2010-2019
Alla Jinsab fit-Tmun
Ottubru 2015


Alla Jinsab fit-Tmun

Il-kmandamenti u l-patti huma veritajiet u duttrina imprezzabbli li nsibu fuq il-Vapur l-Antik ta’ Sijon, li fit-tmun tiegħu hemm Alla.

Fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru li għadda, jiena għamilt stedina lil dawk li kienu qed jisimgħuni sabiex jimxu wara l-kunsill ta’ Brigham Young li jibqgħu fuq il-Vapur l-Antik ta’ Sijon, li huwa l-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, u jibqgħu jżommu sod b’ idejhom it-tnejn.1 Minn dak inhar ’l hawn, nieħu gost nisma’ li xi membri tal-familja tiegħi u oħrajn kienu qed jisimgħu u staqsewni din il-mistoqsija, ”X’hemm fil-Vapur l-Antik ta’ Sijon li għandna nżommu miegħu?” Jiena fakkarthom dwar dak li qal il-President Brigham Young: “Aħna ninsabu fuq il-vapur l-antik ta’ Sijon. … Alla jinsab fit-tmun u se jibqa’ hemm. … Huwa jikkmanda, jiggwida u jidderieġi. Jekk in-nies ikollhom kunfidenza sħiħa f’ Alla tagħhom, jekk qatt ma jinsew il-patti tagħhom jew lil Alla tagħhom, Huwa jiggwidana b’ mod tajjeb.”2

B’ mod ċar, Missierna tas-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu mlew il-Vapur l-Antik ta’ Sijon b’ veritajiet eterni ċari u sempliċi li jgħinuna nibqgħu għaddejjin fit-triq il-ġusta qalb l-ilmijiet imqanqla tal-ħajja mortali. Sa nsemmi ftit minnhom.

Il-Knisja ta Ġesù Kristu minn dejjem kienet immexxija minn profeti u appostli ħajjin. Għalkemm huma nies mortali u suġġetti għall-imperfezzjoni umana, il-qaddejja tal-Mulej huma spirati li jgħinuna nevitaw dawk l-ostakli li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-ħajja spiritwali tagħna u jgħinuna nivvjaġġaw mingħajr periklu f’ din il-ħajja mortali lejn id-destinazzjoni finali u aħħarija tagħna fis-smewwiet.

Tul il-kważi 40 sena li jien għaddejt viċin l-awtoritajiet ġenerali, jiena ksibt xhieda personali ta’ kemm l-ispirazzjoni siekta kif ukoll ir-rivelazzjoni profonda rriżultaw f’ azzjoni konkreta mill-profeti u l-appostli, l-Awtoritjiet Ġenerali l-oħra u l-mexxejja awżiljari. Għalkemm la huma perfetti u lanqas infallibbli, dawn l-irġiel u nisa twajba ġew iddedikati b’ mod perfett biex imexxu l-ħidma tal-Mulej ’il quddiem skont kif imexxihom Hu.

U araw li tkunu ċerti minn dan: il-Mulej imexxi l-Knisja Tiegħu permezz ta’ profeti u appostli ħajjin. Dan hu l-mod kif Huwa dejjem wettaq il-ħidma Tiegħu. Verament, is-Salvatur għallem, ”Tassew tassew ngħidilkom, min jilqa’ lil min nibgħat jien, ikun qed jilqa’ lili.”3 Ma nistgħux nisseparaw lil Kristu mill-qaddejja Tiegħu. Mingħajr l-ewwel Appostli Tiegħu, ma kienx ikollna rakkont minn dawn l-istess xhieda tat-tagħlim Tiegħu, tal-ministeru Tiegħu, tas-sofferenza Tiegħu fil-Ġnien tal-Ġetsemani u tal-mewt Tiegħu fuq is-salib. Mingħajr it-testimonjanzi tagħhom, ma kienx ikollna xhieda appostolika tal-qabar vojt u tar-Resurrezzjoni.

Huwa ordna lil dawk l-ewwel Appostli:

”Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu:

”Billi tgħallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.”4

Din il-kummissjoni reġgħet iġġeddet fi żmienna meta l-Mulej sejjaħ lil Joseph Smith sabiex jirrestawra l-Knisja, flimkien ma’ Appostli ordnati biex jiddikjaraw l-evanġelju Tiegħu għall-aħħar darba qabel ma huwa jerġa’ jiġi.

Qatt ma kienet ħaġa faċli għan-nies tad-dinja li jaċċettaw lill-profeti u l-appostli ħajjin, iżda huwa importanti li nagħmlu dan sabiex inkunu nistgħu nifhmu kompletament l-Att tal-Fidwa u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u li nirċievu l-milja tal-barkiet tas-saċerdozju li jiġu mogħtija lil dawk li Huwa sejjaħ.

Ħafna nies jaħsbu li l-mexxejja u l-membri tal-Knisja għandhom ikunu perfetti jew kważi perfetti. Huma jinsew li l-grazzja tal-Mulej hija suffiċjenti biex titwettaq il-ħidma Tiegħu permezz ta’ nies mortali. L-intenzjoni tal-mexxejja tagħna hija l-aħjar li tista’ tkun, iżda kultant aħna niżbaljaw. Din mhix xi ħaġa unika għar-relazzjonijiet tagħna fil-Knisja, għax l-istess jiġri fir-relazzjonijiet tagħna fost il-ħbieb, il-ġirien u sħabna fuq il-post tax-xogħol u saħansitra bejn il-miżżewġin u fil-familji.

Hija ħaġa faċli li nfittxu d-dgħjufija f’ ħaddieħor. Madankollu, inkunu qegħdin niżbaljaw bil-kbir jekk naraw biss in-natura umana f’ xi ħadd u nibqgħu lura milli naraw id Alla taħdem permezz ta’ dawk li Huwa sejjaħ.

Billi niffukaw fuq kif il-Mulej jispira lill-mexxejja magħżulin Tiegħu u kif Huwa jgħin lill-Qaddisin iwettqu ħwejjeġ meraviljużi u straordinarji minkejja d-dgħjufijiet tagħhom huwa wieħed mill-modi kif nistgħu nżommu sod mal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u nibqgħu fuq il-Vapur l-Antik ta’ Sijon ’l bogħod mill-periklu .

It-tieni verità hi d-duttrina tal-pjan tas-salvazzjoni. Permezz tal-Profeta Joseph Smith, Alla tana l-Ktieb ta’ Mormon, id-Duttrina u Patti u bosta tagħlim ieħor tal-Knisja. Dawn jinkludu l-għarfien tal-pjan tas-salvazzjoni, li huwa l-mappa ta’ minn fejn ġejna, tal-għan tagħna hawn fid-dinja u ta’ fejn sejrin meta mmutu. Il-pjan jipprovdilna wkoll perspettiva unika u eterna li aħna wlied spirti ta’ Alla. Jekk aħna nifhmu verament min hu Missierna tas-Smewwiet u r-relazzjoni tagħna Miegħu u ma’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, aħna naċċettaw il-kmandamenti Tagħhom u nagħmlu patti Magħhom li jwassluna lura fil-preżenza eterna Tagħhom.

Kull darba li nħaddan miegħi tarbija tat-twelid, jiena nispiċċa ngħid bejni u bejn ruħi: ”Min inti, ja tarbija ċkejkna? X’ se ssir permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu?”

Aħna nistaqsu mistoqsijiet riflessivi simili meta jmutu xi maħbubin tagħna: ”Fejn jinsabu? X’inhuma jaraw u jesperjenzaw? Il-ħajja verament tkompli? X’se tkun in-natura tal-aktar relazzjonijiet għeżież għalina fil-kbira dinja tal-ispirti tal-mejtin?”

F’ dik id-dinja, il-familja tagħna għandha żewġ neputijiet, Sara u Emily, u neputi, Nathan. Kull meta esperjenzajna l-mewt ta’ xi neputi jew neputija, aħna bħala familja żammejna sod b’ żewġ idejn mal-veritajiet tal-evanġelju. Il-mistoqsijiet tagħna ġew imwieġba b’ faraġ u assigurazzjoni permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. Għalkemm aħna nimmissjaw lin-neputijiet tagħna, aħna nafu li huma jinsabu jgħixu, u nafu li se nerġgħu narawhom. Kemm aħna grati għal dan l-għarfien spiritwali f’ mumenti ta’ taqlib fil-ħajja tagħna u tal-familja tagħna.

Verità oħra ewlenija fil-Knisja hi li Missier tas-Smewwiet ħoloq lil Adam u Eva għal għan divin. Kien id-dmir tagħhom—u, sussegwentement, id-dmir ta’ dawk li ġew warajhom—li joħolqu iġsma mortali għall-ulied ispirti ta’ Alla sabiex huma jkunu jistgħu jesperjenzaw il-mortalità. Permezz ta’ dan il-proċess, Missierna tas-Smewwiet jibgħat lil ulied spirti Tiegħu fid-dinja biex jitgħallmu u jikbru permezz tal-esperjenzi li jkollhom fil-ħajja tagħhom fid-dinja. Peress li Huwa jħobb lil uliedu, Alla jibgħat messaġġiera mis-smewwiet u Appostli biex jgħallmuhom dwar l-irwol ewlieni ta’ Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna.

Tul is-sekli, il-profeti wettqu d-dover tagħhom meta huma widdbu lin-nies dwar il-perikli li kellhom quddiemhom. L-Appostli tal-Mulej għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb, iwiddbu u jilħqu biex jgħinu lil dawk li qed ifittxu tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ħajja.

Għoxrin sena ilu, l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ppubblikaw ”Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.” F’ dak id-dokument ispirat, aħna kkonkludejna b’ dan il-kliem: ”Aħna nwiddbu l-individwi li jiksru l-patti tagħhom tal-kastità, li jabbużaw minn marthom jew żewġhom jew minn uliedhom, jew li jibqgħu lura milli jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-familja li xi darba għad iridu jagħtu rendikont ta’ għemilhom quddiem Alla. Barra minn hekk, aħna nwiddbu li d-diżintegrazzjoni tal-familja se ġġib fuq l-individwi, il-komunitajiet u l-ġnus l-għawġ li ġie mbassar mill-profeti kemm tal-qedem kif ukoll dawk moderni.”5

Bħala Appostli, aħna għal darb’oħra llum nerġgħu nirriaffermaw din it-twissija solenni. Jekk jogħġobkom, ftakru li l-kmandamenti u l-patti huma veritajiet u duttrina imprezzabbli li nsibu fuq il-Vapur l-Antik ta’ Sijon, li fit-tmun tiegħu hemm Alla.

Duttrina oħra importanti li għandna niggranfaw magħha hi li nosservaw jum is-Sabbath. Dan jgħinna nibqgħu ’l bogħod mill-ħwejjeġ tad-dinja, jipprovdilna l-mistrieħ fiżiku, u jagħti lil kull wieħed u waħda minna t-tiġdid spiritwali li naduraw lill-Missier u l-Iben kull nhar ta’ Ħadd.6 Meta aħna nitgħaxxqu f’ Jum is-Sabbath, dan hu sinjal tal-imħabba tagħna għalihom.7

Bħala parti mill-isforzi tagħna li Jum is-Sabbath ikun l-għaxqa tagħna, aħna tlabna lill-mexxejja u l-membri tal-Knisja sabiex jiftakru li l-laqgħa tas-sagrament tippartjeni lill-Mulej u għandha tkun ibbażata fuq it-tagħlim Tiegħu. Il-preżentazzjoni tal-ordinanza tas-sagrament hija meta aħna nġeddu l-patti tagħna u nerġgħu nikkonfermaw mill-ġdid l-imħabba tagħna lejn is-Salvatur u niftakru fis-sagrifiċċju Tiegħu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Dan l-istess spirtu ta’ qima għandu jippenetra l-laqgħat tagħna ta’ sawm u testimonjanza ta’ kull xahar. Din il-laqgħa sagramentali hi speċifikament biex fiha l-membri jaqsmu bejniethom, fi ftit kliem, il-gratitudni, l-imħabba u l-apprezzament tagħhom lejn Missierna tas-Smewwiet, Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat u jagħtu x-xhieda personali tagħhom ta’ dawn il-ħwejjeġ. Il-laqgħa tas-sawm u testimonjanza hija ħin li fih naqsmu fil-qosor il-ħsibijiet ispirati tagħna u naqsmu t-testimonjanza solenni tagħna. Mhijiex ħin li fih nagħmlu diskors.

It-tfal iż-żgħar għandhom jipprattikaw kif jaqsmu t-testimonjanzi tagħhom fil-Primarja kif ukoll flimkien mal-ġenituri tagħhom fil-lejla d-dar mal-familja sakemm huma jifhmu t-tifsira importanti ta’ testimonjanza.

L-enfażi riċenti li s-Sabbath ikun għalina l-għaxqa tagħna hija riżultat dirett ta’ ispirazzjoni mingħand il-Mulej permezz tal-mexxejja tal-Knisja. Il-membri tal-kunsill tal-qasam għandhom jassistu lill-membri tal-veskovat minn żmien qabel billi jagħtu ħarsa lejn il-mużika u s-suġġetti li jkunu ġew rakkomandati għal kull laqgħa sagramentali.

Ilkoll kemm aħna nitbierku meta s-Sabbath ikun mimli bl-imħabba lejn il-Mulej, fid-dar u fil-knisja. Meta wliedna jiġu dejjem mgħallmin kif irid il-Mulej, huma jitgħallmu jħossu u jwieġbu għall-Ispirtu Tiegħu. Aħna lkoll ikollna x-xewqa li nattendu kull nhar ta’ Ħadd biex nieħdu sehem fis-sagrament meta nħossu l-Ispirtu tal-Mulej. U kollha kemm aħna, żgħar jew kbar, li ninsabu nġorru fuqna tagħbija tqila, nispiċċaw inħossu l-għajnuna u l-faraġ spiritwali li nistgħu niksbu jekk f’ Jum is-Sabbath aħna, b’ devozzjoni, nikkontemplaw dwar Missierna tas-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu.

Fortunatament, Kristu dejjem jinsab viċin, jistennina u lest li jgħinna meta aħna nitolbuh għall-għajnuna u nkunu lesti li nindmu u nersqu lejh.

Issa, hekk kif aħna nixtarru ftit fuq dawn il-veritajiet li jeżistu fuq il-Vapur l-Antik ta’ Sijon, ejjew nibqgħu fuq il-vapur u niftakru li, bħala definizzjoni, vapur huwa mezz ta’ trasport, u l-għan tat-trasport hu li jwassalna f’ destinazzjoni.

Id-destinazzjoni tal-vapur tagħna hi l-milja tal-barkiet tal-evanġelju, is-saltna tas-smewwiet, il-glorja ċelestjali u l-preżenza ta’ Alla!

Il-pjan ta’ Alla hu wieħed stabbilit. Huwa jinsab fuq it-tmun, u l-vapur kbir u setgħan Tiegħu jibqa’ jsalpa ’l quddiem lejn is-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. Ftakru li aħna ma nistgħux naslu hemmhekk billi naqbżu minn ġod-dgħajsa u nippruvaw ngħumu sa hemm weħidna.

L-eżaltazzjoni hija l-għan ta’ dan il-vjaġġ mortali, u ħadd ma jasal hemm mingħajr l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. L-Att tal-Fidwa Tiegħu, l-ordinanzi u d-duttrina u l-prinċipji li jiggwidawna li jinsabu fil-Knisja.

Huwa fil-Knisja fejn aħna nitgħallmu dwar il-ħidma ta’ Alla u nistgħu naċċettaw il-grazzja tal-Mulej Ġesù Kristu li ssalvana. Huwa permezz tal-Knisja li aħna niffurmaw l-impenni u l-patti ta’ familji eterni li jsiru għalina l-passaport lejn l-eżaltazzjoni. Hija l-Knisja li għandha l-qawwa permezz tas-saċerdozju li timbottana qalb l- ilmijiet imprevedibbli tal-ħajja mortali.

Ejjew inkunu grati għall-Vapur l-Antik ta’ Sijon, għaliex mingħajru, weħidna u mingħajr qawwa, aħna ma nkunux kapaċi navvanzaw u nispiċċaw niġġerrew mal-kurrent tar-riħ u l-mewġ tal-avversarju.

Żommu sod ħuti u komplu salpaw fil-vapur glorjuż, il-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, u aħna nilħqu d-destinazzjoni eterna tagħna. Din hi t-testimonjanza tiegħi u t-talba tiegħu għalina lkoll f’ isem Dak li għalih il-Vapur l-Antik ta’ Sijon huwa msemmi, sewwasew il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.