Skrittura
Alma 6


Kapitlu 6

Il‑Knisja f’Żaraħemla tiġi msoffija u organizzata—Alma jmur ixandar f’Gidgħon. Madwar 83 Q.K.

1 U issa ġara li wara li Alma waqaf ikellem lin‑nies tal‑knisja, li ġiet imwaqqfa fil‑belt ta’ Żaraħemla, huwa ordna qassisin u presbiteri, billi poġġa jdejh fuqhom skont l‑ordni ta’ Alla, biex jippresedu u jħarsu l‑knisja.

2 U ġara li dawk kollha li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja li nidmu minn dnubiethom ġew mgħammdin għall‑Indiema, u ġew milqugħin fil‑knisja.

3 U ġara wkoll li dawk kollha li kienu jagħmlu parti mill‑knisja u ma nidmux minn ħżunithom u ma umiljawx irwieħhom quddiem Alla—jiġifieri dawk li kienu minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom—dawn huma dawk li ġew imwarrba, u isimhom ġie mħassar, fejn isimhom ma ġiex magħdud ma’ isem il‑ġusti.

4 U b’dal‑mod huma bdew iwaqqfu l‑ordni tal‑knisja fil‑belt ta’ Żaraħemla.

5 Issa nixtieqkom tifhmu li l‑kelma ta’ Alla kienet disponibbli għal kulħadd, fejn ħadd minnhom ma kien imċaħħad mill‑privileġġ li jinġabru flimkien biex jisimgħu l‑kelma ta’ Alla.

6 Madankollu wlied Alla ġew ordnati biex jinġabru flimkien ta’ spiss, u jingħaqdu fis‑sawm u fit‑talb qawwi għall‑benefiċċju ta’ dawk l‑erwieħ li ma kinux jafu lil Alla.

7 U issa ġara li meta Alma għamel dawn ir‑regolamenti huwa telaq minn ħdejhom, iva, mill‑knisja li kienet fil‑belt ta’ Żaraħemla, u qasam għan‑naħa tal‑lvant tax‑xmara Sidon, fil‑wied ta’ Gidgħon, fejn hemm kienet inbniet belt, li kien jisimha l‑belt ta’ Gidgħon, li kienet tinsab fil‑wied li kien jismu Gidgħon, li kien ġie msemmi għar‑raġel li kien inqatel minn Neħor permezz tax‑xabla.

8 U Alma mar u beda jxandar il‑kelma ta’ Alla lill‑knisja li ġiet imwaqqfa fil‑wied ta’ Gidgħon, skont ir‑rivelazzjoni tal‑verità tal‑kelma li kienu xandru missirijietu, u skont l‑ispirtu tal‑profezija li kien jinsab fih, skont ix‑xhieda ta’ Ġesù Kristu, Bin Alla, li għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu minn dnubietu, u l‑ordni mqaddsa li biha ġie msejjaħ. U hekk hemm miktub. Ammen.