Skrittura
Alma 28


Kapitlu 28

Il‑Lamaniti jiġu megħluba f’battalja mill‑aktar kbira—Għexieren ta’ eluf jisfgħu maqtula—Il‑ħżiena ġew mgħoddija għal stat ta’ gwaj bla tmiem; il‑ġusti jiksbu ferħ bla tmiem. Madwar 77–76 Q.K.

1 U issa ġara li wara li n‑nies ta’ Għammon issetiljaw fl‑art ta’ Ġerson, fejn ġiet ukoll imwaqqfa knisja fl‑art ta’ Ġerson, u l‑armati tan‑Nefiti tpoġġew madwar l‑art ta’ Ġerson, iva, fil‑fruntieri kollha madwar l‑art ta’ Żaraħemla; araw l‑armati tal‑Lamaniti baqgħu jsegwu lil ħuthom fix‑xagħri.

2 U b’hekk faqqgħet battalja mill‑aktar kbira; iva, li bħalha fil‑fatt ħadd qatt ma kien ra fost il‑poplu kollu tal‑pajjiż minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm; iva, u għexieren ta’ eluf ta’ Lamaniti sfaw maqtula u mxerrdin.

3 Iva, u seħħ ukoll massakru mill‑aktar kbir fost il‑poplu ta’ Nefi; madankollu, il‑Lamaniti spiċċaw mkeċċijin u mxerrdin; u l‑poplu ta’ Nefi reġa’ lura għal darb’oħra f’artu.

4 U issa dan kien żmien li fih instema’ ħafna biki u tnehid madwar il‑pajjiż kollu, fost il‑poplu kollu ta’ Nefi—

5 Iva, l‑għajta tar‑romol jibku lil żwieġhom, kif ukoll tal‑missirijiet jibku lis‑subien tagħhom, u l‑bniet jibku lil ħuhom, iva, u l‑aħwa subien lill‑missier; u b’hekk l‑għajjat ta’ biki nstema’ kull fejn huma kienu, biki li huma bkew għal qrabathom li sfaw maqtula.

6 U issa bla dubju dan kien jum mill‑aktar ta’ niket; iva, żmien ta’ solennità, u żmien ta’ ħafna sawm u talb.

7 U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑ħmistax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi;

8 U dan hu r‑rakkont ta’ Għammon u ħutu, il‑vjaġġi tagħhom fl‑art ta’ Nefi, it‑tbatija tagħhom fil‑pajjiż, in‑niket tagħhom, u l‑hemm tagħhom, u l‑hena inkomprensibbli tagħhom, u l‑merħba u s‑sigurtà ta’ dawn l‑aħwa fl‑art ta’ Ġerson. U issa jalla l‑Mulej, il‑Feddej ta’ kull bniedem, ibierek ruħhom għal dejjem.

9 U dan hu r‑rakkont tal‑gwerer u t‑tilwim fost in‑Nefiti, kif ukoll tal‑gwerer bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti; u l‑ħmistax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin ġiet fi tmiemha.

10 U mill‑ewwel sena sal‑ħmistax‑il sena kien żmien li wassal għall‑qerda ta’ bosta eluf ta’ ħajjiet; iva, wassal għal xena orribbli ta’ tixrid ta’ demm.

11 U l‑iġsma ta’ bosta eluf jinsabu midfuna fl‑art, filwaqt li l‑iġsma ta’ bosta eluf jinsabu jitmermru fuq xulxin fuq wiċċ l‑art; iva, u bosta eluf jinsabu jibku t‑telfien ta’ qrabathom, għax għandhom verament għalfejn jibżgħu, skont il‑wegħdiet tal‑Mulej, li huma ġew mgħoddija għal stat ta’ gwaj bla tmiem.

12 Filwaqt li ħafna eluf ta’ oħrajn minkejja li bkew verament it‑telfien ta’ qrabathom, madankollu huma thennew u ferħu bil‑kbir fit‑tama, u anke fl‑għarfien, skont il‑wegħdiet tal‑Mulej, li huma ġew imqajmin biex jgħammru fuq il‑lemin ta’ Alla, fi stat ta’ ferħ bla tmiem.

13 U hekk naraw kemm hi kbira l‑inugwaljanza tal‑bniedem minħabba d‑dnub u t‑trasgressjoni, u l‑qawwa tax‑xitan, li tiġi permezz tal‑pjanijiet qarrieqa li huwa fassal biex jaqbad f’nasba qlub il‑bnedmin.

14 U hekk naraw is‑sejħa kbira lill‑bnedmin biex jaħdmu fl‑għelieqi tal‑Mulej; u naraw ir‑raġuni kbira tan‑niket, kif ukoll tal‑hena—niket minħabba l‑mewt u l‑qerda fost il‑bnedmin, u l‑hena minħabba d‑dawl ta’ Kristu li jwassal għall‑ħajja.