Skrittura
Alma 5


Il‑kliem li Alma, il‑Qassis il‑Kbir skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, wassal lin‑nies fil‑bliet u l‑irħula tagħhom madwar il‑pajjiż.

Mill‑bidu ta’ kapitlu 5.

Kapitlu 5

Biex jiksbu s‑salvazzjoni, il‑bnedmin jeħtieġ li jindmu u jħarsu l‑kmandamenti, jitwieldu mill‑ġdid, inaddfu lbieshom permezz ta’ demm Kristu, ikunu umli u jwarrbu minn fuqhom kull kburija u għira, u jwettqu l‑għemejjel tas‑sewwa—Ir‑Ragħaj it‑Tajjeb isejjaħ lill‑poplu tiegħu—Dawk li jwettqu għemejjel ħżiena huma wlied ix‑xitan—Alma jixhed dwar il‑verità tad‑duttrina tiegħu u jordna lill‑bnedmin sabiex jindmu—L‑ismijiet tal‑ġusti se jinkitbu fil‑ktieb tal‑ħajja. Madwar 83 Q.K.

1 Issa ġara li Alma beda jwassal il‑kelma ta’ Alla lin‑nies, l‑ewwel fl‑art ta’ Żaraħemla, u minn hemm madwar il‑pajjiż kollu.

2 U dan hu l‑kliem li huwa qal lin‑nies fil‑knisja li ġiet imwaqqfa fil‑belt ta’ Żaraħemla, skont dak li huwa kiteb, fejn qal:

3 Jiena, Alma, ġejt ikkonsagrat minn missieri, Alma, biex inkun qassis il‑kbir fuq il‑knisja ta’ Alla, hu li għandu s‑setgħa u l‑awtorità minn Alla biex iwettaq dawn il‑ħwejjeġ, araw, jien ngħidilkom li huwa beda jwaqqaf knisja fl‑art li kienet fil‑fruntieri ta’ Nefi; iva, l‑art li kienet tissejjaħ l‑art ta’ Mormon; iva, u huwa għammed lil ħutu fl‑ilmijiet ta’ Mormon.

4 U araw, jien ngħidilkom, huma nħelsu minn idejn in‑nies tas‑sultan Noè, bil‑ħniena u l‑qawwa ta’ Alla.

5 U araw, imbagħad huma nġiebu fil‑jasar permezz ta’ idejn il‑Lamaniti fix‑xagħri; iva, jien ngħidilkom, huma kienu fil‑jasar, u għal darb’oħra l‑Mulej ħelishom mill‑jasar bil‑qawwa ta’ kelmtu; u huma nġiebu f’din l‑art, u hawn aħna bdejna nwaqqfu l‑knisja ta’ Alla madwar din l‑art ukoll.

6 U issa araw, jien ngħidilkom, ħuti, intom li tagħmlu parti minn din il‑knisja, bqajtu intom tiftakru biżżejjed il‑jasar ta’ missirijietkom? Iva, u bqajtu tiftakru biżżejjed il‑ħniena u s‑sabar tiegħu lejhom? U barra minn hekk, bqajtu tiftakru biżżejjed li huwa ħelsilhom ruħhom mill‑infern?

7 Araw, huwa bidlilhom qalbhom; iva, hu qajjimhom minn nagħsa tqila, u huma qamu għal Alla. Araw, huma kienu f’nofs dalma; madankollu, ruħhom ġiet imdawwla permezz tad‑dawl tal‑kelma ta’ dejjem; iva, huma kienu jinsabu mdawwrin bl‑irbit tal‑mewt, u bil‑ktajjen tal‑infern, u l‑qerda ta’ dejjem kien hemm tistennihom.

8 U issa jien nistaqsikom, ħuti, huma spiċċaw inqerdu? Araw, jien ngħidilkom, Le, ma nqerdux.

9 U għal darb’oħra nistaqsi, l‑irbit tal‑mewt tkisser, u l‑ktajjen tal‑infern li kienu mdawwrin magħhom inħallu? Jien ngħidilkom, Iva, huma nħallu, u ruħhom kibret, u huma għannew l‑imħabba feddejja. U jiena ngħidilkom li huma ġew salvati.

10 U issa jien nistaqsikom taħt liema kundizzjonijiet ġew salvati? Iva, fuq xiex setgħu jibbażaw it‑tama tagħhom għas‑salvazzjoni? X’wassal biex huma ġew maħlula mill‑irbit tal‑mewt, iva, kif ukoll mill‑ktajjen tal‑infern?

11 Araw, nista’ ngħidilkom—missieri Alma m’emminx fil‑kliem li twassal permezz ta’ fomm Abinadi? U hu ma kienx profeta qaddis? Ma lissinx huwa kliem Alla, u missieri Alma emmen dak li qal?

12 U skont il‑fidi tiegħu seħħet bidla qawwija f’qalbu. Araw jien ngħidilkom li dan kollu minnu.

13 U araw, huwa xandar il‑kelma lil missirijietkom, u bidla qawwija seħħet ukoll f’qalbhom, u huma umiljaw ruħhom, u afdaw f’Alla veru u ħaj. U araw, huma baqgħu fidili sal‑aħħar; għalhekk huma ġew salvati.

14 U issa araw, jien nistaqsikom, ħuti tal‑knisja, ġejtu intom imwielda spiritwalment minn Alla? Irċevejtu intom ix‑xbieha tiegħu fuq wiċċkom? Esperjenzajtu intom din il‑bidla qawwija f’qalbkom?

15 Teżerċitaw intom fidi fil‑fidwa ta’ dak li ħalaqkom? Tħarsu intom ’il quddiem b’għajn ta’ fidi, u dan il‑ġisem mortali tarawh intom imqajjem għall‑immortalità, u dan il‑ġisem li jitħassar imqajjem għal wieħed li ma jitħassarx, biex jieqaf quddiem Alla ħalli jagħmel ħaqq minnu skont l‑għemejjel li twettqu fil‑ġisem mortali?

16 Jien ngħidilkom, tistgħu timmaġinaw lilkom infuskom tisimgħu leħen il‑Mulej jgħidilkom, f’dak il‑jum: Ejjew għandi ja mberkin, għax araw, l‑għemejjel tagħkom kienu l‑għemejjel tas‑sewwa fuq wiċċ l‑art?

17 Jew timmaġinaw li f’dak il‑jum intom tistgħu tigdbu lill‑Mulej, u tgħidu—Mulej, l‑għemejjel tagħna kienu għemejjel tajba fuq wiċċ l‑art—u hu sejjer isalvakom?

18 Jew inkella, tistgħu intom timmaġinaw lilkom infuskom meħuda quddiem it‑tribunal ta’ Alla b’ruħkom mimlija ħtija u rimors, fejn intom tiftakru l‑ħtija kollha tagħkom, iva, tiftakru b’mod perfett il‑ħażen kollu tagħkom, iva, tiftakru li intom injorajtu l‑kmandamenti ta’ Alla?

19 Jien ngħidilkom, tistgħu intom tħarsu ’l fuq lejn Alla f’dak il‑jum b’qalb safja u idejn nodfa? Jien ngħidilkom, tistgħu intom tħarsu ’l fuq, bix‑xbieha ta’ Alla mnaqqxa fuq wiċċkom?

20 Jien ngħidilkom, taħsbu li intom tistgħu tiġu salvati meta ħallejtu lilkom infuskom issiru suġġett għax‑xitan?

21 Jien ngħidilkom, se tkunu tafu intom f’dak il‑jum li ma tistgħux issalvaw; għax l‑ebda bniedem ma jista’ jsalva jekk ilbiesu ma jiġix maħsul abjad; iva, jeħtieġ li lbiesu jiġi mnaddaf sakemm jiġi msoffi minn kull tebgħa, permezz ta’ demm dak li dwaru tkellmu missirijietna, li għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu minn dnubietu.

22 U issa nistaqsikom, ħuti, kif iħossu kull wieħed u waħda minnkom, jekk intom ikollkom tieqfu quddiem l‑iżbarra ta’ Alla, b’ilbieskom mtebba’ bid‑demm u b’kull xorta ta’ ħmieġ? Araw, x’jixhdu kontrikom dawn il‑ħwejjeġ?

23 Araw ma jixhdux li intom qattiela, iva, kif ukoll li intom ħatja ta’ kull xorta ta’ ħażen?

24 Araw, ħuti, taħsbu intom li xi ħadd hekk jista’ jkollu post biex joqgħod bilqiegħda fis‑saltna ta’ Alla, ma’ Abraham, ma’ Iżakk, u ma’ Ġakobb, kif ukoll mal‑profeti qaddisa kollha, li lbieshom hu mnaddaf u huwa bla tebgħa, safi u abjad?

25 Jien ngħidilkom, Le; sakemm intom ma taslux biex lill‑Ħallieq tagħna tagħmluh jidher bħala xi giddieb sa mill‑bidu, jew temmnu li hu giddieb sa mill‑bidu, ma tistgħux intom taħsbu li xi ħadd hekk jista’ jkollu post fis‑saltna tas‑smewwiet; iżda dawn għad jintremew ’il barra għaliex huma wlied is‑saltna tax‑xitan.

26 U issa, jiena ngħidilkom, ħuti, jekk intom esperjenzajtu bidla f’qalbkom, u jekk ħassejtu li tgħannu l‑għanja tal‑imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossukom hekk bħalissa?

27 Imxejtu b’tali mod li żammejtu lilkom infuskom mingħajr ħtija quddiem Alla? Tistgħu intom tgħidu fikom infuskom, jekk tiġu msejħin biex tmutu f’dan il‑mument, li intom kontu umli biżżejjed? Li lbieskom ġie mnaddaf u sar abjad permezz ta’ demm Kristu, li għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu minn dnubietu?

28 Araw, intom inżajtu minn fuqkom kull kburija? Jien ngħidilkom, jekk le intom m’intomx lesti biex tiltaqgħu ma’ Alla. Araw jeħtieġ li intom titħejjew minnufih; għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib, u bniedem hekk m’għandux il‑ħajja ta’ dejjem.

29 Araw, jiena ngħid, hawn xi ħadd fostkom li ma neżax minn fuqu kull għira? Jien ngħidilkom li bniedem hekk ma jinsabx lest; u jien nixtieq li huwa jitħejja minnufih, għax is‑siegħa tinsab fil‑qrib, u hu ma jafx meta se jasallu l‑mument; għax bniedem hekk ma jinstabx bla ħtija.

30 U għal darb’oħra ngħidilkom, hemm xi ħadd fostkom li jwaqqa’ lil ħuh għaż‑żufjett, jew jgħabbih bil‑persekuzzjoni?

31 Ħażin ikun għalih bniedem hekk, għax hu ma jinsabx lest, u ż‑żmien qorob fejn huwa jew jindem jew ma jistax isalva!

32 Iva, ħażin għalikom intom kollha li twettqu l‑ħażen; indmu, indmu, għax il‑Mulej Alla qal dan!

33 Araw, huwa jibgħat stedina lill‑bnedmin kollha, għax id‑dirgħajn tal‑ħniena jinsabu lesti biex jilqgħuhom, u huwa jgħid: Indmu, u jiena nilqagħkom.

34 Iva, huwa jgħid: Ejjew għandi u intom tieklu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja; iva, intom tieklu u tixorbu mill‑ħobż u l‑ilma tal‑ħajja b’xejn;

35 Iva, ejjew għandi u pproduċu opri tajba, u intom ma titqaċċtux u tinxteħtu fin‑nar—

36 Għax araw, iż‑żmien qorob fejn kull min ma jipproduċix frott tajjeb, jew kull min ma jagħmilx opri tajba, huwa għandu għalfejn jibki u jixher.

37 O intom li twettqu l‑ħażen; intom li tinsabu minfuħin bil‑frugħa tad‑dinja, intom li ddikjarajtu li tafu triqat is‑sewwa madankollu ħriġtu mit‑triq, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj, minkejja li ragħaj sejħilkom u għadu qed isejħilkom, iżda intom ma tridux tisimgħu minn kliemu!

38 Araw, jien ngħidilkom, li r‑ragħaj it‑tajjeb isejħilkom; iva, u permezz ta’ ismu huwa jsejħilkom, li hu isem Kristu; u jekk intom tinjoraw il‑leħen tar‑ragħaj it‑tajjeb, għall‑isem li bih isejħilkom, araw, intom m’intomx in‑nagħaġ tar‑ragħaj it‑tajjeb.

39 U issa jekk intom m’intomx in‑nagħaġ tar‑ragħaj it‑tajjeb, minn liema merħla tagħmlu? Araw, jien ngħidilkom, li x‑xitan huwa r‑ragħaj tagħkom, u intom parti mill‑merħla tiegħu; u issa, min jista’ jiċħad dan? Araw, jien ngħidilkom, kull min jiċħad dan huwa giddieb u wild ix‑xitan.

40 Għax jien ngħidilkom li dak kollu li hu tajjeb ġej minn Alla, u dak kollu li hu ħażin ġej mix‑xitan.

41 Għalhekk, jekk bniedem jipproduċi opri tajba huwa jisma’ mil‑leħen tar‑ragħaj it‑tajjeb, u huwa jimxu warajh; iżda kull min jipproduċi opri ħżiena, dan isir wild ix‑xitan, għax huwa jisma’ minn leħnu, u jimxi warajh.

42 U kull min jagħmel dan jeħtieġ li jirċievi l‑ħlas tiegħu mingħandu; għalhekk, bħala ħlas huwa jirċievi l‑mewt, f’dak li għandu x’jaqsam mas‑sewwa, għax fejn jidħlu opri tajba huwa jinsab mejjet.

43 U issa, ħuti, nixtieq li intom tisimgħuni, għax jien nitkellem bl‑enerġija kollha ta’ ruħi; għax araw, jien kellimtkom ċar u tond biex ma tifhmunix ħażin, jew tkellimt skont il‑kmandamenti ta’ Alla.

44 Għax jiena ġejt imsejjaħ biex nitkellem b’dan il‑mod, skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, li tinsab fi Kristu Ġesù; iva, jiena ġejt ordnat sabiex inqum u nixhed ma’ dan il‑poplu dwar il‑ħwejjeġ li tkellmu dwarhom missirijietna dwar ħwejjeġ li sejrin jiġru.

45 U dan mhux kollox. Ma taħsbux intom li jiena stess naf dwar dawn il‑ħwejjeġ? Araw, jiena nixhed magħkom li jien naf li dawn il‑ħwejjeġ li tkellimt dwarhom huma vera. U kif taħsbu li jiena naf li huma vera?

46 Araw, ngħidilkom li ġew żvelati lili permezz tal‑Ispirtu Qaddis ta’ Alla. Araw, jiena somt u tlabt għal bosta jiem sabiex jiena stess inkun naf dawn il‑ħwejjeġ. U issa jiena stess naf li huma vera; għaliex il‑Mulej Alla wrieni dan kollu permezz tal‑Ispirtu Qaddis tiegħu; u dan hu l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni li jinsab fija.

47 U barra minn hekk, jien ngħidilkom li b’dan il‑mod ġew żvelati lili, li l‑kliem li qalu missirijietna huwa minnu, u dan huwa skont l‑ispirtu tal‑profezija li jinsab fija, li huwa wkoll skont il‑manifestazzjoni tal‑Ispirtu ta’ Alla.

48 Jien ngħidilkom, li jiena stess naf li dak kollu li jien se ngħidilkom, dwar dak li għandu jiġi, huwa veru; u jien ngħidilkom, li jiena naf li Ġesù Kristu għandu jiġi, iva, l‑Iben, il‑Waħdieni tal‑Missier, mimli grazzja, u ħniena, u verità. U araw, huwa hu li se jiġi biex ineħħi d‑dnubiet tad‑dinja, iva, id‑dnubiet ta’ kull bniedem li jemmen bis‑sħiħ f’ismu.

49 U issa jien ngħidilkom li din hija l‑ordni u skont din l‑ordni jiena ġejt imsejjaħ, iva, biex inxandar lill‑għeżież ħuti, iva, u lil kulmin jgħammar fl‑art; iva, biex inxandar lil kulħadd, kbir jew żgħir, ilsir jew ħieles; iva, jien ngħid lilkom ix‑xjuħ, kif ukoll lilkom ta’ mezza età, u lill‑ġenerazzjoni li għadha tielgħa; iva, biex inwissihom li jeħtieġ li jindmu u jitwieldu mill‑ġdid.

50 Iva, dan jgħid l‑Ispirtu: Indmu, intom kollha li ġejjin minn truf l‑art, għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib; iva, l‑Iben ta’ Alla għandu jiġi fil‑glorja tiegħu, u fis‑setgħa, fil‑majestà, fil‑qawwa, u fid‑dominju tiegħu. Iva, għeżież ħuti, jien ngħidilkom, li l‑Ispirtu jgħid: Ħarsu lejn il‑glorja tas‑Sultan tal‑art kollha; u s‑Sultan tas‑Smewwiet dalwaqt sejjer ukoll jiddi fost ulied il‑bnedmin.

51 U l‑Ispirtu jgħidli wkoll, iva, isejjaħli b’leħen qawwi u jgħid: Mur u għid lil dan il‑poplu—Indem, għax jekk ma tindimx inti bl‑ebda mod ma tista’ tiret is‑saltna tas‑smewwiet.

52 U għal darb’oħra ngħidilkom, l‑Ispirtu jgħid: Araw, il‑mannara tressqet mal‑għerq tas‑siġra; għalhekk kull siġra li ma jipproduċix frott tajjeb għandha titqaċċat u tinxteħet fin‑nar, iva, nar li ma tistax twaqqfu, sewwasew nar li ma jintefiex. Araw, u ftakru, il‑Qaddis qal dan.

53 U issa għeżież ħuti, jien ngħidilkom, tistgħu intom tiċħdu dawn id‑dikjarazzjonijiet; iva, tistgħu intom twarrbu fil‑ġenb dawn il‑ħwejjeġ, u tgħaffġu lill‑Qaddis taħt saqajkom; iva, tistgħu intom tintefħu fil‑kburija ta’ qalbkom; iva, intom se tkomplu tippersistu u tilbsu lbies jiswa’ l‑flus u torbtu qalbkom mal‑frugħa tad‑dinja, mal‑ġid materjali tagħkom?

54 Iva, se tkomplu intom tippersistu f’li taħsbu li intom aħjar minn ħaddieħor; iva, se tkomplu intom tippersistu fil‑persekuzzjoni ta’ ħutkom, li jumiljaw ruħhom u jimxu skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, li permezz tagħha huma nġiebu f’din il‑knisja, u ġew mqaddsa permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, u huma jipproduċu opri xierqa tal‑indiema—

55 Iva, u se tkomplu intom tippersistu u tagħtu daharkom lill‑foqra, u lil dawk fil‑bżonn, u ma taqsmux ġidkom magħhom?

56 U finalment, intom kollha li tippersistu fil‑ħażen tagħkom, ngħidilkom li dawn huma dawk li sejrin jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar jekk ma jindmux minnufih.

57 U issa jien ngħidilkom, intom ilkoll li għandkom ix‑xewqa li timxu wara leħen ir‑ragħaj it‑tajjeb, oħorġu minn qalb il‑ħżiena, u nfirdu minnhom, u tmissux il‑ħwejjeġ imniġġsa tagħhom; u araw, isimhom sejjer jitħassar, ħalli l‑ismijiet tal‑ħżiena ma jingħaddux mal‑ismijiet tal‑ġusti, biex il‑kelma ta’ Alla tkun tista’ tiġi fis‑seħħ, li tgħid: L‑ismijiet tal‑ħżiena m’għandhomx jitħalltu mal‑ismijiet tal‑poplu tiegħi;

58 Għax l‑ismijiet tal‑ġusti sejrin jinkitbu fil‑ktieb tal‑ħajja, u jien se nagħtihom wirt fuq il‑lemin tiegħi. U issa, ħuti, x’għandkom xi tgħidu kontra dil‑ħaġa? Jien ngħidilkom, jekk tgħidu xi ħaġa kontriha, kollu ta’ xejn, għax il‑kelma ta’ Alla jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ.

59 Għax liema hu dak ir‑ragħaj fostkom li għandu ħafna nagħaġ illi ma joqgħodx għassa tagħhom, biex ma jidħlux l‑ilpup u jieklulu l‑merħla tiegħu? U araw, jekk jidħol lupu qalb il‑merħla tiegħu huwa ma jkeċċihx ’il barra? Iva, u fl‑aħħar, jekk ikun jista’, joqtlu.

60 U issa jiena ngħidilkom li r‑ragħaj it‑tajjeb qed isejħilkom; u jekk intom tisimgħu minn kliemu huwa jġibkom fil‑merħla tiegħu, u intom in‑nagħaġ tiegħu; u hu jordnalkom biex ma tħallu lill‑ebda lupu mġewwaħ jidħol fostkom, ħalli ma tispiċċawx tinqerdu.

61 U issa jien, Alma, nordnalkom bil‑lingwaġġ ta’ dak li tani din l‑ordni, biex intom taraw li twettqu dak li jiena għidtilkom.

62 Kliemi għandu jiġi meqjus bħala kmandament għalikom li tagħmlu parti mill‑knisja; u għal dawk li mhumiex parti mill‑knisja kliemi se jkun kliem ta’ stedina, fejn ngħidilkom: Ejjew u tgħammdu għall‑indiema, ħalli intom ukoll tkunu tistgħu tieklu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja.