Skrittura
Mosija 10


Kapitlu 10

Is‑Sultan Laman imut—Niesu huma nies slavaġ u feroċi u jemmnu fi tradizzjonijiet foloz—Żeniff u niesu jegħlbuhom. Madwar 187–160 Q.K.

1 U ġara li aħna erġajna bdejna nwaqqfu s‑saltna u erġajna bdejna nabitaw f’dik l‑art fis‑sliem. U jien ordnajt sabiex jiġu magħmula armi tal‑gwerra ta’ kull għamla, ħalli b’hekk ikun jista’ jkolli armi għan‑nies tiegħi f’każ li l‑Lamaniti jerġgħu jiġu sabiex jiġġieldu kontra n‑nies tiegħi.

2 U jien poġġejt numru ta’ għassiesa madwar il‑pajjiż, ħalli l‑Lamaniti ma jkunux jistgħu jiġu fuqna għal għarrieda u jeqirduna; u b’dal‑mod jiena ddefendejt lil niesi u lill‑merħliet tiegħi, u żammejthom milli jaqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħna.

3 U ġara li aħna writna l‑art ta’ missirijietna għal bosta snin, iva, għal tnejn u għoxrin sena.

4 U jiena ordnajt biex l‑irġiel jaħdmu l‑art, u jkabbru kull xorta ta’ ċereali, u kull xorta ta’ frott ta’ kull għamla.

5 U lin‑nisa ordnajtilhom biex jinsġu, u jħabirku, u jaħdmu, u jaħdmu kull xorta ta’ għażel fin, iva, u drapp ta’ kull għamla, ħalli nkunu nistgħu ngħattu l‑għera tagħna; u b’dal‑mod beda jkollna r‑risq fil‑pajjiż—b’hekk aħna esperjenzajna paċi kontinwa fil‑pajjiż għal tnejn u għoxrin sena.

6 U ġara li s‑sultan Laman miet, u ibnu beda jsaltan minfloku. U hu beda jipprovoka lil niesu biex iqumu kontra niesi; għalhekk huma bdew iħejju għall‑gwerra, u biex jiġu ħalli jiġġieldu kontra l‑poplu tiegħi.

7 Iżda jiena kont bgħatt l‑ispiji tiegħi madwar l‑art ta’ Xemlon, ħalli nkun nista’ niskopri t‑tħejjijiet tagħhom, biex inkunu nistgħu niddefendu lilna nfusna kontrihom, li ma jmorrux jiġu fuq niesi u jeqirduhom.

8 U ġara li huma ġew min‑naħa tat‑tramuntana tal‑art ta’ Xilom, flimkien mal‑eżerċti numerużi tagħhom, irġiel armati bil‑qwas, u bil‑vleġeġ, u bix‑xwabel, u bl‑ixmitarri, u bil‑ġebel, u bl‑iżbandoli; u huma kellhom rashom imqaxxra u ma kellhomx ħwejjeġ fuqhom; u kienu lebsin ħżiem tal‑ġild madwar qaddhom.

9 U ġara li jien ordnajt biex in‑nisa u t‑tfal minn fost niesi jmorru jinħbew fix‑xagħri; u ordnajt ukoll biex l‑irġiel adulti kollha li setgħu jużaw l‑armi, kif ukoll il‑ġuvintur tiegħi kollha li kieku kapaċi jużaw l‑armi, kellhom jinġabru flimkien biex imorru jitqabdu kontra l‑Lamaniti; u jiena poġġejthom fi gradi differenti, kull raġel skont l‑età tiegħu.

10 U ġara li aħna morna nitqabdu kontra l‑Lamaniti; u jien, iva anke jien, minkejja l‑età kbira tiegħi, mort nitqabad kontra l‑Lamaniti. U ġara li aħna morna nitqabdu bil‑qawwa tal‑Mulej.

11 Issa ġara li l‑Lamaniti ma kellhom l‑ebda għarfien dwar il‑Mulej, jew dwar il‑qawwa tal‑Mulej, għalhekk huma bdew jiddependu biss fuq il‑qawwa tagħhom. Madankollu huma kienu nies b’saħħithom, fejn tidħol is‑saħħa tagħhom.

12 Huma kienu nies slavaġ, u feroċi, u għatxana għad‑demm, jemmnu fit‑tradizzjoni ta’ missirijiethom, li hi din—Jemmnu li huma ġew imkeċċijin mill‑art ta’ Ġerusalemm minħabba l‑ħażen ta’ missirijiethom, u li huma spiċċaw ibatu minħabba l‑inġustizzja ta’ ħuthom fid‑deżert, kif ukoll waqt li kienu qed jaqsmu l‑baħar;

13 Kif ukoll li huma sofrew l‑inġustizzja waqt li kienu fl‑art tal‑ewwel wirt tagħhom, wara li qasmu l‑baħar, u dan kollu minħabba li Nefi kien aktar fidil fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tal‑Mulej—għalhekk huwa kien imbierek mill‑Mulej, għax il‑Mulej sema’ talbu, u huwa mexxihom fil‑vjaġġ tagħhom fid‑deżert.

14 U ħutu nkurlaw għalih għaliex ma fehmux l‑għemejjel tal‑Mulej; huma nkurlaw għalih ukoll fuq l‑ilmijiet għaliex webbsu qalbhom kontra l‑Mulej.

15 U huma nkurlaw għalih ukoll meta waslu fl‑art imwiegħda, għaliex qalu li huwa kien ħa t‑tmexxija tan‑nies minn idejhom; u huma ppruvaw joqtluh.

16 U huma nkurlaw għalih ukoll għaliex huwa telaq fid‑deżert kif ordnalu jagħmel il‑Mulej, u ħa għandu l‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tal‑bronż, fejn huma qalu li kien seraqhom.

17 U b’hekk huma għallmu lil uliedhom li kellhom jobogħduhom, u li kellhom joqtluhom, u li kellhom jisirquhom u jissakkeġġjawhom, u jagħmlu dak kollu li setgħu biex jeqirduhom; għalhekk huma għandhom mibegħda eterna lejn ulied Nefi.

18 U kien għalhekk li s‑sultan Laman, permezz tal‑qerq u l‑ingann malizzjuż tiegħu, u l‑wegħdiet sbieħ tiegħu, qarraq bija, li jien spiċċajt ġibt lil dan il‑poplu tiegħi f’din l‑art, fejn huma jkunu jistgħu jeqirduh; iva, u aħna ilna nbatu das‑snin kollha fil‑pajjiż.

19 U issa jiena, Żeniff, wara lin‑niesi għidtilhom dawn il‑ħwejjeġ kollha dwar il‑Lamaniti, jien ħeġġiġthom biex huma jmorru jiġġieldu bil‑qawwa tagħhom kollha, u jafdaw fil‑Mulej; għalhekk, aħna ħadniha magħhom, wiċċ imb wiċċ.

20 U ġara li aħna erġajna ħriġnihom ’il barra minn artna; u lilhom aħna qtilna fejn għamilna ħerba sħiħa minnhom, tant li aħna lanqas biss nafu kemm kienu.

21 U ġara li aħna erġajna lura lejn artna, u niesi għal darb’oħra bdew jirgħu merħliethom, u jaħdmu r‑raba’ tagħhom.

22 U issa jiena, peress li xjeħt, se ngħaddi s‑saltna f’idejn wieħed minn uliedi; għalhekk, jien m’jien se ngħid xejn aktar. U jalla l‑Mulej ibierek lill‑poplu tiegħi. Ammen.