Skrittura
Alma 54


Kapitlu 54

Għammoron u Moroni jippruvaw isibu qbil dwar l‑iskambju ta’ priġunieri—Moroni jordna lil‑Lamaniti biex jirtiraw u ma jkomplux bl‑attakki qattiela tagħhom—Għammoron jordna lin‑Nefiti biex iċedu l‑armi tagħhom u jagħtu lilhom infushom f’idejn il‑Lamaniti. Madwar 63 Q.K.

1 U issa ġara li fil‑bidu tas‑sena disgħa u għoxrin tal‑imħallfin, Għammoron bagħat jgħid lil Moroni li xtaqu jagħmel skambju ta’ priġunieri.

2 U ġara li Moroni feraħ bil‑kbir bit‑talba li saritlu, għax hu kellu x‑xewqa li l‑provvisti li kienu qed jingħataw bħala għajnuna għall‑priġunieri Lamaniti jibdew jingħataw biex jgħinu lill‑poplu tiegħu; u kellu hu x‑xewqa wkoll li niesu jingħataw lura biex isaħħaħ l‑armata tiegħu.

3 Issa l‑Lamaniti kienu ħadu għandhom bosta nisa u tfal, u ma kien hemm l‑ebda mara jew l‑ebda tifel u tifla fost il‑priġunieri kollha ta’ Moroni, jew fost il‑priġunieri li kien ħa għandu Moroni; għalhekk Moroni ddeċieda li juża strataġemma biex jikseb lura kemm seta’ priġunieri Nefiti mingħand il‑Lamaniti.

4 Għalhekk huwa kiteb ittra, u bagħat lill‑qaddej biha għand Għammoron, l‑istess wieħed li kien ġab l‑ittra lil Moroni. Issa dan hu l‑kliem li huwa kiteb lil Għammoron, fejn qallu:

5 Ara, Għammoron, qed niktiblek xi ħaġa dwar dil‑gwerra li inti ddikjarajt kontra l‑poplu tiegħi, jew aħjar li ħuk iddikjara kontrihom, u li inti determinat li tibqa’ sejjer biha wara mewtu.

6 Ara, jien se ngħidlek xi ħaġa dwar il‑ġustizzja ta’ Alla, u x‑xabla tal‑għadab omnipotenti tiegħu, li se tibqa’ mdendla fuqek sakemm inti tindem u treġġa’ lura l‑armati tiegħek lejn artijietkom, jew lejn l‑art li tinsab f’idejkom, li hija l‑art ta’ Nefi.

7 Iva, jien ngħidlek dan kollu jekk inti kapaċi tagħtihom widen; iva, jiena ngħidlek dwar dak l‑infern tal‑biżà li hemm lest biex fih jilqa’ nies qattiela bħalek u bħalma kien ħuk, sakemm inti ma tindimx u ma tabbandunax l‑għanijiet qattiela tiegħek, u treġġa’ lura l‑armati tiegħek lejn artijietkom.

8 Iżda hekk kif int diġà ċħadt dawn il‑ħwejjeġ, u ħadtha kontra l‑poplu tal‑Mulej, b’hekk jien nistenna li inti terġa’ tagħmel l‑istess.

9 U issa ara, aħna ninsabu lesti biex naffrontawkom; iva, u jekk inti ma tabbandunax l‑għanijiet tiegħek, ara, inti tkun qed tistieden fuqek il‑korla ta’ dak Alla li intom ċħadtu, sewwasew sal‑qerda sħiħa tiegħek.

10 Iżda, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, l‑armati tagħna sejrin jaħbtu għalikom jekk intom ma tirtirawx, u dalwaqt tispiċċaw tintlaqtu mill‑mewt, għax aħna se nibqgħu nżommu f’idejna blietna u artijietna; iva, aħna se nibqgħu niddefendu t‑twemmin tagħna u l‑kawża ta’ Alla tagħna.

11 Iżda ara, jiena naħseb li għalxejn qed inkellmek dwar dan kollu; għax naħseb li inti bin l‑infern; għalhekk jien se nagħaq l‑ittra tiegħi billi ngħidlek li jien lest nagħmel skambju ta’ priġunieri biss bil‑kundizzjoni li għal kull priġunier wieħed inti teħles raġel flimkien ma’ martu u wliedu, u jekk inti lest li tagħmel dan, mela jiena lest li nagħmel l‑iskambju.

12 U ara, jekk inti ma tagħmilx dan, jiena niġi għalikom bl‑armati tiegħi; iva, u anke narma lin‑nisa tiegħi u lit‑tfal tiegħi, u niġi għalikom, u nibqa’ ġej warajkom sewwasew sa ma nidħol f’artkom, li hija l‑art tal‑ewwel wirt tagħna; iva, u jkun demm għal demm, iva, u ħajja għal ħajja; u jiena nibqa’ għaddej bl‑attakki tiegħi sewwasew sakemm intom tinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.

13 Ara, jiena mgħaddab bil‑kbir, u l‑istess il‑poplu tiegħi; intom ippruvajtu toqtluna, u kulma aħna ppruvajna nagħmlu kien li niddefendu ruħna. Iżda ara, jekk intom se tibqgħu tippruvaw teqirduna aħna nippruvaw neqirdu lilkom; iva, u nippruvaw nieħdu lura artna, l‑art tal‑ewwel wirt tagħna.

14 Issa se nagħlaq l‑ittra tiegħi. Jiena Moroni; jien il‑mexxej tal‑poplu Nefita.

15 Issa ġara li Għammoron, meta rċieva din l‑ittra, inkorla; u hu kiteb ittra oħra lil Moroni, u dan hu dak li huwa kiteb, fejn qal:

16 Jiena Għammoron, is‑sultan tal‑Lamaniti; jiena niġi ħu Għamalikja li lilu intom qtiltu. Ara, jiena se nara li intom tpattu għal demmu, iva, u jien se niġi għalikom bl‑armati tiegħi għax jien ma nibżax mit‑theddid tiegħek.

17 Għax ara, missirijietkom ma mxewx sewwa ma’ ħuthom, tant li huma ħadulhom id‑dritt li jiggvernaw meta kien id‑dritt tagħhom li jagħmlu dan.

18 U issa ara, jekk intom terħu minn idejkom l‑armi tagħkom, u tkunu lesti li titmexxew minn dawk li hu d‑dritt tagħhom li jiggvernaw, imbagħad jiena nordna lin‑nies tiegħi biex jerħu l‑armi minn idejhom u qatt aktar ma jidħlu fi gwerra.

19 Ara, inti għidt ħafna kliem ta’ theddid kontrija u kontra l‑poplu tiegħi; iżda ara, aħna ma nibżgħux mit‑theddid tiegħek.

20 Madankollu, huwa ta’ pjaċir għalija li nagħmel skambju ta’ priġunieri skont it‑talba tiegħek, ħalli nkun nista’ nippreserva l‑ikel tiegħi għas‑suldati tiegħi; u l‑gwerra li aħna se niddikjaraw se tkun waħda eterna, li jew se twassal biex lin‑Nefiti nġibuhom taħt il‑kontroll tagħna jew inkella se twassal biex neqirduhom minn fuq wiċċ l‑art darba għal dejjem.

21 U dwar dak Alla li int għidt li aħna ċħadna, ara, aħna dwaru ma nafu xejn; u lanqas intom; iżda jekk huwa verament jeżisti, nafu li probabbilment huwa għamel lilna kif huwa għamel lilkom.

22 U jekk verament jeżisti x‑xitan u l‑infern, ma taħsibx li lilek hemm se jibgħatek, biex tgħammar ma’ ħija li inti qtilt, u li inti tajt x’jifhem li huwa spiċċa f’post bħal dan? Iżda ara dawn il‑ħwejjeġ ma jfissru xejn.

23 Jiena Għammoron, li ġej min‑nisel ta’ Żoram, li missirijietkom ġegħluh joħroġ ’il barra minn Ġerusalemm.

24 U issa ara, jiena Lamanita mill‑aktar qalbieni; ara, din il‑gwerra qamet bħala tpattija għall‑ħażin tagħhom, u biex jiddefendu u jiksbu d‑dritt tagħhom li jiggvernaw, u jiena se nagħlaq l‑ittra tiegħi lil Moroni.