Skrittura
Alma 21


Rakkont tal‑predikazzjoni ta’ Aron, u ta’ Muloki, u ta’ ħuthom fost il‑Lamaniti.

Jikkonsisti minn kapitlu 21 sa 25.

Kapitlu 21

Aron jgħallem lill‑Għamalekin dwar Kristu u l‑Espjazzjoni tiegħu—Aron u ħutu jintefgħu l‑ħabs f’Middoni—Wara l‑ħelsien tagħhom, huma jgħallmu fis‑sinagogi u jikkonvertu lil ħafna—Lamoni jagħti l‑libertà reliġjuża lin‑nies fl‑art ta’ Ismagħel. Madwar 90–77 Q.K.

1 Issa meta Għammon u ħutu nfirdu minn xulxin fil‑fruntieri tal‑art tal‑Lamaniti, araw Aron irħielha lejn l‑art li l‑Lamaniti semmewha, Ġerusalemm, li semmewha għal art twelid missirijiethom; u kienet ’il bogħod mal‑fruntiera ta’ Mormon.

2 Issa l‑Lamaniti u l‑Għamalekin u l‑poplu ta’ Amulon kienu bnew belt kbira, li semmewha Ġerusalemm.

3 Issa l‑Lamaniti nfushom kienu nies rashom iebsa mhux ħażin, iżda l‑Għamalekin u l‑Amuloniti kienu ta’ ras iebsa aktar minnhom; għalhekk huma wasslu lil‑Lamaniti biex iwebbsu qalbhom, biex jikbru sew fil‑ħażen u fl‑għemejjel mistkerrha tagħhom.

4 U ġara li Aron wasal fil‑belt ta’ Ġerusalemm, fejn għall‑ewwel beda jxandar lill‑Għamalekin. U hu beda jxandar lil dawk li kienu fis‑sinagogi, għax huma kienu bnew sinagogi skont l‑ordni tal‑poplu ta’ Neħor; għax ħafna mill‑Għamalekin u l‑Amuloniti kienu skont l‑ordni tal‑poplu ta’ Neħor.

5 Għalhekk, hekk kif Aron daħal f’waħda mis‑sinagogi tagħhom biex ixandar lin‑nies, u hekk kif kien qed ikellimhom, araw qam wieħed Għamalekita u beda jeħodha miegħu u jgħid: Inti dwar xiex bdejt tixhed? Inti rajt xi anġlu? Għalfejn lilna ma jidhrulniex l‑anġli? Jaqaw dan il‑poplu mhuwiex tajjeb daqs il‑poplu tiegħek?

6 Inti tgħid ukoll, jekk aħna ma nindmux aħna sejrin ninqerdu. Inti kif taf x’inhuma l‑ħsibijiet u l‑intenzjoni ta’ qalbna? Inti kif taf li aħna għandna għalfejn nindmu? Inti kif taf li aħna m’aħniex poplu ġust? Ara, aħna bnejna santwarji, u aħna ninġabru flimkien biex inqimu ’l Alla. Aħna nemmnu li Alla se jsalva lill‑bnedmin kollha.

7 Issa Aron qallu: Temmnu intom li Bin Alla għandu jiġi biex jifdi lill‑bnedmin minn dnubiethom?

8 U r‑raġel wieġbu: Aħna ma nemmnux li inti taf ħwejjeġ bħal dawn. Aħna ma nemmnux f’dawn id‑drawwiet bla sens. Aħna ma nemmnux li inti taf dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu, lanqas ma nemmnu li missirijietek kif ukoll missirijietna kienu jafu dwar il‑ħwejjeġ li tkellmu dwarhom, dwar dak li għad irid iseħħ.

9 Issa Aron qabad ifehemhom l‑iskrittura dwar il‑miġja ta’ Kristu, kif ukoll dwar il‑qawmien tal‑mejtin, u li ma seta’ jkun hemm l‑ebda fidwa għall‑umanità jekk mhux permezz tal‑mewt u t‑tbatija ta’ Kristu, u l‑espjazzjoni ta’ demmu.

10 U ġara li hekk kif beda jispjegalhom dawn il‑ħwejjeġ huma ħaduha kontrih, u bdew iwaqqgħuh għaċ‑ċajt; u ma ridux jisimgħu dak li beda jgħid.

11 Għalhekk meta ra li huma ma ridux jisimgħu kliemu, huwa ħareġ ’il barra mis‑sinagoga tagħhom, u rħielha lejn raħal li kien jismu Ani‑Anti, u hemm sab lil Muloki jxandrilhom il‑kelma; u kien hemm ukoll Amma u ħutu. U kienu ħafna li magħhom iddiskutew il‑kelma.

12 U ġara li huma raw li n‑nies bdew iwebbsu qalbhom, għalhekk huma telqu minn hemm u rħewlha lejn l‑art ta’ Middoni. U huma xandru l‑kelma lil ħafna nies, u ftit kienu li emmnu l‑kliem li huma għallmu.

13 Madankollu, Aron u xi wħud minn ħutu ttieħdu u nxteħtu f’ħabs, u l‑bqija ħarbu ’l barra mill‑art ta’ Middoni lejn l‑inħawi tal‑madwar.

14 U dawk li ġew mixħutin il‑ħabs għaddew minn ħafna tbatija, u ġew meħlusa minn Lamoni u Għammon, li temgħuhom u libbsuhom.

15 U huma reġgħu marru biex ixandru l‑kelma, u hekk huma ġew meħlusa għall‑ewwel darba mill‑ħabs; u hekk huma batew.

16 U huma marru kulfejn ġew immexxija mill‑Ispirtu tal‑Mulej, ixandru l‑kelma ta’ Alla f’kull sinagoga tal‑Għamalekin, jew f’kull laqgħa tal‑Lamaniti li fiha tħallew jidħlu.

17 U ġara li l‑Mulej beda jberikhom, tant li wasslu lil bosta għall‑għarfien tal‑verità; iva, huma kkonvinċew lil ħafna dwar dnubiethom, u dwar id‑drawwiet ta’ missirijiethom, li ma kinux korretti.

18 U ġara li Għammon u Lamoni reġgħu lura mill‑art ta’ Middoni lejn l‑art ta’ Ismagħel, li kienet l‑art ta’ wirthom.

19 U s‑sultan Lamoni ma riedx li Għammon ikun dak li jaqdih, jew il‑qaddej tiegħu.

20 Iżda huwa ordna li kellhom jinbnew sinagogi fl‑art ta’ Ismagħel; u ordna li n‑nies tiegħu, jew in‑nies li kienu taħt is‑saltna tiegħu, kellhom jinġabru flimkien.

21 U huwa feraħ ħafna minħabba fihom, u għallimhom bosta ħwejjeġ. U bla tlaqliq huwa ħabbrilhom li bħala nies huma kienu taħt is‑setgħa tiegħu, u li huma kienu poplu ħieles, li kienu ħielsa mill‑oppressjoni tas‑sultan, missieru; għax missieru tah id‑dritt li hu seta’ jsaltan fuq in‑nies li kienu fl‑art ta’ Ismagħel, u fl‑art kollha tal‑madwar.

22 U hu ħabbrilhom ukoll li huma seta’ jkollhom il‑libertà li jqimu lill‑Mulej Alla tagħhom skont xewqathom, f’kull post li kienu fih, jekk kien jinsab fl‑art li kienet taħt is‑saltna tas‑sultan Lamoni.

23 U Għammon xandar lin‑nies tas‑sultan Lamoni; u ġara li hu għallimhom kull ħaġa li għandha x’taqsam mas‑sewwa. U kuljum lilhom ħeġġeġ b’ħerqa kbira; u huma taw widen għal kliemu, u kienu jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla b’ħeġġa kbira.