Skrittura
Mosija 9


L‑Istorja ta’ Żeniff—Rakkont ta’ niesu, miż‑żmien li telqu mill‑art ta’ Żaraħemla saż‑żmien li ġew meħlusa minn idejn il‑Lamaniti.

Jikkonsisti minn kapitlu 9 sa 22.

Kapitlu 9

Żeniff imexxi grupp minn Żaraħemla biex jieħdu f’idejhom l‑art ta’ Leħi‑Nefi—Is‑sultan Lamanita jħallihom jirtu l‑art—Tqum gwerra bejn il‑Lamaniti u nies ta’ Żeniff. Madwar 200–187 Q.K.

1 Jiena, Żeniff, ġejt mgħallem f’kull ħaġa relatata ma’ lsien in‑Nefiti, u kelli għarfien dwar l‑art ta’ Nefi, jew dwar l‑art tal‑ewwel wirt ta’ missirijietna, u kont ġejt mibgħut bħala spija fost il‑Lamaniti biex inkun nista’ nitkixxef dwar il‑forzi tagħhom, ħalli nkunu nistgħu naħbtu għalihom bl‑armata tagħna u neqirduhom—iżda meta rajt dak kollu li kien hemm tajjeb fosthom ġietni x‑xewqa li huma ma jinqerdux.

2 Għalhekk, jiena ħadtha ma’ ħuti fix‑xagħri, għax ridt li l‑mexxej tagħna jagħmel trattat magħhom; iżda hu, li kien raġel aħrax u għatxan għad‑demm, ordna li jien kelli ninqatel; iżda jien ġejt meħlus permezz tat‑tixrid ta’ aktar demm; fejn missier tqabad ma’ missier, u l‑aħwa tqabdu kontra l‑aħwa, sakemm il‑maġġorparti tal‑armata tagħna spiċċat inqerdet fix‑xagħri; u aħna erġajna lura, dawk fostna li bqajna ħajjin, lejn l‑art ta’ Żaraħemla, biex lil marthom u lil uliedhom ngħidulhom x’ġara.

3 U madankollu, jien li kont mimli ħerqa biex niret l‑art ta’ missirijietna, ġbart miegħi lil kull min kellu x‑xewqa li jitla’ ħalli jiret l‑art, u erġajna bdejna l‑vjaġġ tagħna lejn ix‑xagħri fi triqitna ’l fuq lejn dik l‑art; iżda aħna ntlaqatna minn ġuħ kbir u tbatija kbira; għax konna tqal biex niftakru fil‑Mulej Alla tagħna.

4 Madankollu, wara bosta jiem niġġerrew fix‑xagħri aħna tellajna t‑tined tagħna fil‑post fejn inqatlu ħutna, li kien qrib l‑art ta’ missirijietna.

5 U ġara li jien erġajt mort fil‑belt għand is‑sultan ma’ erbgħa mill‑irġiel tiegħi, ħalli forsi nsir naf xi ħaġa dwar id‑dispożizzjoni tas‑sultan, u forsi nsir naf jekk kellix nidħol man‑nies tiegħi u nieħu f’idejja l‑art bis‑sewwa.

6 U jiena mort għand is‑sultan, u hu għamel patt miegħi li jien stajt nieħu f’idejja l‑art ta’ Leħi‑Nefi, u l‑art ta’ Xilom.

7 U hu ordna wkoll sabiex in‑nies tiegħu jitilqu ’l barra mill‑art, u jiena u niesi dħalna fil‑pajjiż ħalli nkunu nistgħu noħduh f’idejna.

8 U aħna bdejna nibnu l‑bini, u nsewwu l‑ħitan tal‑belt, iva, sewwasew il‑ħitan tal‑belt ta’ Leħi‑Nefi, u l‑belt ta’ Xilom.

9 U aħna bdejna naħdmu l‑art, iva, bdejna sewwasew niżirgħu kull xorta ta’ żerriegħa, kemm żerriegħa tal‑qamħ, u tax‑xgħir, kif ukoll nejs, u seum, u żerriegħa ta’ frott ta’ kull xorta; u aħna bdejna nitkattru u beda jkollna r‑risq fil‑pajjiż.

10 Issa kien sewwasew minħabba l‑qerq u l‑ingann tas‑sultan Laman, biex iwassal lil niesi fil‑jasar, li huwa offra l‑art biex aħna nkunu nistgħu noħduha f’idejna.

11 Għalhekk ġara, li wara li aħna konna ilna ngħammru fil‑pajjiż għal tnax‑il sena, is‑sultan Laman beda jinkwieta li b’xi mod in‑nies tiegħi joktru sew fil‑pajjiż, u huma ma jkunux jistgħu jegħlbuhom u jitfgħuhom fil‑jasar.

12 Issa huma kienu nies għażżenin u jqimu l‑idoli; għalhekk kellhom xewqa kbira li lilna jitfgħuna fil‑jasar, biex huma jkunu jistgħu jistgħanu permezz tal‑ħidma ta’ jdejna; iva, ħalli jkunu jistgħu jiffungaw fl‑ikel mill‑merħliet tar‑raba’ tagħna.

13 Għalhekk ġara li s‑sultan Laman beda jipprovoka lin‑nies tiegħu ħalli huma jibdew jitlewmu ma’ niesi; għalhekk beda jkun hemm il‑gwerer u l‑ġlied fil‑pajjiż.

14 Għaliex fit‑tlettax‑il sena tas‑saltna tiegħi fl‑art ta’ Nefi, lil hinn fin‑nofsinhar tal‑art ta’ Xilom, meta niesi kienu qed jisqu u jitimgħu l‑merħliet tagħhom, u jaħdmu l‑artijiet tagħhom, ġew fuqhom numru kbir ta’ Lamaniti u bdew joqtluhom, u joħdulhom merħliethom, u l‑qamħ tal‑raba’ tagħhom.

15 Iva, u ġara li huma ħarbu, dawk kollha li ma waqgħux taħt idejhom, sewwasew lejn il‑belt ta’ Nefi, u talbuni nipproteġihom.

16 U ġara li jien armajthom bil‑qwas, u bil‑vleġeġ, bix‑xwabel, u bl‑ixmitarri, u bil‑lembubi, u bl‑iżbandoli, u b’kull xorta ta’ armi li stajna nivvintaw, u jien u niesi morna ħalli niġġieldu kontra l‑Lamaniti.

17 Iva, bil‑qawwa tal‑Mulej aħna morna niġġieldu kontra l‑Lamaniti; għaliex jiena u niesi għajjatna b’qawwa lill‑Mulej ħalli hu jeħlisna minn idejn l‑għedewwa tagħna, peress li feġġet f’moħħna l‑memorja tal‑ħelsien ta’ missirijietna.

18 U Alla sema’ l‑għajjat tagħna u wieġeb talbna; u aħna tlaqna għal għonq it‑triq bil‑qawwa tiegħu; iva, aħna morna noħduha kontra l‑Lamaniti, u f’jum u lejl wieħed qtilna tlett elef u tlieta u erbgħin; bqajna noqtluhom sewwasew sakemm ħriġnihom ’il barra minn artna.

19 U jiena stess, permezz ta’ jdejja, għint nidfen il‑mejtin tagħhom. U araw, hu ta’ diqa u dispjaċir kbir għalina li mitejn u disgħa u sebgħin minn ħutna sfaw maqtula.