Skrittura
Alma 29


Kapitlu 29

Alma jixtieq ixandar l‑indiema b’ħeġġa tal‑anġli—Il‑Mulej jagħti għalliema lill‑ġnus kollha—Alma jeżulta fil‑ħidma tal‑Mulej u fis‑suċċess ta’ Għammon u ħutu. Madwar 76 Q.K.

1 O li kieku jiena kont anġlu, u nkun nista’ naqta’ x‑xewqa ta’ qalbi, li mmur u nitkellem bit‑tromba ta’ Alla, b’leħen li jriegħed lid‑dinja, u nxandar l‑indiema lill‑popli kollha!

2 Iva, inxandar lil kull ruħ, b’leħen iriegħed, l‑indiema u l‑pjan tal‑fidwa, li huma għandhom jindmu u jersqu lejn Alla tagħna, ħalli ma jkunx hawn aktar niket fuq wiċċ l‑art kollha.

3 Iżda araw, jiena bniedem, u f’xewqti jiena nidneb; għax jien għandi nkun kuntent bil‑ħwejjeġ li l‑Mulej tani.

4 M’għandix jiena fix‑xewqat tiegħi nfixkel id‑digriet finali ta’ Alla ġust, għax naf li huwa jagħti lill‑bnedmin skont xewqathom, kemm jekk iwasslu għall‑mewt u kemm jekk għall‑ħajja; iva, jiena naf li huwa jagħti lill‑bnedmin, iva, ixandrilhom digrieti li ma jinbidlux, skont ir‑rieda tagħhom, kemm jekk twassal għas‑salvazzjoni u kemm jekk għall‑qerda.

5 Iva, u naf li t‑tajjeb u l‑ħażin huma disponibbli għall‑bnedmin kollha; dak li ma jagħrafx it‑tajjeb mill‑ħażin huwa bla ħtija; iżda dak li jagħraf it‑tajjeb mill‑ħażin, jingħatalu skont xewqatu, jekk jixtieqx it‑tajjeb jew il‑ħażin, il‑ħajja jew il‑mewt, l‑hena jew ir‑rimors tal‑kuxjenza.

6 Issa, jien li naf dawn il‑ħwejjeġ, għalfejn għandi nixtieq xi ħaġa aktar milli jiena nwettaq il‑ħidma li għaliha ġejt imsejjaħ?

7 Għalfejn għandi nixtieq li kont anġlu, li nista’ nitkellem mat‑truf kollha tal‑art?

8 Għax araw, il‑Mulej jippermetti lill‑ġnus kollha, permezz ta’ ġenshom u permezz ta’ lsienhom, li jgħallmu kelmtu b’għaqal, iva, dak kollu li jara li huma għandu jkollhom; għalhekk naraw li l‑Mulej imexxihom b’għaqal, skont dak li hu ġusti u veru.

9 Jiena naf x’ordnali l‑Mulej, u jien niftaħar b’dan. Jien ma niftaħarx bija nnifsi, iżda niftaħar b’dak li l‑Mulej ordnali; iva, u din hija l‑foħrija tiegħi, li forsi nkun nista’ nkun strument f’idejn Alla biex inwassal lil xi ruħ għall‑indiema; u din hija l‑hena tiegħi.

10 U araw, meta jien nara lil ħafna minn ħuti jindmu verament, u jersqu lejn il‑Mulej Alla tagħhom, hemmhekk ruħi timtela bil‑hena; hemmhekk jiena niftakar f’dak li l‑Mulej għamel miegħi, iva, sewwasew li huwa sema’ talbi; iva, hemmhekk niftakar fid‑driegħ tal‑ħniena tiegħu li huwa estenda lejja.

11 Iva, u niftakar ukoll fil‑jasar ta’ missirijieti; għax naf mingħajr l‑iċken dubju li lilhom il‑Mulej ħeles mill‑jasar, u b’dal‑mod huwa waqqaf il‑knisja tiegħu; iva, il‑Mulej Alla, l‑Alla ta’ Abraham, l‑Alla ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb, lilhom ħeles mill‑jasar.

12 Iva, jiena dejjem ftakart fil‑jasar ta’ missirijieti; u dak l‑istess Alla li ħelishom minn idejn l‑Eġizzjani ħelishom mill‑jasar.

13 Iva, u dak l‑istess Alla waqqaf fosthom il‑knisja tiegħu; iva, u dak l‑istess Alla sejjaħli permezz ta’ sejħa qaddisa, biex inxandar il‑kelma lil dan il‑poplu, u wassalni biex ikolli ħafna suċċess, u dan lili mlieni b’hena kbira.

14 Iżda l‑hena tiegħi mhijiex biss minħabba s‑suċċess tiegħi, iżda l‑aktar li qed inħossni mimli hena huwa minħabba s‑suċċess ta’ ħuti, li telgħu fl‑art ta’ Nefi.

15 Araw, huma ħadmu bla heda, u pproduċew ħafna frott; u kemm se jkun kbir ħlashom!

16 Issa, meta jiena naħseb dwar is‑suċċess ta’ dawn ħuti, inħoss ruħi bħallikieku qed tinġarr, sakemm hija tinfired minn ġismi, daqshekk hi kbira l‑hena tiegħi.

17 U issa jalla Alla jippermetti li dawn, ħuti, ikunu jistgħu jpoġġu bilqiegħda fis‑saltna ta’ Alla; iva, u l‑istess dawk kollha li huma l‑frott ta’ ħidmiethom u li huma qatt ma joħorġu minnha, iżda jibqgħu jfaħħru lilu għal dejjem. U jalla Alla jippermetti li jseħħ skont kliemi, sewwasew kif iddikjarajt jiena. Ammen.