Skrittura
Alma 3


Kapitlu 3

L‑Amliċiti mmarkaw lilhom infushom skont il‑kelma profetika—Il‑Lamaniti ġew misħutin minħabba r‑ribelljoni tagħhom—Il‑bnedmin iġibu s‑saħta fuqhom infushom—In‑Nefiti jegħlbu armata oħra Lamanita. Madwar 87–86 Q.K.

1 U ġara li n‑Nefiti li ma nqatlux bl‑armi tal‑gwerra, wara li difnu lil dawk li ġew maqtula—issa n‑numru ta’ dawk li ġew maqtula ma ġiex magħdud, minħabba n‑numru daqstant kbir tagħhom—wara li spiċċaw jidfnu lill‑mejtin tagħhom reġgħu lura lkoll lejn l‑artijiet tagħhom, lejn djarhom, u lejn marthom, u wliedhom.

2 Issa bosta nisa u tfal ġew maqtula bix‑xabla, u l‑istess ħafna mill‑merħliet tagħhom u l‑baqar tagħhom; u ħafna mill‑għelieqi tal‑qamħ tagħhom ġew meqruda, għaliex spiċċaw mgħaffġa mill‑għadd kbir ta’ nies.

3 U issa l‑Lamaniti u l‑Amliċiti kollha li nqatlu max‑xatt tax‑xmara Sidon ġew mitfugħin fl‑ilmijiet ta’ Sidon; u araw għadamhom jinsab f’qiegħ il‑baħar, u l‑għadd tagħhom huwa kbir.

4 U l‑Amliċiti kienu jingħarfu min‑Nefiti, għax huma mmarkaw ġbinhom bl‑aħmar kif għamlu l‑Lamaniti; madankollu huma ma qaxxrux rashom bħal‑Lamaniti.

5 Issa l‑Lamaniti kellhom rashom imqaxxra; u huma kienu għarwenin, ħlief għal ħżiem tal‑ġild li kellhom madwar qaddhom, u l‑armatura tagħhom, li kienet marbuta ma’ qaddhom, u l‑qwas tagħhom, u l‑vleġeġ tagħhom, u l‑ġebel tagħhom, u l‑iżbandoli tagħhom, u aktar.

6 U l‑Lamaniti kellhom ġilda skura, skont il‑marka li tpoġġiet fuq missirijiethom, li kienet saħta fuqhom minħabba d‑diżubbidjenza tagħhom u minħabba li huma qamu kontra ħuthom, illi kienu Nefi, Ġakobb, u Ġużeppi, u Sam, li kienu nies ġusti u qaddisa.

7 U ħuthom raw kif jeqirduhom, għalhekk huma ġew misħutin; u l‑Mulej Alla poġġa fuqhom marka, iva, fuq Laman u Lemwel, kif ukoll fuq is‑subien ta’ Ismagħel, u fuq in‑nisa Ismagħelin.

8 U dan seħħ biex nisilhom ikun jista’ jingħaraf minn nisel ħuthom, biex b’hekk il‑Mulej Alla jkun jista’ jippreserva l‑poplu tiegħu, ħalli huma ma jitħalltux u jispiċċaw jemmnu fi tradizzjonijiet żbaljati li jwassluhom għall‑qerda tagħhom.

9 U ġara li kull min ħallat iż‑żerriegħa tiegħu ma’ dik tal‑Lamaniti ġab l‑istess saħta fuq nislu.

10 Għalhekk, kull min ħalla lilu nnifsu jiġi mqarraq mil‑Lamaniti beda jitqies bħala wieħed minnhom, u fuqu tpoġġiet marka.

11 U ġara li dawk kollha li ma kinux jemmnu fit‑tradizzjoni tal‑Lamaniti, iżda kienu jemmnu f’dawk l‑annali li kienu nġabu mill‑art ta’ Ġerusalemm, kif ukoll fit‑tradizzjoni ta’ missirijiethom, li kienu korrett, u li kienu jemmnu fil‑kmandamenti ta’ Alla u jħarsuhom, minn dak iż‑żmien ’il quddiem bdew jissejħu n‑Nefiti, jew il‑poplu ta’ Nefi—

12 U huma dawn li ppreservaw l‑annali, li huma vera, tan‑nies tagħhom, kif ukoll tan‑nies tal‑Lamaniti.

13 Issa aħna se nerġgħu lura għall‑Amliċiti, għax fuqhom ukoll tpoġġiet marka; iva, huma poġġew il‑marka fuqhom infushom, iva, sewwasew marka ħamra fuq ġbinhom.

14 B’hekk il‑kelma ta’ Alla ġiet fis‑seħħ, għax dan huwa l‑kliem li huwa qal lil Nefi: Ara, jiena bgħatt saħta fuq il‑Lamaniti, u se npoġġi fuqhom marka sabiex huma u nisilhom jinqatgħu minn miegħek u minn nislek, minn issa u għal dejjem, sakemm huma ma jindmux minn ħżunithom u jduru lejja biex forsi jien ikolli ħniena minnhom.

15 U għal darb’oħra: jiena se npoġġi marka fuq dak li jħallat iż‑żerriegħa tiegħu ma’ ta’ ħutek, biex huma wkoll jiġu misħutin.

16 U għal darb’oħra: jiena se npoġġi marka fuq dak li jeħodha kontrik u kontra nislek.

17 U għal darb’oħra, jiena ngħid li dak li jinqata’ minn miegħek ma jibqax jissejjaħ aktar nislek; u jiena se nbierek lilek, u lil kull min se jiġi msejjaħ bħala nislek, minn issa u għal dejjem; u dawn kienu l‑wegħdiet li l‑Mulej għamel lil Nefi u lil nislu.

18 Issa l‑Amliċiti ma kinux jafu li huma kienu qed iġibu fis‑seħħ kliem Alla meta bdew jimmarkaw ġbinhom; madankollu huma ħaduha kontra Alla fil‑beraħ; għalhekk kien hemm bżonn li taqa’ fuqhom is‑saħta.

19 Issa nixtieqkom taraw li huma s‑saħta ġabuha b’idejhom; u l‑istess kull bniedem misħut iġib b’idejh il‑kundanna tiegħu.

20 Issa ġara li ftit jiem biss wara l‑battalja li ġiet miġġielda fl‑art ta’ Żaraħemla, mil‑Lamaniti u l‑Amliċiti, kien hemm armata oħra tal‑Lamaniti li ħabtet għan‑nies ta’ Nefi, fl‑istess post fejn l‑ewwel armata ltaqgħet mal‑Amliċiti.

21 U ġara li ntbagħtet armata biex tkeċċihom ’il barra minn arthom.

22 Issa Alma nnifsu li kien batut minħabba ġerħa li kellu did‑darba ma marx għall‑battalja kontra l‑Lamaniti;

23 Iżda huwa bagħat armata mill‑aktar kbira kontrihom; u huma telgħu u qatlu diversi Lamaniti, u ħarġu lill‑bqija ’l barra mill‑fruntieri ta’ arthom.

24 U mbagħad huma reġgħu lura u bdew jistabbilixxu l‑paċi fl‑art, fejn għal xi żmien ma esperjenzaw l‑ebda taħbit minħabba l‑għedewwa tagħhom.

25 Issa dan kollu seħħ, iva, il‑bidu u t‑tmien ta’ dawn il‑gwerer kollha u dan it‑tilwim kollu seħħ fil‑ħames sena tas‑saltna tal‑imħallfin.

26 U f’sena waħda kienu eluf u għexieren ta’ eluf ta’ nies li ntbagħtu fid‑dinja eterna, ħalli jkunu jistgħu jirċievu l‑premju tagħhom skont ħidmiethom, kemm jekk kienu tajbin u kemm jekk kienu ħżiena, biex igawdu l‑kuntentizza eterna jew il‑miżerja eterna, skont l‑ispirtu li għażlu li jobdu, kemm jekk kien spirtu tajjeb jew wieħed ħażin.

27 Għax kull bniedem jirċievi l‑ħlas mingħand dak li jagħżel li jobdi, u dan skont il‑kliem tal‑ispirtu tal‑profezija; għalhekk ħalli jkun skont il‑verità. U b’hekk intemmet il‑ħames sena tas‑saltna tal‑imħallfin.