegħu—Mosija jawtorizza lil Alma biex jorganizza l‑Knisja ta’ Alla. Madwar 120 Q.K.

1 U issa s‑sultan Mosija ordna sabiex in‑nies kollha jinġabru flimkien.

2 Issa ma kienx hemm daqstant minn ulied Nefi, jew daqstant minn dawk li kienu ġejjin min‑nisel ta’ Nefi, daqs kemm kien hemm min‑nies ta’ Żaraħemla, li kien ġej min‑nisel ta’ Mulek, u dawk li ġew miegħu fix‑xagħri.

3 U ma kienx hemm daqstant min‑nies ta’ Nefi u min‑nies ta’ Żaraħemla daqs kemm kien hemm mil‑Lamaniti; iva, huma lanqas biss kienu jgħoddu nofshom.

4 U issa n‑nies kollha ta’ Nefi nġabru flimkien, u l‑istess in‑nies kollha ta’ Żaraħemla, u huma nġabru flimkien f’żewġ gruppi.

5 U ġara li Mosija qara, u ordna li jinqraw lill‑poplu tiegħu, l‑annali ta’ Żeniff; iva, huwa qara l‑annali tan‑nies ta’ Żeniff, miż‑żmien li fih huma ħallew l‑art ta’ Żaraħemla sakemm reġgħu lura.

6 U hu qara wkoll ir‑rakkont ta’ Alma u ħutu, u t‑tbatija kollha tagħhom, miż‑żmien li fih ħallew l‑art ta’ Żaraħemla saż‑żmien li huma reġgħu lura.

7 U issa, meta Mosija temm jaqra l‑annali, in‑nies tiegħu li baqgħu f’dik l‑art spiċċaw verament mistagħġba u miblugħa.

8 Għax huma ma kinux jafu x’se jaqbdu jaħsbu; għaliex meta raw lil dawk li kienu ġew meħlusin mill‑jasar huma mtlew b’ferħ kbir immens.

9 Kif ukoll meta ftakru f’ħuthom li kienu nqatlu mil‑Lamaniti huma mtlew bin‑niket, u saħansitra xerrdu bosta dmugħ ta’ niket.

10 Kif ukoll meta ftakru fit‑tjubija immedjata ta’ Alla, u fil‑qawwa tiegħu li permezz tagħha ħeles lil Alma u lil ħutu minn idejn il‑Lamaniti u mill‑jasar, huma għollew leħinhom u raddew ħajr lil Alla.

11 Kif ukoll meta ftakru fil‑Lamaniti, li kienu ħuthom, dwar l‑istat midneb u mniġġes tagħhom, huma mtlew bid‑diqa u bin‑niket għall‑ġid ta’ ruħhom.

12 U ġara li dawk li kienu wlied Amulon u ħutu, li kienu ħadu b’marthom lil ulied bniet tal‑Lamaniti, ma kinux jaqblu mal‑imġieba ta’ missirijiethom, u ma ridux jissejħu aktar b’isem missirijiethom, għalhekk huma ħadu fuqhom infushom l‑isem ta’ Nefi, ħalli jkunu jistgħu jissejħu wlied Nefi u jingħaddu fost dawk li kienu jissejħu Nefiti.

13 U issa n‑nies kollha ta’ Żaraħemla ġew magħduda man‑Nefiti, u dan għaliex is‑saltna għaddiet biss f’idejn dawk li kienu ġejjin min‑nisel ta’ Nefi.

14 U issa ġara li meta Mosija temm ikellem u jaqra lin‑nies, huwa xtaq li anke Alma kellu jkellem lin‑nies.

15 U Alma kellimhom, meta huma kienu jinsabu miġburin flimkien fi gruppi kbar, u hu mar ixandar lin‑nies, grupp wara l‑ieħor, l‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej.

16 U huwa ħeġġeġ lin‑nies ta’ Limħi u lil ħutu, lil dawk kollha li ġew meħlusin mill‑jasar, li għandhom jiftakru li kien il‑Mulej li ħelishom.

17 U ġara li wara li Alma għallem lin‑nies bosta ħwejjeġ, u waqaf ikellimhom, is‑sultan Limħi wera x‑xewqa li jitgħammed; u n‑nies kollha tiegħu wrew ix‑xewqa li jitgħammdu wkoll.

18 Għalhekk, Alma mar fl‑ilma u għammidhom; iva, huwa għammidhom bil‑mod li bih għammed lil ħutu fl‑ilmijiet ta’ Mormon; iva, u dawk kollha li huwa għammed saru parti mill‑knisja ta’ Alla; u dan għax huma emmnu kliem Alma.

19 U ġara li s‑sultan Mosija ħalla lil Alma iwaqqaf knejjes madwar l‑art kollha ta’ Żaraħemla; u tah is‑setgħa li jordna qassisin u għalliema fuq kull knisja.

20 Issa dan seħħ għaliex tant kien hemm nies li ma setgħux jiġu mmexxijin kollha minn għalliem wieħed; lanqas ma setgħu jisimgħu kollha l‑kelma ta’ Alla f’laqgħa waħda;

21 Għalhekk huma nġabru flimkien fi gruppi differenti, jissejħu knejjes; b’kull knisja għandha l‑qassisin tagħha u l‑għalliema tagħha, u kull qassis ixandar il‑kelma skont kif ġiet imwassla lilu minn fomm Alma.

22 U b’hekk, minkejja li kien hemm bosta knejjes huma kienu lkoll knisja waħda, iva, sewwasew il‑knisja ta’ Alla; għax xejn ma ġie mxandar f’kull waħda minn dawn il‑knejjes ħlief l‑indiema u l‑fidi f’Alla.

23 U issa fl‑art ta’ Żaraħemla kien hemm seba’ knejjes. U ġara li dawk kollha li kellhom ix‑xewqa li jieħdu fuqhom l‑isem ta’ Kristu, jew ta’ Alla, ingħaqdu mal‑knejjes ta’ Alla;

24 U kienu jissejħu l‑poplu ta’ Alla. U l‑Mulej sawwab l‑Ispirtu tiegħu fuqhom, u huma ġew imberkin, u kellhom ir‑risq fl‑art.