Skrittura
Alma 2


Kapitlu 2

Amliċi jipprova jsir sultan iżda n‑nies jivvutaw kontrih—Is‑segwaċi tiegħu jagħmluh sultan—L‑Amliċiti jmorru għall‑gwerra kontra n‑Nefiti u jiġu megħluba—Il‑Lamaniti u l‑Amliċiti jingħaqdu flimkien u jiġu megħluba—Alma joqtol lil Amliċi. Madwar 87 Q.K.

1 U ġara li fil‑bidu tal‑ħames sena tas‑saltna tagħhom beda jkun hemm ċertu tilwim fost il‑poplu; għax kien hemm wieħed raġel, li kien jismu Amliċi, li kien mill‑aktar brikkun, iva, kien raġel għaref fejn jidħol l‑għerf tad‑dinja, u kien jagħmel parti mill‑ordni ta’ dak ir‑raġel li qatel lil Gidgħon permezz tax‑xabla, li ngħata l‑mewt skont il‑liġi—

2 Issa dan Amliċi rnexxielu, permezz tal‑qerq tiegħu, jiġbed ħafna nies warajh; tant li huma bdew isiru nies mill‑aktar setgħana; u bdew jaraw kif jagħmlu ħalli jgħinu lil Amliċi jilħaq sultan fuq il‑poplu.

3 Issa din kienet ħaġa tassew allarmanti għan‑nies tal‑knisja, kif ukoll għal dawk kollha li ma kinux ġew influwenzati mill‑persważjoni ta’ Amliċi; għax huma kienu jafu li skont il‑liġi tagħhom dawn il‑ħwejjeġ setgħu jitwettqu biss skont ir‑rieda tal‑poplu.

4 Għalhekk, li kieku kien possibbli li Amliċi jirbaħ skont ir‑rieda tal‑poplu, hu, li kien raġel ħażin, kien jispiċċa jċaħħadhom mid‑drittijiet u l‑privileġġi tagħhom bħala membri tal‑knisja; għax kien sewwasew l‑għan tiegħu li jeqred il‑knisja ta’ Alla.

5 U ġara li n‑nies inġabru flimkien madwar il‑pajjiż kollu, fi gruppi separati, kull bniedem skont kif kien jaħsibha, sew jekk kien favur u sew jekk kien kontra Amliċi, u huma spiċċaw jargumentaw bil‑kbir u jitlewmu b’tant stagħġib bejniethom.

6 U b’hekk huma nġabru flimkien biex jivvutaw dwar din il‑ħaġa; u huma poġġew il‑voti tagħhom quddiem l‑imħallfin.

7 U ġara li l‑poplu vvota kontra Amliċi, biex huwa ma jinħatarx sultan fuq il‑poplu.

8 Issa dan ġab ferħ kbir fi qlub dawk kollha li kienu kontrih; iżda Amliċi ħeġġeġ lil dawk li kienu favurih biex jeħduha kontra dawk li ma kinux favurih.

9 U ġara li huma nġabru flimkien, u ħatru lil Amliċi biex ikun is‑sultan tagħhom.

10 Issa meta Amliċi nħatar sultan fuqhom huwa ordnalhom sabiex jaqbdu l‑armi kontra ħuthom; u hu għamel dan biex ikun jista’ jġibhom taħt il‑kontroll tiegħu.

11 Issa n‑nies ta’ Amliċi kienu magħrufin bl‑isem ta’ Amliċi, u kienu jissejħu Amliċiti; u l‑bqija kienu jissejħu Nefiti, jew il‑poplu ta’ Alla.

12 Għalhekk in‑nies Nefiti kienu konxji mill‑intenzjoni tal‑Amliċiti, u għalhekk huma kienu jinsabu lesti li jaffrontawhom; iva, huma ramaw lilhom infushom bix‑xwabel, u bix‑ximitarri, u bil‑qwas, u bil‑vleġeġ, u bil‑ġebel, u bl‑iżbandoli, u b’kull xorta ta’ armi tal‑gwerra, ta’ kull għamla.

13 U b’dal‑mod huma kienu lesti biex jaffrontaw lill‑Amliċiti meta jiġu biex jaħbtu għalihom. U huma ħatru kmandanti, u kmandanti ogħla, u kap kmandanti, skont l‑għadd tagħhom.

14 U ġara li Amliċi rama lin‑nies tiegħu b’kull xorta ta’ armi tal‑gwerra ta’ kull għamla; u huwa ħatar ukoll ħakkiema u mexxejja fuq il‑poplu tiegħu, biex huma jmexxuhom fil‑gwerra kontra ħuthom.

15 U ġara li l‑Amliċiti waslu fuq l‑għolja Amniħu, li kienet fil‑lvant tax‑xmara Sidon, li kienet tgħaddi minn ħdejn l‑art ta’ Żaraħemla, u hemmhekk taw bidu għal gwerra kontra n‑Nefiti.

16 Issa Alma, li kien il‑prim imħallef u l‑gvernatur tal‑poplu ta’ Nefi, għalhekk huwa mar flimkien man‑nies tiegħu, iva, mal‑kmandanti, u l‑kap kmandanti, sewwasew quddiem l‑armati tiegħu, biex jiġġieled il‑battalja kontra l‑Amliċiti.

17 U huma bdew joqtlu lill‑Amliċiti fuq l‑għolja li kienet fil‑lvant ta’ Sidon. U l‑Amliċiti bdew jitqabdu man‑Nefiti b’saħħa kbira, tant li ħafna min‑Nefiti spiċċaw mixħutin mal‑art quddiem l‑Amliċiti.

18 Madankollu l‑Mulej saħħaħ idejn in‑Nefiti, hekk li huma spiċċaw biex qatlu bosta Amliċiti, u dawn spiċċaw jaħarbu minn quddiemhom.

19 U ġara li n‑Nefiti għaddew il‑jum kollu jsegwu lill‑Amliċiti, u huma spiċċaw biex qatlu ħafna minnhom, tant li l‑għadd ta’ Amliċiti maqtula kien jgħodd it‑tnax‑il elf, ħames mija, u tnejn u tletin ruħ; u l‑għadd ta’ Nefiti maqtula kien jgħodd is‑sitt elef, ħames mija u tnejn u sittin ruħ.

20 U ġara li meta ma kienx possibbli aktar li Alma jkompli jsegwi lill‑Amliċiti huwa talab lin‑nies tiegħu biex iwaqqfu t‑tined tagħhom fil‑wied ta’ Gidgħon, il‑wied li kien imsemmi għal Gidgħon li safa maqtul minn Neħor permezz tax‑xabla; u f’dan il‑wied in‑Nefiti waqqfu t‑tined tagħhom għal matul il‑lejl.

21 U Alma bagħat numru ta’ spiji wara l‑Amliċiti li kien għad baqa’, ħalli huwa jsir jaf dwar il‑pjanijiet u l‑konfoffi tagħhom, biex b’hekk huwa jkun jista’ jipproteġi lilu nnifsu minnhom, ħalli jkun jista’ jżomm lil niesu milli jinqerdu.

22 Issa, dawk li huwa bagħat biex josservaw il‑kamp tal‑Amliċiti kien jisimhom Żeram, Amnor, Manti, u Limħer; dawn kienu dawk li marru flimkien ma’ nieshom biex josservaw il‑kamp tal‑Amliċiti.

23 U ġara li l‑għada huma reġgħu ġew jiġru lura lejn il‑kamp tan‑Nefiti, mistagħġbin bil‑kbir, u maħkumin minn biża’ kbira, u bdew jgħidu:

24 Araw, aħna bdejna nsegwu l‑kamp tal‑Amliċiti, u bqajna mistagħġbin bil‑kbir għaliex fl‑art ta’ Minon, fin‑naħa ta’ fuq tal‑art ta’ Żaraħemla, fit‑triq li tagħti għall‑art ta’ Nefi, aħna rajna għadd kbir ta’ Lamaniti; u araw, l‑Amliċiti ngħaqdu magħhom;

25 U huma qegħdin jattakkaw lil ħutna f’dik l‑art; u dawn ħutna qed jaħarbu minn ħdejhom bil‑merħliet tagħhom, flimkien ma’ marthom u wliedhom, u jinsabu fi triqthom lejn il‑belt tagħna; u jekk m’aħniex se nħaffu se jispiċċaw jieħdu f’idejhom beltna, u missirijietna, u n‑nisa u t‑tfal tagħna se jispiċċaw jinqatlu.

26 U ġara li n‑nies ta’ Nefi qabdu t‑tined tagħhom, u telqu ’l barra mill‑wied ta’ Gidgħon lejn belthom, li kienet il‑belt ta’ Żaraħemla.

27 U araw, hekk kif huma kienu qegħdin jaqsmu x‑xmara Sidon, il‑Lamaniti u l‑Amliċiti, li kienu numerużi kważi daqs ir‑ramel tal‑baħar, ġew fuqhom biex jeqirduhom.

28 Madankollu, in‑Nefiti li kienu ġew imsaħħa permezz ta’ id il‑Mulej, u li lilu bdew jitolbu b’qawwa biex jeħlishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom, għalhekk, il‑Mulej sama’ talbhom, u tahom il‑qawwa, u l‑Lamaniti u l‑Amliċiti spiċċaw bdew jaqgħu mal‑art quddiemhom.

29 U ġara li Alma tqabad wiċċ imb wiċċ ma’ Amliċi permezz tax‑xabla; u huma bdew jiġġieldu bejniethom b’qawwa.

30 U ġara li Alma, li kien bniedem ta’ Alla, u li kien immexxi minn fidi mill‑aktar kbira, għajjat u qal: O Mulej, ikollok ħniena minni u nitolbok tipproteġini, biex jiena nkun nista’ nkun strument f’idejk biex insalva u nħares lil dan il‑poplu.

31 U meta Alma qal dan il‑kliem huwa reġa’ mar jitqabad ma’ Amliċi; u huwa kiseb aktar saħħa, tant li spiċċa qatel lil Amliċi permezz tax‑xabla.

32 U huwa mar jitqabad ukoll mas‑sultan tal‑Lamaniti; iżda s‑sultan tal‑Lamaniti ħarab minn quddiem Alma u bagħat l‑għassiesa tiegħu biex imorru jiġġieldu ma’ Alma.

33 Iżda Alma, flimkien mal‑għassiesa tiegħu, beda jitqabad mal‑għassiesa tas‑sultan tal‑Lamaniti sakemm spiċċa biex qatilhom u ġiegħelhom imorru lura minn fejn ġew.

34 U mbagħad huwa naddaf l‑art, jew aħjar ix‑xatt, li kien hemm fil‑punent tax‑xmara Sidon, billi xeħet l‑iġsma tal‑Lamaniti, li kienu ġew maqtula, fl‑ilmijiet ta’ Sidon, biex b’hekk niesu jkollhom il‑wisa’ minn fejn jgħaddu ħalli jmorru jitqabdu mal‑Lamaniti u l‑Amliċiti fin‑naħa tal‑punent tax‑xmara Sidon.

35 U ġara li hekk kif huma lkoll qasmu x‑xmara Sidon, il‑Lamaniti u l‑Amliċiti bdew jaħarbu minn quddiemhom, minkejja li huma kienu numerużi tant li ħadd ma seta’ jgħoddhom.

36 U huma ħarbu minn quddiem in‑Nefiti lejn in‑naħa tal‑punent u tat‑tramuntana tax‑xagħri, lejn in‑naħa l‑oħra tal‑fruntiera tal‑pajjiż; u n‑Nefiti komplew jimxu warajhom bil‑qawwa kollha tagħhom, u spiċċaw qatluhom.

37 Iva, huma sfaw attakkati minn kull naħa, u ġew maqtula u mġiegħla jirtiraw, sakemm huma spiċċaw imxerrdin man‑naħa tal‑punent, u tat‑tramuntana, sakemm waslu fix‑xagħri, li kien jissejjaħ Ermawnt; u din kienet il‑parti tax‑xagħri li kienet mimlija bhejjem selvaġġi u mġewħa.

38 U ġara li kienu ħafna li mietu fix‑xagħri kaġun tal‑ġrieħi li ġarrbu, u huma ġew mittiekla minn dawk il‑bhejjem kif ukoll mill‑isqra tal‑ajru; u nstab għadamhom, u ġie miġbur munzell fl‑art.