Skrittura
Alma 49


Kapitlu 49

L‑invażuri Lamaniti ma jirnexxilhomx jieħdu f’idejhom il‑bliet fortifikati ta’ Għammonija u Noè—Għamalikja jisħet lil Alla u jaħlef li jixrob demm Moroni—Ħelaman u ħutu jkomplu jsaħħu l‑Knisja. Madwar 72 Q.K.

1 U issa ġara li fil‑ħdax‑il xahar tas‑sena dsatax, fl‑għaxar jum tax‑xahar, l‑armati tal‑Lamaniti dehru resqin lejn l‑art ta’ Għammonija.

2 U araw, il‑belt reġat inbniet mill‑ġdid, u Moroni poġġa armata mal‑fruntieri tal‑belt, u madwarhom poġġew munzell ramel biex jipproteġihom mill‑vleġeġ u l‑ġebel tal‑Lamaniti; għax araw, huma kienu jiġġieldu permezz tal‑ġebel u l‑vleġeġ.

3 Araw, jien għidt li l‑belt ta’ Għammonija reġgħet inbniet mill‑ġdid. Jien ngħidilkom, iva, parti minnha reġgħet inbniet; u peress li darba l‑Lamaniti kienu qerduha minħabba l‑ħażen tal‑poplu, huma ħasbu li ma kienx se jkun diffiċli li jerġgħu jeħduha f’idejhom.

4 Iżda araw, kemm kien kbir id‑diżappunt tagħhom; għax araw, in‑Nefiti poġġew madwarhom munzell ramel, li tant kien għoli li kien kollu għalxejn li l‑Lamaniti jixħtulhom il‑ġebel u l‑vleġeġ, u lanqas setgħu jaħbtu għalihom sakemm huma ma jagħmlux dan mill‑post tad‑daħla.

5 Issa did‑darba l‑kap kmandanti tal‑Lamaniti baqgħu mistagħġbin bil‑kbir, minħabba l‑għerf tan‑Nefiti bil‑mod kif ħejjew il‑postijiet ta’ diviża tagħhom.

6 Issa l‑mexxejja tal‑Lamaniti bdew jassumu, minħabba l‑għadd kbir tagħhom, iva, huma bdew jassumu li huma seta’ jkollhom il‑privileġġ li jaħbtu għalihom kif kienu għamlu qabel; iva, u huma ħejjew lilhom infushom ukoll permezz tat‑tarki, u l‑pettorali; u ħejjew lilhom infushom ukoll permezz ta’ lbies tal‑ġild, iva, ilbies mill‑aktar oħxon biex jgħattu l‑ġisem għeri tagħhom.

7 U għax ħejjew irwieħhom huma bdew jassumu li kien se jkun faċli li huma jegħlbu lil ħuthom u jixħtuhom taħt il‑madmad tal‑jasar, jew li joqtluhom u jimmassakrawhom kif jogħġob lilhom.

8 Iżda araw, b’għaġeb kbir għalihom, huma kienu jinsabu lesti għalihom, b’mod li ħadd qatt ma kien ra qabel fost in‑nisel ta’ Leħi. Issa huma kienu jinsabu lesti għal‑Lamaniti, biex jiġġieldulhom skont kif jgħidilhom jagħmlu Moroni.

9 U ġara li l‑Lamaniti, jew l‑Għamalikjahiti, stagħġbu bil‑kbir għall‑mod kif huma ħejjew lilhom infushom għall‑gwerra.

10 Issa, kieku s‑sultan Għamalikja niżel mill‑art ta’ Nefi, bl‑armata tiegħu warajh, forsi kien jasal biex jordna lil‑Lamaniti biex jaħbtu għan‑Nefiti fil‑belt ta’ Għammonija; għax araw, demm niesu ma kien ifisser xejn għalih.

11 Iżda araw, Għamalikja nnifsu ma niżilx biex jiġġieled. U araw, il‑kap kmandanti tiegħu ma azzardawx jaħbtu għan‑Nefiti fil‑belt ta’ Għammonija, għax Moroni bidel il‑pjan li kellu għan‑Nefiti, tant li l‑Lamaniti spiċċaw iddiżappuntaw ruħhom minħabba l‑postijiet fejn kienu mistoħbija u ma setgħux jaħbtu għalihom.

12 Għalhekk huma rtiraw lejn ix‑xagħri, u qabdu l‑kamp tagħhom u mxew lejn l‑art ta’ Noè, għax bdew jassumu li hemm kien l‑aħjar post għalihom biex jaħbtu għan‑Nefiti.

13 Għax huma ma kinux jafu li Moroni kien iffortifika, jew bena fortizzi ta’ difiża, għal kull belt fl‑art kollha tal‑madwar; għalhekk huma baqgħu mexjin lejn l‑art ta’ Noè b’determinazzjoni kbira; iva, il‑kap kmandanti tagħhom marru quddiemhom u ħadu ġurament li kienu sejrin jeqirdu lill‑poplu ta’ dik il‑belt.

14 Iżda araw, b’għaġeb kbir għalihom, il‑belt ta’ Noè, li sa dakinhar kienet post dgħajjef, issa, grazzi għal Moroni, saret belt b’saħħitha, iva, tant li saret aktar b’saħħitha mill‑belt ta Għammonija.

15 U issa, araw, kemm kien għaref Moroni; għax hu kien jemmen li huma kienu se jinħakmu minn biża’ meta jaslu fil‑belt ta Għammonija; u peress li l‑belt ta’ Noè sa dakinhar kienet l‑aktar parti dgħajfa tal‑pajjiż, għalhekk huma kienu se jmorru biex jiġġieldu hemm; u kollox seħħ kif xtaq hu.

16 U araw, Moroni ħatar lil Leħi biex ikun kap kmandant fuq in‑nies ta’ dik il‑belt; u dan kien l‑istess Leħi li tqabad kontra l‑Lamaniti fil‑wied tan‑naħa tal‑lvant tax‑xmara Sidon.

17 U issa araw ġara li meta l‑Lamaniti sabu li l‑belt kienet taħt it‑tmexxija ta’ Leħi huma reġgħu bdew jaqtgħu qalbhom, għax kienu jibżgħu ferm minn Leħi; madankollu l‑kap kmandanti tagħhom ħalfu permezz ta’ ġurament li jattakkaw il‑belt; għalhekk lill‑armati ordnawlhom biex jibqgħu javvanzaw.

18 Issa araw, il‑Lamaniti ma kellhom l‑ebda mod ieħor kif setgħu jidħlu fil‑fortizzi ta’ difiża tagħhom ħlief li jidħlu mid‑daħla, minħabba l‑għoli tal‑ħajt tar‑ramel li kienu bnew, u l‑fond tal‑foss li kienu ħaffru mad‑dawra kollha, ħlief mad‑daħla.

19 U b’hekk in‑Nefiti kienu jinsabu lesti biex jeqirdu lil dawk kollha li jippruvaw jitilgħu mal‑ħitan tal‑forti biex jidħlu minn x’imkien ieħor, billi jixħtulhom il‑ġebel u l‑vleġeġ.

20 B’hekk huma kienu jinsabu lesti, iva, l‑aktar grupp ta’ rġiel b’saħħithom li kellhom, bix‑xwabel u l‑iżbandoli tagħhom, biex jidorbu lil dawk kollha li jippruvaw jidħlu fil‑post ta’ difiża tagħhom mill‑post tad‑daħla; u b’hekk huma kienu jinsabu lesti biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑Lamaniti.

21 U ġara li l‑kmandanti tal‑Lamaniti ħadu l‑armati tagħhom quddiem il‑post tad‑daħla, u bdew jiġġieldu man‑Nefiti, biex jidħlu fil‑post ta’ difiża tagħhom; iżda araw, minn ħin għall‑ieħor bdew jiġu mġiegħla jirtiraw, tant li huma spiċċaw biex inqatlu f’taqtigħa mill‑aktar kbira.

22 Issa meta huma raw li ma setgħux jaqbdu lin‑Nefiti taħt idejhom billi jidħlu mill‑passaġġ, huma bdew iħaffru l‑art biex jagħmlu munzell ramel ħalli jkunu jistgħu joħolqu passaġġ li minnu jgħaddu l‑armati tagħhom, biex huma jkollhom l‑istess vantaġġ biex jiġġieldu; iżda araw, f’dawn l‑attentati huma spiċċaw inqerdu permezz tal‑ġebel u l‑vleġeġ li bdew jinxteħtu fuqhom; u minflok mal‑fosos imtlew bir‑ramel tal‑art, partijiet minnhom spiċċaw imtlew bil‑mejtin u l‑midrubin tagħhom.

23 B’hekk in‑Nefiti setgħu jikkontrollaw kompletament lill‑għedewwa tagħhom; u l‑Lamaniti komplew jippruvaw jeqirdu lin‑Nefiti sakemm il‑kap kmandanti tagħhom inqatlu lkoll; iva, u kien hemm aktar minn elf Lamanita li sfaw maqtula; filwaqt li mill‑banda l‑oħra, lanqas Nefita wieħed ma nqatel.

24 Kien hemm madwar ħamsin li sfaw nidruba, li kienu esposti għall‑vleġeġ tal‑Lamaniti minn fejn kien hemm il‑passaġġ, iżda huma pproteġew lilhom infushom permezz tat‑tarki tagħhom, u l‑pettorali u l‑elmi tagħhom, tant li l‑ġrieħi li ġarrbu kienu fuq riġlejhom, li ħafna minnhom kienu mill‑aktar severi.

25 U ġara, li meta l‑Lamaniti raw li l‑kap kmandanti tagħhom inqatlu kollha huma ħarbu lejn ix‑xagħri. U ġara li huma reġgħu lura lejn l‑art ta’ Nefi, biex jgħarrfu lis‑sultan tagħhom, Għamalikja, li twieled Nefita, dwar it‑telfien kbir tagħhom.

26 U ġara li hu nkorla bil‑kbir għan‑nies tiegħu, għaliex ma rnexxilux iwettaq xewqtu li jsaltan fuq in‑Nefiti; hu ma rnexxilux jixħithom taħt il‑madmad tal‑jasar.

27 Iva, huwa nkorla bis‑sħiħ, u seħet lil Alla, kif ukoll lil Moroni, u ħalef permezz ta’ ġurament li kien sejjer jixroblu demmu; u dan għaliex Moroni obda l‑kmandamenti ta’ Alla fejn ħejja kollox b’mod tajjeb biex iħares lill‑poplu tiegħu.

28 U ġara li mill‑banda l‑oħra, in‑nies ta’ Nefi raddew ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom, minħabba l‑qawwa inkomparabbli tiegħu fejn ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom.

29 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

30 Iva, u kien hemm paċi kontinwa ssaltan fosthom, kif ukoll prosperità mill‑aktar kbira fil‑knisja minħabba li b’ħerqa kbira huma taw widen għall‑kelma ta’ Alla, li ġiet imxandra lilhom minn Ħelaman, u Xiblon, u Kurjantun, u Għammon u ħutu, iva, u minn dawk kollha li ġew ordnati permezz tal‑ordni mqaddsa ta’ Alla, u ġew mgħammdin għall‑indiema, u ġew mibgħuta biex ixandru l‑kelma fost il‑poplu.