Skrittura
Alma 8


Kapitlu 8

Alma jxandar u jgħammed ġewwa Melek—Huwa ma jkunx milqugħ f’Għammoniha u jitlaq—Anġlu jordnalu biex imur lura u jħeġġeġ lin‑nies biex jindmu—Huwa jiġi milqugħ minn Amuleki, u t‑tnejn li huma jxandru f’Għammoniha. Madwar 82 Q.K.

1 U issa ġara li Alma reġa’ lura mill‑art ta’ Gidgħon, wara li għallem lin‑nies ta’ Gidgħon bosta ħwejjeġ li ma jistgħux jinkitbu, hu li waqqaf l‑ordni tal‑knisja, l‑istess kif kien għamel fl‑art ta’ Żaraħemla, iva, hu reġa’ lura f’daru ġewwa Żaraħemla biex jistrieħ mill‑ħidma li huwa wettaq.

2 U b’hekk ġiet fi tmiemha d‑disa’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

3 U ġara fil‑bidu tal‑għaxar sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, li Alma telaq minn hemm u rħielha lejn l‑art ta’ Melek, fuq in‑naħa tal‑punent tax‑xmara Sidon, fin‑naħa tal‑punent ħdejn il‑fruntier tax‑xagħri.

4 U hu beda jgħallem lin‑nies fl‑art ta’ Melek skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, li permezz tagħha huwa ġie msejjaħ; u hu beda jgħallem lin‑nies madwar l‑art ta’ Melek.

5 U ġara li n‑nies ġew għandu minn kull naħa tal‑fruntieri tal‑art li kienet ħdejn ix‑xatt tax‑xagħri. U huma ġew mgħammdin f’kull naħa tal‑pajjiż;

6 Għalhekk meta huwa temm il‑ħidma tiegħu f’Melek hu telaq minn hemm, u għamel tlett ijiem jivvjaġġa fin‑naħa tat‑tramuntana tal‑art ta’ Melek; u hu wasal f’belt li kien jisimha Għammoniha.

7 Issa kienet id‑drawwa tal‑poplu ta’ Nefi li jsemmu l‑artijiet tagħhom, u l‑bliet tagħhom, u l‑irħula tagħhom, iva, saħansitra kull raħal żgħir tagħhom, għal dak li ħadhom f’idejh l‑ewwel; u l‑istess ġara bl‑art ta’ Għammoniha.

8 U ġara li meta Alma wasal fil‑belt ta’ Għammoniha huwa beda jxandrilhom il‑kelma ta’ Alla.

9 Issa Satana ħakem bil‑kbir qlub in‑nies tal‑belt ta’ Għammoniha; għalhekk huma ma ridux jagħtu widen għall‑kliem ta’ Alma.

10 Madankollu Alma ħadem bil‑kbir fl‑ispirtu, fejn tqabad ma’ Alla fit‑talb qawwi tiegħu, biex huwa jsawwab l‑Ispirtu tiegħu fuq in‑nies li kienu fil‑belt; ħalli huwa jippermettilu wkoll li jgħammidhom għall‑indiema.

11 Madankollu, huma webbsu qalbhom, u qalulu: Ara, aħna nafu li inti Alma; u nafu li inti qassis il‑kbir fuq il‑knisja li inti waqqaft f’bosta nħawi tal‑pajjiż, skont id‑drawwiet tiegħek; u aħna ma nagħmlux parti mill‑knisja tiegħek, u ma nemmnux fi drawwiet bla sens bħal dawn.

12 U issa nafu li peress li aħna ma nagħmlux parti mill‑knisja tiegħek aħna nafu li int m’għandek l‑ebda setgħa fuqna; u inti għaddejt is‑siġġu tat‑tribunal lil Nefija; għalhekk inti m’intix il‑prim imħallef tagħna.

13 Issa meta n‑nies qalu dan, u opponew dak kollu li huwa qal, u għajjruh, u beżqu fuqu, u raw li huwa jitkeċċa ’l barra minn belthom, huwa telaq minn hemm u rħielha lejn il‑belt li kien jisimha Aron.

14 U ġara li waqt li kien sejjer ’l hemm, mgħobbi bin‑niket, u jesperjenza daqstant tbatija u diqa ta’ qalb, minħabba l‑ħażen tan‑nies li kienu fl‑belt ta’ Għammoniha, ġara li waqt li Alma kien mgħobbi bin‑niket, araw deherlu anġlu tal‑Mulej u qallu:

15 Imbierek inti, Alma; għalhekk, erfa’ rasek ’il fuq u thenna, għax int għandek verament għalxiex tithenna; għax inti kont fidil fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla miż‑żmien li fih inti rċevejt l‑ewwel messaġġ mingħandu. Ara, jiena hu dak li wassaltlek dak il‑messaġġ.

16 U ara, jiena ġejt mibgħut għandek biex inti terġa’ lura fil‑belt ta’ Għammoniha, u terġa’ xxandar għal darb’oħra lin‑nies tal‑belt; iva, mur u xandrilhom. Iva, għidilhom li jekk huma ma jindmux il‑Mulej Alla se jeqridhom.

17 Għax ara, bħalissa huma qed jagħmlu minn kollox ħalli jkunu jistgħu jeqirdu l‑libertà tal‑poplu tiegħek, (għax dan jgħid il‑Mulej) u dan imur kontra l‑liġijiet u d‑digrieti, u l‑kmandamenti li huwa ta lill‑poplu tiegħu.

18 Issa ġara li wara li Alma rċieva l‑messaġġ tiegħu mingħand l‑anġlu tal‑Mulej huwa fil‑pront reġa’ lura lejn l‑art ta’ Għammoniha. U hu daħal fil‑belt minn naħa oħra, iva, min‑naħa li tinsab fin‑nofsinhar tal‑belt ta’ Għammoniha.

19 U hekk kif daħal fil‑belt, qabdu l‑ġuħ u qal lil wieħed raġel: Inti lest tagħti lil dan il‑qaddej umli ta’ Alla xi ħaġa x’jiekol?

20 U r‑raġel wieġbu: Jiena Nefita, u naf li inti profeta qaddis ta’ Alla, għax inti r‑raġel li rrefera għalih l‑anġlu meta deherli, fejn qalli: Lilu għandek tilqa’. Għalhekk, ejja miegħi f’dari u jien naqsam l‑ikel tiegħi miegħek; u jien naf li inti se tkun ta’ barka għalija u għal dari.

21 U ġara li r‑raġel laqgħu f’daru; u r‑raġel kien jismu Amuleki; u hu mar ġab il‑ħobż u l‑laħam u poġġihom quddiem Alma.

22 U ġara li Alma kiel il‑ħobż u xaba’; u hu bierek lil Amuleki u lil daru, u radd ħajr lil Alla.

23 U wara li kiel u xaba’ huwa qal lil Amuleki: Jiena Alma, u jien il‑qassis il‑kbir tal‑knisja ta’ Alla mal‑pajjiż kollu.

24 U ara, jiena ġejt imsejjaħ biex inxandar il‑kelma ta’ Alla fost dan il‑poplu kollu, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u l‑profezija; u jien kont ninsab f’din l‑art u huma ma laqgħunix, iżda keċċewni ’l barra u jien kont għoddni se ndur lura u nħalli din l‑art darba għal dejjem.

25 Iżda ara, jiena ġejt ordnat biex nerġa’ lura u nħabbar lil dan il‑poplu, iva, u biex nixhed kontrihom u dwar ħżunithom.

26 U issa, Amuleki, għax inti tmajtni u daħħaltni f’darek, imbierek inti; għax jiena kont bil‑ġuħ, peress li kont ili sajjem għal bosta jiem.

27 U Alma baqa’ ma’ Amuleki għal bosta jiem qabel ma huwa beda jxandar lin‑nies.

28 U ġara li n‑nies kibru aktar u aktar fi ħżunithom.

29 U l‑kelma waslet għand Alma li tgħid: Mur; u għid ukoll lill‑qaddej tiegħi Amuleki, mur u ħabbar lil dan il‑poplu u għidilhom—Indmu, għax dan jgħid il‑Mulej, jekk intom ma tindmux jien se nżur lil dan il‑poplu fl‑għadab tiegħi; iva, u jiena ma nreġġax lura l‑qilla tiegħi.

30 U Alma mar qalb il‑poplu, u l‑istess Amuleki, biex ixandrilhom kliem Alla; u huma mtlew bl‑Ispirtu s‑Santu.

31 U huma ġew mogħtija qawwa, tant li ħadd ma seta’ jaqfilhom f’xi ċella; lanqas ma kien possibbli għal xi bniedem li joqtolhom; madankollu huma ma eżerċitawx il‑qawwa tagħhom ħlief meta huma ntrabtu bil‑ħbula u ġew mixħutin f’ħabs. Issa, dan seħħ biex il‑Mulej ikun jista’ juri l‑qawwa tiegħu permezz tagħhom.

32 U ġara li huma marru u bdew inxandru u jħabbru lill‑poplu, skont l‑ispirtu u l‑qawwa li tahom il‑Mulej.