Skrittura
Alma 14


Kapitlu 14

Alma u Amuleki jinxteħtu l‑ħabs u jiġu msawwta—Il‑fidili u l‑iskrittura mqaddsa tagħhom jinħarqu bin‑nar—Dawn il‑martri jintlaqgħu mill‑Mulej fil‑glorja—Il‑ħitan tal‑ħabs jitfarrku u jaqgħu—Alma u Amuleki jiġu meħlusin, u l‑persekuturi tagħhom jinqatlu. Madwar 82–81 Q.K.

1 U ġara li wara li huwa waqaf ikellem lin‑nies ħafna minnhom emmnu fi kliemu, u bdew jindmu, u jfittxu fl‑iskrittura.

2 Iżda l‑parti l‑kbira tagħhom kellhom ix‑xewqa li jaraw kif jistgħu jeqirdu lil Alma u lil Amuleki; għax huma mtlew bil‑korla għal Alma, minħabba s‑sempliċità tal‑kliem li qal lil Żeżrom; u huma qalu wkoll li Amuleki gidbilhom, u huwa żeblaħ il‑liġi tagħhom kif ukoll l‑avukati u l‑imħallfin tagħhom.

3 U huma mtlew bil‑korla wkoll għal Alma u Amuleki; u peress li xehdu bla tlaqliq kontra ħżunithom, huma raw kif setgħu jeħilsu minnhom bil‑moħbi.

4 Iżda ġara li huma m’għamlux dan; iżda qabduhom u rabtuhom bi ħbula b’saħħithom, u ħaduhom quddiem il‑prim imħallef tal‑pajjiż.

5 U n‑nies marru u xehdu kontrihom—xehdu li huma żebilħu l‑liġi, u l‑avukati u l‑imħallfin tal‑pajjiż tagħhom, kif ukoll lin‑nies kollha li kienu fil‑pajjiż; u li huma xehdu wkoll li kien hemm biss Alla wieħed, u li hu għandu jibgħat lil Ibnu fost in‑nies, iżda mhuwiex sejjer isalvahom; u ħafna ħwejjeġ bħal dawn in‑nies xehdu kontra Alma u Amuleki. Issa dan seħħ quddiem il‑prim imħallef tal‑pajjiż.

6 U ġara li Żeżrom baqa’ mistagħġeb bil‑kliem li ntqal; u hu kien konxju wkoll mill‑għama ta’ moħħ in‑nies li hu stess kien jaħti għaliha minħabba l‑gideb li kien qal; u hu beda jitturmenta ruħu għax beda jħossu konxju mill‑ħtija tiegħu; iva, hu beda jħossu qed jinħakem mill‑uġigħ tal‑infern.

7 U ġara li hu beda jxandar lin‑nies u jgħidilhom: Araw, il‑ħtija tiegħi, u dawn l‑irġiel huma bla tebgħa quddiem Alla. U minn dakinhar hu beda jiddefendihom; iżda huma bdew jgħajjruh u jgħidu: Anke inti ġejt maħkum mix‑xitan? U huma beżqu fuqu, u keċċewh ’il barra minn fosthom, u l‑istess għamlu lil dawk kollha li emmnu fil‑kliem li ntqal minn Alma u Amuleki; u huma keċċewhom ’il barra, u bagħtu xi rġiel biex iħaġġruhom.

8 U huma ġabru lil marthom u lil uliehom flimkien, u taw ordni biex dawk kollha li emmnu jew ġew mgħallmin biex jemmnu fil‑kelma ta’ Alla kellhom jinxteħtu fin‑nar; u huma ġabu wkoll l‑annali tagħhom li kien fihom l‑iskrittura mqaddsa, u xeħtuhom fin‑nar ukoll, ħalli jkunu jistgħu jinħarqu u jinqerdu permezz tan‑nar.

9 U ġara li huma qabdu lil Alma u lil Amuleki, u ħaduhom sal‑post tal‑martirju, biex huma jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom il‑qerda ta’ dawk li kienu qegħdin jinħarqu bin‑nar.

10 U meta Amuleki beda jara l‑uġigħ li bdew iħossu n‑nisa u t‑tfal li kienu qed jinħarqu fin‑nar, huwa wkoll ħassu tturmentat; u hu qal lil Alma: Kif jista’ jkun nibqgħu nħarsu lejn din ix‑xena orribbli? Għalhekk ejja mmeddu jdejna, u neżerċitaw il‑qawwa ta’ Alla li tinsab fina, u nsalvawhom mill‑ilsna tan‑nar.

11 Iżda Alma qallu: L‑Ispirtu jżommni milli mmedd idi; għax ara l‑Mulej jilqagħhom għandu, fil‑glorja; u hu jippermetti li huma jagħmlu hekk, jew aħjar li n‑nies jagħmlulhom hekk, skont l‑ebusija ta’ qalbhom, ħalli l‑ħaqq li huwa se jagħmel minnhom fl‑għadab tiegħu jkun wieħed ġust; u d‑demm tal‑innoċenti għad ikun ta’ xhieda kontrihom, iva, u għad jgħajjat bil‑qawwa kontrihom fl‑aħħar jum.

12 Issa Amuleki qal lil Alma: Ara, hemm ċans li jaħarqu lilna wkoll.

13 U Alma qallu: Iseħħ skont ir‑rieda tal‑Mulej. Iżda, ara, il‑ħidma tagħna għadha ma ntemmitx; għalhekk mhumiex se jaħarquna.

14 Issa ġara li meta l‑iġsma ta’ dawk li ġew mixħutin fin‑nar spiċċaw inqerdu, u l‑istess l‑annali li ġew mixħutin magħhom, il‑prim imħallef tal‑pajjiż ġie u waqaf quddiem Alma u Amuleki, waqt li kienu marbutin; u xejrilhom daqqa ta’ ħarta, u qalilhom: Wara dak kollu li rajtu b’għajnejkom, intom sejrin terġgħu xxandru lil dawn in‑nies, li huma għad jinxteħtu f’belliegħa ta’ nar u kubrit?

15 Qed taraw li intom ma kellkom l‑ebda qawwa biex issalvaw lil dawk li nxteħtu fin‑nar; lanqas Alla ma salvahom għaliex kienu tal‑istess twemmin tagħkom. U l‑imħallef reġa’ xejrilhom daqqa ta’ ħarta, u staqsiehom: Xi tgħidu għalikom infuskom?

16 Issa dan l‑imħallef kien tal‑istess ordni u twemmin ta’ Neħor, li qatel lil Gidgħon.

17 U ġara li Alma u Amuleki ma weġbuh xejn; u hu reġa’ xejrilhom daqqa ta’ ħarta, u għaddihom f’idejn l‑uffiċjali biex jixħtuhom fil‑ħabs.

18 U wara li kienu ilhom tlett ijiem li nxteħtu l‑ħabs, ġew ħdejhom bosta avukati, u mħallfin, u qassisin, u għalliema, li kienu tal‑istess twemmin ta’ Neħor; u daħlu fil‑ħabs biex jarawhom, u huma interrogawhom dwar ħafna minn kliemhom; iżda ħallewhom bla tweġiba.

19 U ġara li l‑imħallef waqaf quddiemhom, u qal: Għalfejn ma tridux twieġbu għall‑kliem ta’ dawn in‑nies? Ma tafux li jien għandi s‑setgħa li nibgħatkom ġo l‑ilsna tan‑nar? U hu ordnalhom biex jitkellmu; iżda ħallewh bla tweġiba.

20 U ġara li huma telqu minn hemm; iżda l‑għada reġgħu ġew lura; u l‑imħallef reġa’ xejrilhom daqqa ta’ ħarta. U ġew ukoll bosta oħrajn, u tawhom bil‑ħarta u qalulhom: Intom se terġgħu tieqfu u tiġġudikaw lil dan il‑poplu, u tikkundannaw il‑liġi tagħna? Jekk għandkom daqstant qawwa għalfejn ma teħilsux lilkom infuskom?

21 U huma qalulhom bosta ħwejjeġ bħal dawn, u bdew jgħażżu snienhom lejhom, u jobżqu fuqhom, u jgħidu: Kif se nkunu nidhru wara li niġu kkundannati?

22 U ħafna ħwejjeġ bħal dawn, iva, kull xorta ta’ ħwejjeġ bħal dawn bdew jgħidulhom; u b’dal‑mod baqgħu jiddieħku bihom għal bosta jiem. U huma ħallewhom mingħajr ikel biex forsi jaqbadhom il‑ġuħ, u mingħajr ilma biex forsi jaqbadhom l‑għatx; u ħadulhom ukoll ilbieshom fejn spiċċaw għerja; u mbagħad rabtuhom bi ħbula b’saħħithom u xeħtuhom f’ħabs.

23 U ġara li wara li kienu ilhom isofru hemmhekk għal bosta jiem, (u kien it‑tnax‑il jum, fl‑għaxar xahar, fl‑għaxar sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi) il‑prim imħallef fuq l‑art ta’ Għammoniha u bosta mill‑għalliema u mill‑avukati tagħhom marru ġewwa l‑ħabs fejn kien hemm Alma u Amuleki marbutin bil‑ħbula.

24 U l‑prim imħallef waqaf quddiemhom, u reġa’ tahom daqqa ta’ ħarta u qalilhom: Jekk għandkom il‑qawwa ta’ Alla eħilsu lilkom infuskom minn dan l‑irbit, u mbagħad naslu biex nemmnu li l‑Mulej sejjer jeqred lil dan il‑poplu skont kliemkom.

25 U ġara li huma marru lkoll u bdew jagħtuhom bil‑ħarta, u jgħidulhom l‑istess kliem, sal‑aħħar wieħed fosthom; u kif kellimhom l‑aħħar wieħed il‑qawwa ta’ Alla niżlet fuq Alma u Amuleki, u huma qamu u waqfu fuq riġlejhom.

26 U Alma għajjat u qal: Kemm se ndumu nissaportu din it‑tbatija kollha, O Mulej? O Mulej, agħtina l‑qawwa skont il‑fidi tagħna li tinsab fik, biex aħna niksbu l‑ħelsien. U huma qattgħu l‑ħbula li bihom kienu marbutin; u meta n‑nies raw dan, bdew jaħarbu, għax beżgħu li kienu se jinqerdu.

27 U ġara li huma tant bdew jibżgħu li waqgħu mal‑art, u ma laħqux waslu sal‑bieb ta’ barra tal‑ħabs; u l‑art theżhżet b’qawwa, u l‑ħitan tal‑ħabs inqasmu fi tnejn u kkrollaw; u l‑prim imħallef, u l‑avukati, u l‑qassisin, u l‑għalliema, li bdew jagħtu bil‑ħarta lil Alma u Amuleki spiċċaw mietu mirduma taħt il‑bini li waqa’.

28 U Alma u Amuleki ħarġu ’l barra mill‑ħabs, qawwijin u sħaħ; għax il‑Mulej tahom il‑qawwa, skont il‑fidi tagħhom li kienet fi Kristu. U huma ħarġu malajr mill‑ħabs; ħielsa mill‑irbit tal‑ħbula; u l‑bini tal‑ħabs ikkrolla, u kull min kien jinsab bejn il‑ħitan tiegħu, ħlief għal Alma u Amuleki, spiċċa nqatel; u huma waslu malajr fil‑belt.

29 Issa n‑nies peress li semgħu ħoss kbir spiċċaw jiġru lkoll f’miġemgħa ħalli jsiru jafu x’kien ġara; u meta huma raw lil Alma u Amuleki ħerġin mill‑ħabs, u raw li l‑ħitan tiegħu kkrollaw, inħakmu minn biża’ kbira, u ħarbu minn ħdejn Alma u Amuleki kif mogħża taħrab bil‑frieħ tagħha minn quddiem żewġt iljuni; u b’dal‑mod huma ħarbu minn ħdejn Alma u Amuleki.