Skrittura
Alma 9


Kliem Alma, kif ukoll kliem Amuleki, li ġie mxandar lin‑nies li kienu fl‑art ta’ Għammoniha. U huma ġew ukoll miftugħin il‑ħabs, u ġew meħlusa bil‑qawwa mirakoluża ta’ Alla li kienet tinsab fihom, skont il‑kitba ta’ Alma.

Jikkonsisti minn kapitlu 9 sa 14.

Kapitlu 9

Alma jordna lin‑nies ta’ Għammoniha biex jindmu—Il‑Mulej se jkun ħanin mal‑Lamaniti fl‑aħħar żminijiet—Jekk in‑Nefiti jabbandunaw id‑dawl, huma jispiċċaw jinqerdu mil‑Lamaniti—L‑Iben ta’ Alla se jiġi dalwaqt—Huwa se jifdi lil dawk li jindmu, u jitgħammdu, u jkollhom il‑fidi f’ismu. Madwar 82 Q.K.

1 U għal darb’oħra, jiena, Alma, li ġejt ordnat minn Alla biex nieħu miegħi lil Amuleki u nerġa’ mmur inxandar lil dan il‑poplu, jew lin‑nies li kienu fil‑belt ta’ Għammoniha, ġara li hekk kif bdejt inxandrilhom, huma bdew jeħduha miegħi u jgħidu:

2 Int min int? Taħseb int li aħna sejrin nemmnu x‑xhieda ta’ bniedem wieħed, anke jekk jasal li jxandrilna li din l‑art taf tgħaddi?

3 Issa huma ma fehmux il‑kliem li huma qalu; għax huma ma kinux jafu li din l‑art għad tgħaddi.

4 U huma qalu wkoll: Aħna m’aħniex se nemmnu kliemek jekk inti se tħabbar li din il‑belt kbira għad tinqered f’jum wieħed.

5 Issa huma ma kinux jafu li Alla seta’ jwettaq għemejjel daqstant tal‑għaġeb, għax huma kienu nies ta’ qalb iebsa u ta’ ras iebsa.

6 U huma qalu: Min hu Alla, li bħala awtorità fost dan il‑poplu jibgħat biss bniedem wieħed, biex iħabbrilhom il‑verità ta’ ħwejjeġ daqstant kbar u tal‑għaġeb?

7 U huma ġew biex jaqbduni taħt idejhom; iżda araw, huma m’għamlux dan. U jien waqaft b’qawwa biex inxandrilhom, iva, jien bdejt nixhed magħhom b’qawwa u ngħid:

8 Araw, O nisel ħażin u mħawwad, kif insejtu d‑drawwiet ta’ missirijietkom; iva, kemm insejtu malajr il‑kmandamenti ta’ Alla.

9 Ma tiftakrux intom li missierna, Leħi, inġieb ’il barra minn Ġerusalemm permezz ta’ id Alla? Ma tiftakrux intom li huma ġew ilkoll immexxijin minnu fid‑deżert?

10 U nsejtu daqshekk malajr intom kemm‑il darba huwa ħeles lil missirijietna minn idejn l‑għedewwa tagħhom, u żammhom milli jinqerdu, sewwasew permezz ta’ idejn ħuthom?

11 Iva, u li kieku ma kienx għall‑qawwa inkomparabbli tiegħu, u l‑ħniena tiegħu, u s‑sabar tiegħu lejna, aħna inevitabbilment konna nispiċċaw ninqerdu minn fuq wiċċ l‑art żmien twil ilu, u probabbilment konna nispiċċaw ngħaddu għal stat ta’ miżerja u għaks bla tmiem.

12 Iżda araw, jien ngħidilkom li hu jordnalkom sabiex tindmu; u jekk ma tindmux, intom bl‑ebda mod ma tistgħu tirtu s‑saltna ta’ Alla. Iżda araw, dan mhux kollox—hu ordnalkom biex tindmu, jew inkella huwa jeqridkom għalkollox minn fuq wiċċ l‑art; iva, huwa jiġi jżurkom fl‑għadab tiegħu, u fil‑qilla tiegħu huwa ma jerġax lura.

13 Araw, ma tiftakrux intom il‑kliem li huwa qal lil Leħi, fejn qallu li: Sakemm tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom se jkollkom ir‑risq fl‑art? U jingħad ukoll li: Jekk ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom sejrin tinqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej.

14 Issa nixtieq li intom tiftakru, li għaliex il‑Lamaniti ma ħarsux il‑kmandamenti ta’ Alla, huma spiċċaw inqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej. Issa naraw li dwar dil‑ħaġa l‑kelma tal‑Mulej ġiet ippruvata kemm hija vera, u l‑Lamaniti ilhom li nqatgħu mill‑preżenza tiegħu, mill‑bidu tat‑trasgressjonijiet tagħhom f’din l‑art.

15 Madankollu jien ngħidilkom, li jum il‑ħaqq se jkun eħfef għalihom milli għalikom, jekk intom tibqgħu fi dnubietkom, iva, u se jkun saħansitra eħfef għalihom f’din il‑ħajja milli għalikom, jekk intom ma tindmux.

16 Għax hemm bosta wegħdiet li huma disponibbli għal‑Lamaniti; għax hu minħabba d‑drawwiet ta’ missirijiethom li wassalhom biex huma jibqgħu fl‑istat tagħhom ta’ injoranza; għalhekk il‑Mulej se jkun ħanin magħhom u se jtawwal ħajjithom fuq l‑art.

17 U xi darba huma jitwasslu biex jemmnu fil‑kelma tiegħu, u jkunu jafu dwar l‑inkorrettezza tad‑drawwiet ta’ missirijiethom; u ħafna minnhom se jsalvaw, għax il‑Mulej se jkun ħanin ma’ dawk kollha li jsejħu ismu.

18 Għax araw, jien ngħidilkom li jekk intom tkomplu tippersistu fil‑ħażen tagħkom żmienkom fuq l‑art mhuwiex se jitwal, għax jaħbtu għalikom il‑Lamaniti; u jekk intom ma tindmux huma jiġu fuqkom meta ma tkunux qed tistennewhom, u tispiċċaw tintlaqtu minn qerda sħiħa; u dan iseħħ skont il‑qilla tar‑rabja tal‑Mulej.

19 Għax huwa mhux se jħallikom tgħixu fi ħżunitkom, biex teqirdu lill‑poplu tiegħu. Jien ngħidilkom, Le; hu jippreferi jħalli lil‑Lamaniti jeqirdu lill‑poplu kollu tiegħu li jissejjaħ il‑poplu ta’ Nefi, jekk ikun il‑każ li huma jaqgħu fid‑dnub u t‑trasgressjoni, wara li kellhom daqstant dawl u daqstant għarfien mogħtija lilhom mill‑Mulej Alla tagħhom;

20 Iva, wara li kienu poplu daqstant imbierek bil‑kbir mill‑Mulej; iva, wara li ġew imberkin aktar minn kull ġens, tribù, ilsien, jew poplu ieħor; wara li kollox ġie żvelat lilhom, skont ix‑xewqat tagħhom, u l‑fidi u t‑talb tagħhom, dwar ħwejjeġ li seħħew, u li qed iseħħu, u li għad iridu jseħħu;

21 Wara li ġie jżurhom l‑Ispirtu s‑Santu; wara li tkellmu mal‑anġli, u wara li kellimhom leħen il‑Mulej; u wara li ngħataw l‑ispirtu tal‑profezija, u l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni, kif ukoll bosta doni, id‑don li jitkellmu bl‑ilsna, u d‑don tal‑predikazzjoni, u d‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, u d‑don tat‑traduzzjoni;

22 Iva, u wara li ġew meħlusa mill‑art ta’ Ġerusalemm minn Alla, permezz ta’ id il‑Mulej; wara li ġew salvati mill‑ġuħ, u minn kull xorta ta’ mard ta’ kull għamla; u wara li kisbu tant qawwa fil‑battalja, biex huma ma jinqerdux; wara li kemm‑il darba nħarġu ’l barra mill‑jasar, u wara li sa issa dejjem ġew imħarsin u ppreservati; u wara li kisbu daqstant ġid fejn spiċċaw għonja f’kull ħaġa—

23 U issa araw jiena ngħidilkom, li jekk dan il‑poplu, li kiseb daqstant barkiet minn id il‑Mulej, jittrasgredixxi kontra d‑dawl u l‑għarfien li huwa għandu, jien ngħidilkom li jekk dan ikun il‑każ, li jekk huma jaqgħu fit‑trasgressjoni, ikun ferm eħfef għal‑Lamaniti milli għalihom.

24 Għax araw, il‑wegħdiet tal‑Mulej huma disponibbli għal‑Lamaniti, iżda mhux għalikom jekk intom taqgħu fit‑trasgressjoni; għax il‑Mulej ma wiegħedx b’mod ċar u ma ddikjarax b’qawwa, li jekk intom teħduha kontrih intom tispiċċaw tinqerdu għalkollox minn fuq wiċċ l‑art?

25 U issa għal dan il‑għan, biex intom ma tinqerdux, il‑Mulej bagħat l‑anġlu tiegħu biex iżur ħafna min‑nies tiegħu, u jxandrilhom li jeħtieġ li huma jmorru u jiddikjaraw b’qawwa lin‑nies u jgħidulhom: Indmu, għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib;

26 U ma baqax wisq biex Bin Alla jiġi fil‑glorja tiegħu; u l‑glorja tiegħu se tkun il‑glorja tal‑Iben il‑Waħdieni tal‑Missier, mimli grazzja, ġustizzja, u verità, mimli tolleranza, ħniena, u sabar, li malajr jisma’ t‑talb tal‑poplu tiegħu u jwieġeb talbhom.

27 U araw, huwa jiġi biex jifdi lil dawk li jitgħammdu għall‑Indiema, permezz tal‑fidi f’ismu.

28 Għalhekk, ħejju t‑triq għall‑Mulej, għax is‑siegħa waslet fejn il‑bnedmin kollha sejrin jaħsdu l‑premju ta’ ħidmiethom, skont dak li huma kienu—jekk huma kienu twajbin huma jaħsdu s‑salvazzjoni ta’ ruħhom, skont il‑qawwa u l‑ħelsien ta’ Ġesù Kristu; u jekk huma kienu ħżiena huma sejrin jaħsdu d‑dannazzjoni ta’ ruħhom, skont il‑qawwa u l‑jasar tax‑xitan.

29 Issa araw, dan hu leħen l‑anġlu, isejjaħ lill‑poplu.

30 U issa, għeżież ħuti, għax intom ħuti, u intom għandkom tkunu maħbubin, u għandkom tipproduċu opri xierqa tal‑indiema, peress li qalbkom twebbset bil‑kbir kontra l‑kelma ta’ Alla, u peress li intom poplu mitluf u dekadut.

31 Issa ġara li meta jiena, Alma, għidt dan il‑kliem, araw, in‑nies inkurlaw għalija għaliex jien għidtilhom li huma kienu nies ta’ qalb iebsa u ta’ ras iebsa.

32 U għax jien għidtilhom ukoll li huma kienu poplu mitluf u dekadut huma ħaduha kontrija, u ppruvaw jerfgħu idejhom fuqi, ħalli jkunu jistgħu jixħtuni l‑ħabs.

33 Iżda ġara li l‑Mulej ma ppermettix li f’dak il‑waqt huma jaqbduni u jixħtuni l‑ħabs.

34 U ġara li Amuleki mar u waqaf quddiemhom, u beda wkoll ixandrilhom. U issa mhux il‑kliem kollu ta’ Amuleki ġie miktub, madankollu parti minn kliemu tinsab miktuba f’dan il‑ktieb.