Skrittura
Alma 55


Kapitlu 55

Moroni jirrifjuta li jagħmel skambju ta’ priġunieri—L‑għassiesa Lamaniti jiġu mħajra jixorbu sakemm jiskru, u jiġu meħlusa l‑priġunieri Nefiti—Il‑belt ta’ Gid tittieħed mingħajr tixrid ta’ demm. Madwar 63–62 Q.K.

1 Issa ġara li meta Moroni rċieva din l‑ittra huwa mtela’ akbar bil‑għadab, għax kien jaf li Għammoron kellu għarfien perfett tal‑ingann tiegħu; iva, kien jaf li Għammoron kien jaf li l‑kawża għalfejn huwa kien iddikjara gwerra kontra l‑poplu ta’ Nefi ma kenitx waħda ġusta.

2 U huwa qal: Araw, jiena mhux lest nagħmel skambju ta’ priġunieri ma’ Għammoron jekk hu mhux lest li jabbanduna l‑għan tiegħu, kif jiena ddikjarajt fl‑ittra tiegħi; għax jien mhux se nippermettilu li jkollu aktar poter milli diġà għandu.

3 Araw, il‑post fejn il‑Lamaniti qed jgħassu lin‑nies tiegħi, li ħaduhom priġunieri, jien naf fejnu; u peress li Għammoron ma jridx jaċċetta dak li jien tlabtu fl‑ittra tiegħi, araw, jiena se naġixxi miegħu skont kliemi; iva, jien se nġiegħelhom iduqu l‑mewt sakemm huma juruni li jixtiequ l‑paċi.

4 U issa ġara li meta Moroni qal dan il‑kliem, huwa ordna biex issir tfittxija fost in‑nies tiegħu, biex jara jsibx lil xi ħadd fosthom li kien ġej min‑nisel ta’ Laman.

5 U ġara li nstab wieħed, li kien jismu Laman; u hu kien wieħed mill‑qaddejja tas‑sultan li kien inqatel minn Għamalikja.

6 Issa Moroni ordna biex Laman u numru żgħir min‑nies tiegħu jmorru fejn kien hemm l‑għassiesa li kienu qed jgħassu lin‑Nefiti.

7 Issa n‑Nefiti kienu qed jinżammu fil‑belt ta’ Gid; għalhekk Moroni ħatar lil Laman u ordna lil grupp żgħir ta’ rġiel biex imorru miegħu.

8 U x’ħin sar filgħaxija Laman mar fuq l‑għassiesa li kienu qed jgħassu lin‑Nefiti, u araw, meta rawh riesaq lejhom huma talbuh jidentifika ruħu; iżda hu qalilhom: Tibżgħux; araw, jiena Lamanita. Araw, aħna ħrabna minn fost in‑Nefiti, u huma jinsabu reqdin; u araw aħna ħadnielhom l‑inbid u ġibnieh magħna.

9 Issa meta l‑Lamaniti semgħu dan il‑kliem huma laqgħuh bil‑ferħ; u qalulu: Agħtina mill‑inbid tiegħek, ħalli nixorbu; qed nieħdu gost li inti ġibt miegħek l‑inbid għax inħossuna verament għajjenin.

10 Iżda Laman qalilhom: Ejja nħallu l‑inbid għal meta mmorru għall‑battalja man‑Nefiti. Iżda dal‑kliem aktar mliehom bix‑xenqa li jixorbu minn dak l‑inbid;

11 Għax, huma qalu: Aħna nħossuna għajjenin, għalhekk ejja nixorbu minn dan l‑inbid, għax dalwaqt sejrin ningħataw l‑inbid bħala parti mir‑razzjon tagħna, fejn dan jagħtina s‑saħħa biex immorru niġġieldu kontra n‑Nefiti.

12 U Laman qalilhom: Tistgħu tagħmlu skont ix‑xewqa tagħkom.

13 U ġara li huma xorbu kemm felħu minn dak l‑inbid; u t‑togħma tiegħu kienet mill‑aktar pjaċevoli, għalhekk huma xorbu kemm felħu; u kien mill‑aktar qawwi, għax kien ġie mħejji apposta.

14 U ġara li huma xorbu u ferħu fuq li ferħu, u ma damux wisq ma spiċċaw ilkoll fis‑sakra.

15 U issa meta Laman u n‑nies tiegħu raw li huma spiċċaw kollha fis‑sakra, u kienu jinsabu reqdin fil‑fond, huma reġgħu lura għand Moroni u qalulu b’dak kollu li kien ġara.

16 U issa dan seħħ skont il‑pjan ta’ Moroni. U Moroni ħejja lin‑nies tiegħu bl‑armi tal‑gwerra; u huwa rħielha lejn il‑belt ta’ Gid, waqt li l‑Lamaniti kienu jinsabu reqdin fil‑fond u fis‑sakra, u hu xeħet l‑armi tal‑gwerra lill‑priġunieri, hekk li huma spiċċaw kollha armati;

17 Iva, u l‑istess in‑nisa tagħhom, u t‑tfal kollha tagħhom, sewwasew dawk kollha li kienu kapaċi jużaw arma tal‑gwerra, meta Moroni ta l‑armi lil dawk il‑priġunieri kollha; u dan kollu seħħ fi skiet mill‑aktar kbir.

18 Iżda kieku huma qajmu lil‑Lamaniti mir‑raqda, araw huma kienu fis‑sakra u n‑Nefiti setgħu qatluhom.

19 Iżda araw, din ma kenitx ix‑xewqa ta’ Moroni; huwa ma kienx jieħu gost bil‑qtil jew bit‑tixrid ta’ demm, iżda kien il‑pjaċir tiegħu li jsalva lin‑niesu mill‑qerda; u biex ma jkunx ħati ta’ xi inġustizzja, huwa ma kienx lest iħebb għal‑Lamaniti u jeqridhom waqt li kienu jinsabu fis‑sakra.

20 Iżda huwa qata’ xewqtu; għax hu għadda l‑armi lil dawk il‑priġunieri Nefiti li kienu jinsabu maqbuda bejn il‑ħitan tal‑belt, u tahom dak li kienu jeħtieġu biex jieħdu f’idejhom dawk l‑inħawi li kienu jinsabu bejn is‑swar.

21 U mbagħad huwa ordna lill‑irġiel li kienu miegħu biex jinqatgħu lura minn fejn kienu, u jiċċirkondaw l‑armati tal‑Lamaniti.

22 Issa araw, dan kollu seħħ f’nofs ta’ lejl, biex meta l‑Lamaniti stenbħu filgħodu huma sabu lilhom infushom iċċirkondati min‑Nefiti min‑naħa ta’ barra, u l‑priġunieri tagħhom kienu jinsabu armati fuq ġewwa.

23 U b’hekk huma raw li n‑Nefiti kellhom kontroll sħiħ fuqhom; u f’dawn iċ‑ċirkustanzi raw li ma kienx jaqbel li huma jeħduha man‑Nefiti; għalhekk il‑kap kmandanti tagħhom ordnawlhom biex jgħaddulhom l‑armi tagħhom tal‑gwerra, u huma qabduhom u poġġewhom ħdejn riġlejn in‑Nefiti, u talbuhom biex iħennu għalihom.

24 Issa araw, din kienet ix‑xewqa ta’ Moroni. Huwa ħadhom bħala priġunieri tal‑gwerra, u ħa f’idejh il‑belt, u ordna biex il‑priġunieri Nefiti kollha jinħelsu; u huma ngħaqdu mal‑armata ta’ Moroni, u saħħew bil‑kbir l‑armata tiegħu.

25 U ġara li huwa ta ordni lil dawk il‑Lamaniti li kien ħadhom bħala priġunieri, biex huma jagħtu bidu għal ħidma li jsaħħu l‑fortifikazzjonijiet li kien hemm madwar il‑belt ta’ Gid.

26 U ġara li meta huwa ffortifika l‑belt ta’ Gid, skont xewqtu, hu ordna biex il‑priġunieri tiegħu jittieħdu fil‑belt ta’ Kotran; u huwa poġġa l‑għassa wkoll ma’ dik il‑belt b’għadd kbir ta’ suldati.

27 U ġara li minkejja l‑intriċċi kollha tal‑Lamaniti, huma komplew jgħassu u jipproteġu lill‑priġunieri kollha li kienu ħadu, kif ukoll baqgħu jikkontrollaw ir‑reġjun kollu fejn huma reġgħu kisbu vantaġġ fuq l‑għadu tagħhom.

28 U ġara li n‑Nefiti reġgħu bdew joħorġu rebbieħa, u reġgħu bdew jiksbu lura d‑drittijiet u l‑privileġġi tagħhom.

29 Matul il‑lejl kemm‑il darba l‑Lamaniti ppruvaw jiċċirkondawhom, iżda kull darba li ppruvaw jagħmlu dan huma spiċċaw biex tilfu bosta priġunieri.

30 U bosta drabi ppruvaw jagħtu lin‑Nefiti mill‑inbid tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jeqirduhom bil‑velenu jew bis‑sokor.

31 Iżda araw, in‑Nefiti ma kinux tqal biex jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom f’dan iż‑żmien ta’ hemm tagħhom. Ma kinux se jinqabdu f’xi nassa; iva, huma ma kinux lesti jixorbu mill‑inbid tagħhom, jekk l‑ewwel huma ma jagħtux lil xi wħud mill‑priġunieri Lamaniti.

32 U huma kienu attenti li ma jingħatalhom l‑ebda velenu; għax jekk l‑inbid tagħhom kien jasal biex jivvelena Lamanita kien jasal ukoll biex jivvelena Nefita; u b’hekk huma daqu mix‑xorb kollu tagħhom.

33 U issa ġara li Moroni ħass li kien jaqbel li huma jibdew iħejju biex jattakkaw il‑belt ta’ Morjanton; għax araw, il‑Lamaniti, permezz ta’ ħidmiethom, iffortifikaw il‑belt ta’ Morjanton sakemm din saret fortizza mill‑aktar b’saħħitha.

34 U huma bdew kontinwament iżidu l‑forzi fil‑belt, u bdew iġibu wkoll għadd ta’ provvisti ġodda.

35 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena disgħa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.