Skrittura
Alma 59


Kapitlu 59

Moroni jitlob lil Paħoran biex isaħħaħ il‑forzi ta’ Ħelaman—Il‑Lamaniti jieħdu f’idejhom il‑belt ta’ Nefija—Moroni jinkorla għall‑gvern. Madwar 62 Q.K.

1 Issa ġara li fis‑sena tletin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, wara li Moroni rċieva u qara l‑ittra ta’ Ħelaman, huwa feraħ bil‑kbir għall‑ġid, iva, għas‑suċċess mill‑aktar kbir li kellu Ħelaman, fejn kiseb lura dawk l‑artijiet li kienu ntilfu.

2 Iva, u hu għarraf b’dan lill‑poplu kollu, li kien fl‑art kollha li kemm fil‑madwar tan‑naħa fejn kien hu, ħalli huma jifirħu wkoll.

3 U ġara li hu minnufih bagħat ittra lil Paħoran, fejn urieh bix‑xewqa li kellu li jiġbor flimkien numru ta’ rġiel biex isaħħaħ lil Ħelaman, jew aħjar l‑armati ta’ Ħelaman, biex b’hekk huwa jkun jista’ b’mod faċli jibqa’ jżomm f’idejh dik il‑parti tal‑pajjiż li b’mod mill‑aktar mirakoluż irnexxielu jerġa’ jikseb lura.

4 U ġara li meta Moroni bagħat din l‑ittra fl‑art ta’ Żaraħemla, huwa reġa’ beda jfassal pjan kif seta’ jikseb f’idejh il‑bqija ta’ dawk l‑artijiet u l‑bliet li l‑Lamaniti kienu ħadu mingħandhom.

5 U ġara li meta Moroni kien qed iħejji biex imur għall‑battalja kontra l‑Lamaniti, araw, in‑nies ta’ Nefija, li kienu nġabru flimkien mill‑belt ta’ Moroni u mill‑belt ta’ Leħi u mill‑belt ta’ Morjanton, sfaw attakkati mil‑Lamaniti.

6 Iva, anke dawk li ġew imġiegħla jaħarbu mill‑art ta’ Manti, u mill‑art tal‑madwar, spiċċaw biex ġew u ngħaqdu mal‑Lamaniti f’din in‑naħa tal‑pajjiż.

7 U peress li huma kienu mill‑aktar numerużi, iva, u minn jum għall‑ieħor bdew jirċievu aktar forza, b’ordni ta’ Għammoron huma ġew biex jaħbtu għan‑nies ta’ Nefija, u bdew joqtluhom fejn għamlu massakru sħiħ minnhom.

8 U l‑armati tagħhom tant kienu numerużi li l‑bqija tan‑nies ta’ Nefija ġew imġiegħla jaħarbu minn quddiemhom; u sewwasew huma ġew u ngħaqdu mal‑armata ta’ Moroni.

9 U issa peress li Moroni kien jemmen li kellhom jintbagħtu numru ta’ rġiel fil‑belt ta’ Nefija, biex jgħinu lin‑nies jibqgħu jżommu f’idejhom dik il‑belt, u għax kien jaf li kien aktar faċli li żżomm il‑belt milli taqa’ f’idejn il‑Lamaniti milli terġa’ teħodha lura mingħandhom, hu kien jaħseb li huma setgħu faċilment jibqgħu jżommu f’idejhom dik il‑belt.

10 Għalhekk huwa żamm il‑forzi kollha tiegħu biex jibqgħu jżommu taħt il‑kontroll tagħhom dawk il‑postijiet li huwa kiseb lura.

11 U issa, meta Moroni ra li kienu tilfu l‑belt ta’ Nefija huwa tnikket bil‑kbir, u bdew jiġuh ċerti dubji, minħabba l‑ħażen tan‑nies, jekk huma kinux se jispiċċaw jaqgħu f’idejn ħuthom.

12 Issa anke l‑kap kmandanti kollha tiegħu bdew jiddubitaw. Huma bdew jiddubitaw u baqgħu mistagħġbin ukoll minħabba l‑ħażen tan‑nies, u dan minħabba s‑suċċess li kellhom fuqhom il‑Lamaniti.

13 U ġara li Moroni beda jinkorla għall‑gvern, minħabba l‑indifferenza tagħhom fejn jidħol il‑ħelsien ta’ pajjiżhom.