Skrittura
Alma 16


Kapitlu 16

Il‑Lamaniti jeqirdu lin‑nies ta’ Għammonija—Żoram imexxi lin‑Nefiti għal rebħa fuq il‑Lamaniti—Alma u Amuleki u ħafna oħrajn ixandru l‑kelma—Huma jgħallmu li wara l‑Qawmien tiegħu Kristu se jidher lin‑Nefiti. Madwar 81–77 Q.K.

1 U ġara fil‑ħdax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, fil‑ħames jum tat‑tieni xahar, wara li kienet ilha ssaltan paċi kbira fl‑art ta’ Żaraħemla, fejn għal numru ta’ snin ma kien hemm la gwerer u lanqas tilwim, sewwasew sal‑ħames jum tat‑tieni xahar fil‑ħdax‑il sena, bdiet tiġri l‑aħbar ta’ gwerra mal‑pajjiż kollu.

2 Għax araw, l‑armati tal‑Lamaniti daħlu min‑naħa tax‑xagħri, fil‑fruntieri tal‑pajjiż, sewwasew ġol‑belt ta’ Għammonija, u bdew joqtlu lin‑nies u jeqirdu l‑belt.

3 U issa ġara li qabel man‑Nefiti setgħu jiġbru flimkien armata kbira biżżejjed biex joħorġuhom ’il barra mill‑pajjiż, huma laħqu qerdu lin‑nies li kienu fil‑belt ta’ Għammonija, kif ukoll lil xi wħud li kienu fil‑fruntieri ta’ Noè, u ħadu oħrajn magħhom bħala lsira fix‑xagħri.

4 Issa ġara li n‑Nefiti kellhom ix‑xewqa li jieħdu lura lil dawk li ttieħdu bħala lsira fix‑xagħri.

5 Għalhekk, dak li kien inħatar bħala fizzjal fuq l‑armati tan‑Nefiti, (li kien jismu Żoram, u kellu żewġ subien, Leħi u Aħa)—issa dan Żoram u ż‑żewġ uliedu, għax kienu jafu li Alma kien il‑qassis il‑kbir fuq il‑knisja, u għax semgħu li hu kellu l‑ispirtu tal‑profezija, għalhekk huma marru għandu u xtaqu jkunu jafu mingħandu jekk il‑Mulej riedhomx imorru fix‑xagħri ifittxu lil ħuthom, li kienu ttieħdu fil‑jasar mil‑Lamaniti.

6 U ġara li Alma staqsa lill‑Mulej dwar dan. U Alma reġa’ lura u qalilhom: Araw, il‑Lamaniti sejrin jaqsmu x‑xmara Sidon fin‑naħa t’isfel tax‑xagħri, ’il fuq lejn il‑fruntieri tal‑art ta’ Manti. U araw għandkom tiltaqgħu magħhom hemmhekk, fin‑naħa tal‑lvant tax‑xmara Sidon, u hemm il‑Mulej se jagħtikom lura lil ħutkom li ttieħdu fil‑jasar mil‑Lamaniti.

7 U ġara li Żoram u wliedu qasmu għan‑naħa l‑oħra tax‑xmara Sidon, mal‑armati tagħhom, u għaddew minn mal‑fruntieri ta’ Manti għan‑naħa t’isfel tax‑xagħri, li kienet fil‑lvant tax‑xmara Sidon.

8 U huma fetħu attakk fuq l‑armati tal‑Lamaniti, u l‑Lamaniti spiċċaw inxterrdu u ġew mġiegħla jaħarbu lejn ix‑xagħri; u huma ħadu magħhom lil ħuthom li kienu ttieħdu fil‑jasar mil‑Lamaniti, u lanqas ruħ waħda ma kienet intilfet minn fost dawk li kienu ttieħdu fil‑jasar. U huma nġiebu lura minn ħuthom ħalli jkunu jistgħu jabitaw f’arthom.

9 U b’dal‑mod ġiet fi tmiemha l‑ħdax‑il sena tal‑imħallfin, fejn il‑Lamaniti ġew imkeċċija ’l barra mill‑pajjiż, u n‑nies ta’ Għammonija spiċċaw meqruda; iva, kull ħlejqa ħajja minn fost l‑Għammonijajiti spiċċat meqruda, u l‑istess il‑belt kbira tagħhom, li huma kienu qalu li Alla qatt ma seta’ jeqridha, minħabba l‑kobor tagħha.

10 Iżda araw, f’jum wieħed spiċċat ħerba; u l‑katavri spiċċaw imtertqa biċċiet mill‑klieb u l‑bhejjem selvaġġi tax‑xagħri.

11 Madankollu, wara bosta jiem l‑iġsma bla ħajja tagħhom spiċċaw munzell fl‑art u ġew mirduma taħt it‑trab. U issa tant kienet qawwija r‑riħa tagħhom li għal numru ta’ snin ħadd ma mar biex jieħu f’idu l‑art ta’ Għammonija. U kienet tissejjaħ il‑Ħerba tal‑Poplu ta’ Neħor; għax huma kienu tal‑istess twemmin ta’ Neħor, li kienu ġew maqtula; u artijiethom baqgħu ħerba.

12 U l‑Lamaniti ma reġgħux ġew biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti sal‑erbatax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi. U b’hekk għal tliet snin sħaħ il‑poplu ta’ Nefi esperjenza paċi kontinwa mal‑pajjiż kollu.

13 U Alma u Amuleki telqu jxandru l‑indiema fost il‑poplu fit‑tempji tagħhom, u fis‑santwarji tagħhom, kif ukoll fis‑sinagogi tagħhom, li kienu ġew mibnija kif kienu jibnu l‑Lhud.

14 U dawk kollha li kienu lesti jisimgħu kliemhom, magħhom huma qasmu l‑kelma ta’ Alla bla waqfien, mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

15 U Alma u Amuleki komplew għaddejjin b’dal‑mod, u l‑istess ħafna oħrajn li ġew magħżula għall‑ħidma, biex ixandru l‑kelma madwar il‑pajjiż kollu. U l‑knisja bdiet tiġi mwaqqfa mal‑pajjiż kollu, fir‑reġjuni kollha tal‑madwar, fost il‑poplu kollu tan‑Nefiti.

16 U ma kien hemm l‑ebda inugwaljanza bejniethom; il‑Mulej sawwab l‑Ispirtu tiegħu fuq wiċċ l‑art biex iħejji l‑imħuħ ta’ wlied il‑bnedmin, jew biex iħejji qlubhom ħalli jirċievu l‑kelma li għandha tiġi mgħallma fosthom fi żmien il‑miġja tiegħu—

17 Ħalli huma ma jirreżistux il‑kelma, u ma jkunux nies ta’ bla fidi, u jispiċċaw jinqerdu, iżda biex huma jkunu jistgħu jilqgħu l‑kelma bil‑ferħ, u bħal fergħa jiġu mlaqqma fid‑dielja vera, ħalli jkunu jistgħu jiksbu l‑mistrieħ tal‑Mulej Alla tagħhom.

18 Issa dawk il‑qassisin li marru fost il‑poplu bdew ixandru kontra kull gideb, u qerq, u għira, u ġlied, u malizzja, u tkasbir, u serq, ingannar, issakkeġġar, qtil, atti ta’ adulterju, u kull xorta ta’ żina, u bdew jiddikjaraw li dawn il‑ħwejjeġ m’għandhomx isiru—

19 U bdew ixandru dwar ħwejjeġ li se jiġu fis‑seħħ dalwaqt; iva, huma bdew ixandru dwar il‑miġja tal‑Iben t’Alla, dwar it‑tbatija u l‑mewt tiegħu, kif ukoll dwar il‑qawmien tal‑mejtin.

20 U ħafna min‑nies xtaqu jkunu jafu dwar il‑post fejn għandu jiġi Bin Alla; u huma ġew mgħallma li huwa kien se jidhrilhom wara l‑qawmien tiegħu; u n‑nies laqgħu dan b’ferħ kbir u hena liema bħalha.

21 U issa wara li l‑knisja ġiet imwaqqfa madwar il‑pajjiż kollu—wara li kisbet ir‑rebħa fuq ix‑xitan, u l‑kelma ta’ Alla ġiet imxandra fil‑purità tagħha fl‑art kollha, u l‑Mulej sawwab il‑barkiet tiegħu fuq il‑poplu—b’hekk ġiet fi tmiemha l‑erbatax il‑sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.