Skrittura
Mosija 22


Kapitlu 22

Jiġu fis‑seħħ pjanijiet biex in‑nies jaħarbu mill‑jasar tal‑Lamaniti—Il‑Lamaniti jiġu mogħtija x‑xorb biex jiskru—In‑nies jaħarbu, jerġgħu lura f’Żaraħemla, u joqogħdu għat‑tmexxija tas‑sultan Mosija. Madwar 121–120 Q.K.

1 U issa ġara li Għammon u s‑sultan Limħi bdew jikkonsultaw man‑nies kif huma setgħu jinħelsu mill‑jasar; u ordnaw biex in‑nies kollha jinġabru flimkien; u huma għamlu dan biex ikunu jistgħu jaraw x’jaħsbu n‑nies dwar din il‑ħaġa.

2 U ġara li huma ma setgħu jsibu l‑ebda mod kif setgħu jinħelsu mill‑jasar, ħlief li jaqbdu lil marthom u lil uliedhom, u l‑merħliet tagħhom, u l‑baqar tagħhom, u t‑tined tagħhom, u jerħulha lejn ix‑xagħri; għax peress li l‑Lamaniti kienu daqstant numerużi, kien impossibbli li n‑nies ta’ Limħi jeħduha magħhom, jekk ħasbu li setgħu jinħelsu mill‑jasar permezz tax‑xabla.

3 Issa ġara li Gidgħon mar quddiem is‑sultan u qallu: Issa, O sultan, inti kemm il‑darba tajt widen għal kliemi meta aħna konna ninsabu f’xi tilwima ma’ ħutna, il‑Lamaniti.

4 U issa, O sultan, jekk inti ma sibtnix li jien qaddej ma jiswa għal xejn, jew jekk sa issa dejjem b’xi mod smajt minn kliemi, u kien ta’ servizz għalik, bl‑istess mod nixtieq li f’dan il‑waqt inti tisma’ dak li se ngħid, u jien inkun il‑qaddej tiegħek u neħles lil dan il‑poplu mill‑jasar.

5 U s‑sultan tah iċ‑ċans li jitkellem. U Gidgħon qallu:

6 Aħseb ftit dwar il‑passaġġ ta’ wara, li tiġi għalih mill‑ħajt ta’ wara, fuq in‑naħa ta’ wara tal‑belt. Il‑Lamaniti, jew aħjar l‑għassiesa tal‑Lamaniti, billejl jiskru; għalhekk ejja noħorġu proklama fejn nitolbu lil dawn in‑nies kollha sabiex jiġbru l‑merħliet u l‑baqar tagħhom, ħalli mal‑lejl ikunu jistgħu jmexxuhom lejn ix‑xagħri.

7 U jiena mmur skont kif tordnali int u nħallas l‑aħħar taxxa permezz tal‑inbid lil‑Lamaniti, u huma jiskru; u aħna ngħaddu mill‑passaġġ sigriet li hemm fuq in‑naħa tax‑xellug tal‑kamp tagħhom meta huma jkunu fis‑sakra u reqdin.

8 B’hekk aħna nkunu nistgħu nitilqu lejn ix‑xagħri bin‑nisa tagħna u b’uliedna, u bil‑merħliet tagħna; u ngħaddu minn mal‑art ta’ Xilom.

9 U ġara li s‑sultan ta widen għal dak li qal Gidgħon.

10 U s‑sultan Limħi talab biex in‑nies tiegħu jiġbru l‑merħliet tagħhom flimkien; u hu bagħat it‑taxxa permezz tal‑inbid lil‑Lamaniti; u bagħatilhom ukoll aktar inbid, bħala rigal; u huma xorbu xarba nbid tajba milli kien bagħatilhom is‑sultan Limħi.

11 U ġara li mal‑lejl in‑nies tas‑sultan Limħi telqu lejn ix‑xagħri bil‑merħliet tagħhom u l‑baqar tagħhom, u huma għaddew minn mal‑art ta’ Xilom ġewwa x‑xagħri, u dawwru triqthom lejn l‑art ta’ Żaraħemla, fejn kienu mmexxijin minn Għammon u minn ħutu.

12 U huma ħadu magħhom id‑deheb kollu tagħhom, u l‑fidda kollha tagħhom, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tagħhom, li huma setgħu jġorru, u ħadu magħhom ukoll fix‑xagħri l‑provvisti tagħhom; u komplew bil‑vjaġġ tagħhom.

13 U wara li kienu ilhom bosta jiem fix‑xagħri huma waslu fl‑art ta’ Żaraħemla, u ngħaqdu man‑nies ta’ Mosija, u qagħdu għat‑tmexxija tiegħu.

14 U ġara li Mosija laqagħhom bil‑ferħ; u hu laqa’ għandu wkoll l‑annali tagħhom, kif ukoll l‑annali li kienu nstabu min‑nies ta’ Limħi.

15 U issa ġara li meta l‑Lamaniti ndunaw li n‑nies ta’ Limħi kienu telqu mill‑pajjiż mal‑lejl, huma bagħtu armata fix‑xagħri biex issegwihom;

16 U wara li kienu ilhom isegwuhom jumejn sħaħ, ma setgħux ikomplu jsewgu minn fejn għaddew; għalhekk spiċċaw biex intilfu fix‑xagħri.