Skrittura
Alma 7


Il‑kliem li Alma wassal lin‑nies f’Gidgħon, skont l‑istess kitba tiegħu.

Jikkonsisti minn kapitlu 7.

Kapitlu 7

Kristu se jiġi mwieled minn Marija—Huwa se jħoll l‑irbit tal‑mewt u se jitgħabba bid‑dnubiet tal‑poplu tiegħu—Dawk li jindmu, jitgħammdu, u jħarsu l‑kmandamenti jkollhom il‑ħajja ta’ dejjem—Il‑ħmieġ ma jistax jiret is‑saltna ta’ Alla—Hemm bżonn tal‑umiltà, il‑fidi, it‑tama, u l‑karità. Madwar 83 Q.K.

1 Araw għeżież ħuti, peress li jien tħallejt niġi fostkom, għalhekk se nipprova nindirizzakom permezz ta’ kliemi; iva, permezz ta’ fommi, peress li hija l‑ewwel darba li qed inkellimkom bi kliem fommi, minħabba li jien kont qed niddedika l‑ħin kollu tiegħi għas‑siġġu tat‑tribunal, fejn tant kelli x’nagħmel li ma stajtx niġi fostkom.

2 U lanqas issa ma kont se niġi kieku mhux għall‑fatt li s‑siġġu tat‑tribunal ingħata lil ħaddieħor, biex isaltan minfloki; u l‑Mulej bi ħniena daqstant kbira ppermetta li jiena niġi fostkom.

3 U araw, jiena ġejt b’tama kbira u b’xewqa kbira li nsib illi intom umiljajtu ruħkom quddiem Alla, u li komplejtu titolbuh għall‑grazzja tiegħu, u li intom kontu tinsabu bla ħtija quddiemu, u li jiena nsib li intom ma kontux tinsabu fid‑dilemma terribbli li kienu fiha ħutna ġewwa Żaraħemla.

4 Iżda jkun imbierek isem Alla, li tani ċ‑ċans li nkun naf, iva, li mlieni b’hena mill‑aktar kbira għax naf li huma jinsabu mill‑ġdid fit‑triq tas‑sewwa tiegħu.

5 U nittama, skont l‑Ispirtu ta’ Alla li jinsab fija, li jiena nista’ nithenna wkoll minħabba fikom; madankollu ma nixtieqx li l‑hena li nħoss minħabba fikom tasal wara t‑tbatija kbira u n‑niket kbir li esperjenzajt għall‑aħwa li jinsabu f’Żaraħemla, għax araw, l‑hena li ħassejt għalihom waslet wara li kelli ngħaddi minn daqstant tbatija u niket.

6 Iżda araw, nittama li intom ma tinsabux daqstant fi stat ta’ nuqqas ta’ fidi li kienu fih ħutkom; nittama li intom m’intomx imkabbrin fil‑kburija ta’ qalbkom; iva, nittama li intom ma rbattux qalbkom mal‑ġid materjali u l‑frugħa tad‑dinja; iva, nittama li intom ma tqimux allat foloz, iżda tqimu lil Alla veru u ħaj, u li intom tħarsu ’l quddiem b’fidi ta’ dejjem għall‑maħfra ta’ dnubietkom, li għad trid isseħħ.

7 Għax araw, jien ngħidilkom li ħafna se jkunu l‑ħwejjeġ li se jseħħu; araw, hemm ħaġa waħda li hi ta’ importanza akbar minnhom kollha—għax araw, iż‑żmien mhux wisq ’il bogħod meta l‑Feddej se jgħammar u jiġi fost il‑poplu tiegħu.

8 Araw, mhux se ngħid li huwa se jiġi fostna fiż‑żmien li fih se jgħammar fit‑tabernaklu mortali tiegħu; għax araw, l‑Ispirtu ma qallix li għandu jkun dan. Issa dwar dil‑ħaġa jiena ma nafx; iżda li naf huwa dan, li l‑Mulej Alla għandu l‑qawwa li jagħmel dak kollu li hu skont kelmtu.

9 Iżda araw, dan hu dak kollu li qalli l‑Ispirtu, fejn qal: Lil dan il‑poplu ħabbarlu u għidlu—Indem, u ħejji t‑triq tal‑Mulej, u imxi fil‑mogħdijiet tiegħu, li huma dritti; għax araw, is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib, u Bin Alla sejjer jiġi fuq wiċċ l‑art.

10 U araw, huwa se jiġi mwieled minn Marija, f’Ġerusalemm li hija l‑art ta’ missirijietna, hi se tkun verġni, ġarra prezzjuża u magħżula, li se tiġi mgħottija u sejra titqal bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, u se jkollha iben, iva, sewwasew l‑Iben ta’ Alla.

11 U hu se jibqa’ għaddej, isofri kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tiġrib; u dan sabiex iseħħ dak li hemm miktub li jgħid li hu se jieħu fuqu l‑uġigħ u l‑mard tal‑poplu tiegħu.

12 U hu se jieħu fuqu l‑mewt, biex ikun jista’ jħoll l‑irbit tal‑mewt li jorbot lill‑poplu tiegħu; u huwa se jieħu fuqu d‑dgħufijiet tagħhom, biex il‑ġewwieni tiegħu jkun jista’ jimtela bil‑ħniena, skont il‑ġisem, ħalli jkun jaf skont il‑ġisem kif jista’ jgħin lill‑poplu tiegħu skont id‑dgħufijiet tagħhom.

13 Issa l‑Ispirtu jaf kollox; madankollu l‑Iben ta’ Alla se jbati skont il‑ġisem biex ikun jista’ jieħu fuqu d‑dnubiet tal‑poplu tiegħu, ħalli jkun jista’ jħassar id‑diżubbidjenza tagħhom skont il‑qawwa tal‑ħelsien tiegħu; u issa araw, din hi x‑xhieda li tinsab fija.

14 Issa jien ngħidilkom li jeħtieġ li intom tindmu, u titwieldu mill‑ġdid; għax l‑Ispirtu jgħid li jekk intom ma titwieldux mill‑ġdid ma tistgħux tirtu s‑saltna tas‑smewwiet; għalhekk ejjew u tgħammdu għall‑indiema, biex tkunu tistgħu tiġu maħsula minn dnubietkom, ħalli jkun jista’ jkollkom il‑fidi fil‑Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d‑dnubiet tad‑dinja, li hu qawwi biex isalva u jnaddafkom minn kull ħażen.

15 Iva, jien ngħidilkom ejjew u tibżgħux, u warrbu kull dnub, li malajr ifixkilkom, li jorbotkom għall‑qerda, iva, ejjew u morru u uru lil Alla tagħkom li intom lesti li tindmu minn dnubietkom u tidħlu f’patt miegħu li lesti tħarsu l‑kmandamenti tiegħu, u llum uruh li lesti tagħmlu dan billi tmorru fl‑ilmijiet tal‑magħmudija.

16 U kull min jagħmel dan, u jħares il‑kmandamenti ta’ Alla minn dak il‑ħin ’il quddiem, hu jiftakar li jien se ngħidlu, iva, hu jiftakar li jiena għidtlu, li hu għad jikseb il‑ħajja ta’ dejjem, skont ix‑xhieda tal‑Ispirtu s‑Santu, li jixhed ġewwa fija.

17 U issa għeżież ħuti, temmnu intom dawn il‑ħwejjeġ? Araw, jien ngħidilkom, iva, jien naf li intom temmnuhom; u l‑mod kif jiena naf li intom temmnuhom hu permezz tal‑manifestazzjoni tal‑Ispirtu li jinsab fija. U issa minħabba li l‑fidi tagħkom dwar dawk il‑ħwejjeġ hi b’saħħitha, iva, dwar il‑ħwejjeġ li jiena tkellimt dwarhom, kbira hija l‑hena tiegħi.

18 Għax kif għidtilkom mill‑bidu nett, jien kelli xewqa kbira li intom ma kontux tinsabu fl‑istat ta’ dilemma bħal ħutkom, u b’hekk jiena sibt li x‑xewqat tiegħi ġew fis‑seħħ.

19 Għax jiena nista’ nara li intom tinsabu fit‑triq tas‑sewwa; nista’ nara li intom tinsabu fit‑triq li twassal għas‑saltna ta’ Alla; iva, nista’ nara li intom qed tiddrittaw il‑mogħdijiet tiegħu.

20 Jiena nista’ nara li intom ġejtu mgħarrfin, permezz tax‑xhieda ta’ kelmtu, li huwa ma jistax jimxi f’toroq mgħawwġa; lanqas ma jmur lura minn dak li jkun qal; lanqas m’għandu xi dell ta’ tidwir mil‑lemin għax‑xellug, jew minn dak li hu sewwa għal dak li hu ħażin; għalhekk, ir‑rotta tiegħu hi ċirku wieħed etern.

21 U hu ma jgħammarx f’tempji li mhumiex qaddisa; u l‑ebda ħaġa maħmuġa jew imniġġsa ma tista’ tintlaqa’ fis‑saltna ta’ Alla; għalhekk jien ngħidilkom li ż‑żmien se jasal, iva, u dan se jkun fl‑aħħar jum, fejn dak li hu maħmuġ se jibqa’ fil‑ħmieġ tiegħu.

22 U issa għeżież ħuti, jiena għidtilkom dan kollu biex forsi ngħinkom tagħrfu s‑sens ta’ dmir tagħkom lejn Alla, ħalli tkunu tistgħu timxu bla ħtija quddiemu, biex tkunu tistgħu timxu skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, li skont hi ġejtu milqugħin.

23 U issa nixtieq li intom tkunu umli, u sottomessi u dħulin; faċli li tavviċinakom; kollkom paċenzja u sabar; li intom tkunu moderati f’kollox; tkunu diliġenti fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla f’kull ħin; li intom tistaqsu għal kull ħaġa li jkollkom bżonn, kemm spiritwali u temporali; u dejjem troddu ħajr lil Alla għal kull ħaġa li intom tirċievu.

24 U araw li intom għandkom il‑fidi, it‑tama, u l‑karità, u mbagħad araw illi twettqu dejjem bosta opri tajbin.

25 U jalla l‑Mulej iberikkom, u jżomm ilbieskom bla tebgħa, ħalli fl‑aħħar tkunu tistgħu tittieħdu biex tpoġġu bilqiegħda ma’ Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u mal‑profeti qaddisa li kien hawn sa mill‑bidu tad‑dinja, fejn ilbieskom ikun bla tebgħa sewwasew kif inhu bla tebgħa lbieshom, fis‑saltna tas‑smewwiet u qatt ma toħorġu minnha.

26 U issa għeżież ħuti, jiena għidtilkom dan il‑kliem skont l‑Ispirtu li jixhed ġewwa fija; u ruħi tithenna bil‑kbir, minħabba d‑diliġenza kbira u l‑widen li intom tajtu lil kelmti.

27 U issa, jalla l‑paċi ta’ Alla tinżel fuqkom, u fuq djarkom u artijietkom, u fuq il‑merħliet u l‑baqar tagħkom, u fuq il‑ġid kollu tagħkom, u fuq in‑nisa tagħkom u t‑tfal tagħkom, skont il‑fidi u l‑opri tajba tagħkom, minn issa ’l quddiem u għal dejjem. U b’dal‑mod jiena tkellimt. Ammen.