Il‑kliem li Alma, il‑Qassis il‑Kbir skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, wassal lin‑nies fl‑ibliet u l‑irħula tagħhom madwar il‑pajjiż.
Mill‑bidu ta’ kapitlu 5.
Kapitlu 5
Biex jiksbu s‑salvazzjoni, il‑bnedmin jeħtieġ li jindmu u jħarsu l‑kmandamenti, jitwieldu mill‑ġdid, inaddfu lbieshom permezz ta’ demm Kristu, ikunu umli u jwarrbu minn fuqhom kull kburija u għira, u jwettqu għemejjel tajba—Ir‑Ragħaj it‑Tajjeb isejjaħ lill‑poplu tiegħu—Dawk li jwettqu għemejjel ħżiena huma wlied ix‑xitan—Alma jixhed dwar il‑verità tad‑duttrina tiegħu u jordna lill‑bnedmin sabiex jindmu—L‑ismijiet tal‑ġusti se jinkitbu fil‑ktieb tal‑ħajja. Madwar 83 Q.K.
1 Issa ġara li Alma beda jwassal il‑kelma ta’ Alla lin‑nies, l‑ewwel fl‑art ta’ Żaraħemla, u mbagħad mal‑pajjiż kollu.
2 U dan hu l‑kliem li huwa qal lin‑nies fil‑knisja li ġiet imwaqqfa fil‑belt ta’ Żaraħemla, skont dak li huwa kiteb, fejn qal:
3 Jiena, Alma, ġejt ikkonsagrat minn missieri, Alma, biex inkun qassis il‑kbir fuq il‑knisja ta’ Alla, hu li għandu s‑setgħa u l‑awtorità minn Alla biex iwettaq dawn il‑ħwejjeġ, araw, jien ngħidilkom li huwa beda jara kif iwaqqaf knisja fl‑art li kienet fil‑fruntieri ta’ Nefi; iva, l‑art li kienet tissejjaħ l‑art ta’ Mormon; iva, u huwa għammed lil ħutu fl‑ilmijiet ta’ Mormon.
4 U araw, jiena ngħidilkom, huma nħelsu minn idejn in‑nies tas‑sultan Noè, bil‑ħniena u l‑qawwa ta’ Alla.
5 U araw, huma mbagħad nġiebu fil‑jasar permezz ta’ idejn il‑Lamaniti fix‑xagħri; iva, jien ngħidilkom, huma kienu fil‑jasar, u għal darb’oħra l‑Mulej ħelishom mill‑jasar bil‑qawwa ta’ kelmtu; u huma nġiebu f’din l‑art, u mbagħad aħna bdejna nwaqqfu l‑knisja ta’ Alla madwar din l‑art ukoll.
6 U issa araw, jiena ngħidilkom, ħuti, intom li tagħmlu parti minn din il‑knisja, bqajtu intom tiftakru biżżejjed fil‑jasar ta’ missirijietkom? Iva, u bqajtu tiftakru biżżejjed fil‑ħniena u s‑sabar tiegħu lejhom? U barra minn hekk, bqajtu tiftakru biżżejjed li huwa ħelsilhom ruħhom mill‑infern?
7 Araw, huwa bidlilhom qalbhom; iva, hu qajjimhom minn nagħsa tqila, u huma qamu għal Alla. Araw, huma kienu f’nofs dalma; madankollu, ruħhom ġiet imdawla permezz tad‑dawl tal‑kelma ta’ dejjem; iva, huma kienu jinsabu mdawrin bl‑irbit tal‑mewt, u bil‑ktajjen tal‑infern, u kien hemm tistennihom il‑qerda ta’ dejjem.
8 U issa jien nistaqsikom, ħuti, huma spiċċaw biex inqerdu? Araw, jiena ngħidilkom, Le, ma nqerdux.
9 U għal darb’oħra nistaqsi, l‑irbit tal‑mewt tkisser, u l‑ktajjen tal‑infern li kienu mdawrin magħhom inħallu? Jien ngħidilkom, Iva, huma nħallu, u ruħhom kibret, u huma bdew jgħannu l‑imħabba feddejja. U jiena ngħidilkom li huma ġew salvati.
10 U issa jien nistaqsikom, taħt liema kundizzjonijiet ġew salvati? Iva, fuq xiex setgħu jibbażaw it‑tama tagħhom għas‑salvazzjoni? X’wassal biex huma nħallew mill‑irbit tal‑mewt, iva, kif ukoll mill‑ktajjen tal‑infern?
11 Araw, ngħidilkom jien—missieri Alma m’emminx fil‑kliem li ntqal permezz ta’ fomm Abinadi? U hu ma kienx profeta qaddis? U l‑kliem li huwa qal ma kienx kliem Alla, u missieri Alma m’emminx dak li huwa qal?
12 U skont il‑fidi tiegħu seħħet bidla qawwija f’qalbu. Araw jien ngħidilkom li dan huwa kollu minnu.
13 U araw, huwa xandar il‑kelma lil missirijietkom, u bidla qawwija seħħet ukoll f’qalbhom, u huma umiljaw ruħhom, u afdaw fil‑veru Alla ħaj. U araw, huma baqgħu fidili sal‑aħħar; għalhekk huma ġew salvati.
14 U issa araw, jien nistaqsikom, ħuti tal‑knisja, ġejtu intom imwielda spiritwalment minn Alla? Irċevejtu intom ix‑xbieha tiegħu fuq wiċċkom? Esperjenzajtu intom din il‑bidla qawwija f’qalbkom?
15 Teżerċitaw intom fidi fil‑fidwa ta’ dak li ħalaqkom? Tħarsu intom ’il quddiem b’għajn ta’ fidi, u dal‑ġisem mortali tarawh intom imqajjem għall‑immortalità, u dal‑ġisem li jitħassar imqajjem għal wieħed li ma jitħassarx, sabiex jieqaf quddiem Alla biex huwa jagħmel ħaqq minnu skont l‑għemejjel li twettqu fil‑ġisem mortali?
16 Jien ngħidilkom, tistgħu timmaġinaw lilkom infuskom tisimgħu leħen il‑Mulej jgħidilkom, f’dak il‑jum: Ejjew għandi, mberkin, għax araw, l‑għemejjel tagħkom kienu l‑għemejjel tas‑sewwa fuq wiċċ l‑art?
17 Jew timmaġinaw li f’dak il‑jum intom tistgħu tigdbu lill‑Mulej, u tgħidulu—Mulej, l‑għemejjel tagħna kienu għemejjel tajba fuq wiċċ l‑art—u hu sejjer isalvakom?
18 Jew inkella, tistgħu intom timmaġinaw lilkom infuskom meħuda quddiem it‑tribunal ta’ Alla b’ruħkom mimlija ħtija u rimors, fejn intom tkunu tistgħu tiftakru l‑ħtija kollha tagħkom, iva, tiftakru b’mod perfett il‑ħażen kollu tagħkom, iva, tiftakru li intom injorajtu l‑kmandamenti ta’ Alla?
19 Jien ngħidilkom, tistgħu intom f’dak il‑jum tħarsu ’l fuq lejn Alla b’qalb safja u idejn nodfa? Jien ngħidilkom, tistgħu intom tħarsu ’l fuq, bix‑xbieha ta’ Alla mnaqqxa fuq wiċċkom?
20 Jien ngħidilkom, taħsbu li intom tistgħu tiġu salvati meta intom ħallejtu lilkom infuskom tiġu mmexxija mix‑xitan?
21 Jien ngħidilkom, intom se tkunu tafu f’dak il‑jum li ma tistgħux issalvaw; għax l‑ebda bniedem ma jista’ jsalva jekk ilbiesu ma jiġix maħsul u mbajjad; iva, jeħtieġ li lbiesu jiġi mnaddaf sakemm jiġi msoffi minn kull tebgħa, permezz tad‑demm ta’ dak li dwaru tkellmu missirijietna, li għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu minn dnubietu.
22 U issa nistaqsikom, ħuti, kif tħossukom, kull wieħed u waħda minnkom, jekk intom ikollkom tieqfu quddiem l‑iżbarra ta’ Alla, b’ilbieskom mtebba’ bid‑demm u b’kull xorta ta’ ħmieġ? Araw, x’taħsbu li jixhdu kontrikom dawn il‑ħwejjeġ?
23 Araw, ma taħsbux li huma jixhdu li intom nies qattiela, iva, kif ukoll li intom ħatja ta’ kull xorta ta’ ħażen?
24 Araw, ħuti, taħsbu intom li min hu hekk jista’ jkollu postu fis‑saltna ta’ Alla bilqiegħda ma’ Abraham, ma’ Iżakk, u ma’ Ġakobb, kif ukoll mal‑profeti qaddisa kollha, li lbieshom huwa mnaddaf u bla tebgħa, safi u abjad?
25 Jien ngħidilkom, Le; sakemm intom ma tħarsux lejn il‑Ħallieq tagħna bħala xi giddieb sa mill‑bidu, jew temmnu li hu giddieb sa mill‑bidu, ma tistgħux intom taħsbu li xi ħadd hekk jista’ jkollu postu fis‑saltna tas‑smewwiet; iżda dawn għad jintremew ’il barra għaliex huma wlied is‑saltna tax‑xitan.
26 U issa, jiena ngħidilkom, ħuti, jekk intom esperjenzajtu bidla f’qalbkom, u jekk ħassejtu li tgħannu l‑għanja tal‑imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossukom l‑istess bħalissa?
27 Imxejtu b’tali mod li żammejtu lilkom infuskom mingħajr ħtija quddiem Alla? Tistgħu bejnkom u bejn ruħkom tgħidu, jekk tiġu msejħin biex tmutu f’dan il‑mument, li intom kontu umli biżżejjed? Li lbieskom ġie mnaddaf u mbajjad permezz ta’ demm Kristu, dak li għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu minn dnubietu?
28 Araw, inżajtu minn fuqkom kull kburija? Jien ngħidilkom, jekk le, intom m’intomx lesti biex tiltaqgħu ma’ Alla. Araw jeħtieġ li intom titħejjew minnufih; għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib, u kull min hu hekk ma jiksibx il‑ħajja ta’ dejjem.
29 Araw, jiena ngħid, hawn xi ħadd fostkom li ma neżax minn fuqu kull għira? Jien ngħidilkom li min hu hekk ma jinsabx lest; u jien nixtieq li huwa jitħejja minnufih, għax is‑siegħa tinsab fil‑qrib, u hu ma jafx meta se jasallu l‑mument; għax min hu hekk mhuwiex se jinstab bla ħtija.
30 U għal darb’oħra ngħidilkom, hemm xi ħadd fostkom li jwaqqa’ lil ħuh għaż‑żufjett, jew jgħaddih minn persekuzzjoni?
31 Ħażin ikun għalih min hu hekk, għax hu għadu mhux preparat, u ż‑żmien qorob fejn huwa jew jindem jew ma jistax isalva!
32 Iva, ħażin għalikom intom kollha li twettqu l‑ħażen; indmu, indmu, għax il‑Mulej Alla qal dan!
33 Araw, huwa jibgħat stedina lill‑bnedmin kollha, għax id‑dirgħajn tal‑ħniena jinsabu lesti biex jilqgħuhom, u huwa jgħid: Indmu, u jiena nilqagħkom għandi.
34 Iva, huwa jgħid: Ejjew għandi u intom tieklu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja; iva, intom tieklu u tixorbu b’xejn mill‑ħobż u l‑ilma tal‑ħajja;
35 Iva, ejjew għandi u pproduċu opri tajba, u intom ma titqaċċtux u ma tinxteħtux fin‑nar—
36 Għax araw, iż‑żmien qorob fejn kull min ma jipproduċix frott tajjeb, jew kull min ma jagħmilx opri tajba, huwa għandu tassew għalfejn jibki u jixher.
37 O intom kollha li twettqu l‑ħażen; intom li tinsabu minfuħin bil‑frugħa tad‑dinja, intom li ddikjarajtu li tafu triqat is‑sewwa madankollu ħriġtu mit‑triq, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj, minkejja li ragħaj sejħilkom u għadu qed isejħilkom, iżda intom ma tridux tisimgħu minn kliemu!
38 Araw, jien ngħidilkom, li r‑ragħaj it‑tajjeb isejħilkom; iva, u permezz ta’ ismu huwa jsejħilkom, li hu isem Kristu; u jekk intom tinjoraw leħen ir‑ragħaj it‑tajjeb, bl‑isem li bih isejħilkom, araw, intom m’intomx in‑nagħaġ tar‑ragħaj it‑tajjeb.
39 U issa jekk intom m’intomx in‑nagħaġ tar‑ragħaj it‑tajjeb, mela minn liema merħla tagħmlu? Araw, jien ngħidilkom, li x‑xitan huwa r‑ragħaj tagħkom, u intom parti mill‑merħla tiegħu; u issa, min jista’ jiċħad dan? Araw, jien ngħidilkom, kull min jiċħad dan huwa giddieb u wild ix‑xitan.
40 Għax jien ngħidilkom li dak kollu li hu tajjeb ġej minn Alla, u dak kollu li hu ħażin ġej mix‑xitan.
41 Għalhekk, jekk bniedem jipproduċi opri tajba huwa jisma’ mil‑leħen tar‑ragħaj it‑tajjeb, u huwa jimxu warajh; iżda kull min jipproduċi opri ħżiena, dan isir wild ix‑xitan, għax huwa jisma’ minn leħnu, u jimxi warajh.
42 U kull min jagħmel dan jeħtieġ li jirċievi l‑ħlas tiegħu mingħandu; għalhekk, bħala ħlas huwa jirċievi l‑mewt, f’dak li għandu x’jaqsam mas‑sewwa, għax fejn jidħlu l‑opri tajba huwa jinsab mejjet.
43 U issa, ħuti, nixtieq li intom tisimgħuni, għax jiena qed inkellimkom bil‑qawwa kollha ta’ ruħi; għax araw, jiena kellimtkom b’mod ċar biex ma tifhmunix ħażin, jew aħjar jiena tkellimt skont il‑kmandamenti ta’ Alla.
44 Għax jiena ġejt imsejjaħ biex nitkellem b’dan il‑mod, skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, li tinsab fi Kristu Ġesù; iva, jiena ġejt ordnat sabiex inqum u nixhed quddiem dan il‑poplu dwar il‑ħwejjeġ li tkellmu dwarhom missirijietna dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.
45 U dan mhux kollox. Ma taħsbux intom li jiena stess naf dwar dawn il‑ħwejjeġ? Araw, jiena nixhed li jien naf li dawn il‑ħwejjeġ li tkellimt dwarhom huma vera. U kif taħsbu li jiena naf li huma vera?
46 Araw, ngħidilkom li huma ġew żvelati lili permezz tal‑Ispirtu Qaddis ta’ Alla. Araw, jiena somt u tlabt għal bosta jiem sabiex jiena stess inkun naf dawn il‑ħwejjeġ. U issa jiena stess naf li huma vera; għaliex il‑Mulej Alla wrieni dan kollu permezz tal‑Ispirtu Qaddis tiegħu; u dan hu l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni li jinsab ġewwa fija.
47 U barra minn hekk, jien ngħidilkom li b’dan il‑mod ġew żvelati lili, li l‑kliem li qalu missirijietna huwa kollu minnu, u dan huwa skont l‑ispirtu tal‑profezija li jinsab ġewwa fija, li huwa wkoll skont il‑manifestazzjoni tal‑Ispirtu ta’ Alla.
48 Jien ngħidilkom, li jiena stess naf li dak kollu li jien se ngħidilkom, dwar dak li għandu jseħħ, huwa veru; u jien ngħidilkom, li jiena naf li Ġesù Kristu għandu jiġi, iva, l‑Iben, il‑Waħdieni tal‑Missier, mimli grazzja, u ħniena, u verità. U araw, huwa hu li għandu jiġi biex ineħħi d‑dnubiet tad‑dinja, iva, id‑dnubiet ta’ kull bniedem li jemmen bis‑sħiħ f’ismu.
49 U issa jien ngħidilkom li din hija l‑ordni li jiena msejjaħ għaliha, iva, biex inxandar lill‑għeżież ħuti, iva, u lil kull min jgħammar fuq l‑art; iva, biex inxandar lil kulħadd, kbir jew żgħir, ilsir jew ħieles; iva, jien ngħid lilkom ix‑xjuħ, kif ukoll lilkom ta’ età medja, u lill‑ġenerazzjoni li tielgħa; iva, biex twissuhom li jeħtieġ li jindmu u jitwieldu mill‑ġdid.
50 Iva, dan jgħid l‑Ispirtu: Indmu, intom kollha li ġejjin minn truf l‑art, għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib; iva, l‑Iben ta’ Alla għandu jiġi fil‑glorja tiegħu, u fis‑setgħa, fil‑maestà, fil‑qawwa, u fid‑dominju tiegħu. Iva, għeżież ħuti, jien ngħidilkom, li l‑Ispirtu jgħid: Ħarsu lejn il‑glorja tas‑Sultan tal‑art kollha; u s‑Sultan tas‑Smewwiet dalwaqt sejjer jiddi wkoll fost ulied il‑bnedmin.
51 U l‑Ispirtu jgħidli wkoll, iva, huwa jsejjaħli b’leħen qawwi u jgħid: Mur u għid lil dan il‑poplu—Indem, għax jekk ma tindimx inti bl‑ebda mod ma tista’ tiret is‑saltna tas‑smewwiet.
52 U għal darb’oħra ngħidilkom, l‑Ispirtu jgħid: Araw, il‑mannara tressqet mal‑għerq tas‑siġra; għalhekk kull siġra li ma tipproduċix frott tajjeb għandha titqaċċat u tinxteħet fin‑nar, iva, nar li ma tistax twaqqfu, sewwasew nar li ma jintefiex. Araw, u ftakru, il‑Qaddis qal dan.
53 U issa għeżież ħuti, jien ngħidilkom, tistgħu intom tiċħdu dan il‑kliem; iva, tistgħu intom twarrbu fil‑ġenb dawn il‑ħwejjeġ, u tgħaffġu lill‑Qaddis taħt saqajkom; iva, tistgħu intom tintefħu fil‑kburija ta’ qalbkom; iva, se tkomplu intom tippersistu u tilbsu lbies jiswa’ l‑flus u torbtu qalbkom mal‑frugħa tad‑dinja, u mal‑ġid materjali tagħkom?
54 Iva, se tkomplu intom tippersistu fit‑twemmin tagħkom li intom aħjar minn ħaddieħor; iva, se tkomplu intom tippersistu fil‑persekuzzjoni ta’ ħutkom, li jumiljaw ruħhom u jimxu skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, li permezz tagħha huma nġiebu f’din il‑knisja, u ġew mqaddsa permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, huma li jipproduċu opri xierqa tal‑indiema—
55 Iva, u se tkomplu intom tippersistu li tagħtu daharkom lill‑foqra, u lil dawk fil‑bżonn, u ma taqsmux ġidkom magħhom?
56 U finalment, intom kollha li tippersistu fil‑ħażen tagħkom, jiena ngħidilkom li dawn huma dawk li sejrin jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar jekk huma ma jindmux minnufih.
57 U issa jien ngħidilkom, intom ilkoll li għandkom ix‑xewqa li timxu wara leħen ir‑ragħaj it‑tajjeb, oħorġu minn qalb il‑ħżiena, u nfirdu minnhom, u tmissux il‑ħwejjeġ imniġġsa tagħhom; u araw, isimhom sejjer jitħassar, ħalli l‑ismijiet tal‑ħżiena ma jingħaddux mal‑ismijiet tal‑ġusti, biex il‑kelma ta’ Alla tkun tista’ tiġi fis‑seħħ, li tgħid: L‑ismijiet tal‑ħżiena m’għandhomx jitħalltu mal‑ismijiet tal‑poplu tiegħi;
58 Għax l‑ismijiet tal‑ġusti sejrin jinkitbu fil‑ktieb tal‑ħajja, u jien se nagħtihom sehemhom fuq il‑lemin tiegħi. U issa, ħuti, x’għandkom xi tgħiduli kontra dil‑ħaġa? Jien ngħidilkom, jekk intom tgħidu xi ħaġa kontriha, kollu ta’ xejn, għax il‑kelma ta’ Alla jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ.
59 Għax liema hu dak ir‑ragħaj fostkom li għandu ħafna nagħaġ illi ma joqgħodx għassa tagħhom, biex ma jidħlux l‑ilpup u jieklulu l‑merħla tiegħu? U araw, jekk jidħol lupu qalb il‑merħla tiegħu, huwa ma jkeċċihx ’il barra? Iva, u mbagħad, jekk ikun jista’, joqtlu.
60 U issa jiena ngħidilkom li r‑ragħaj it‑tajjeb qed isejħilkom; u jekk intom tisimgħu minn kliemu huwa jġibkom fil‑merħla tiegħu, u intom in‑nagħaġ tiegħu; u hu jordnalkom biex ma tħallu lill‑ebda lupu mġewwaħ jidħol fostkom, ħalli ma tispiċċawx tinqerdu.
61 U issa jiena, Alma, nordnalkom bil‑lingwaġġ ta’ dak li tani din l‑ordni, biex intom taraw li twettqu dak li jiena għidtilkom.
62 Kliemi għandu jiġi meqjus bħala kmandament għalikom li tagħmlu parti mill‑knisja; u għal dawk li mhumiex parti mill‑knisja kliemi huwa kliem ta’ stedina, fejn jien ngħidilkom: Ejjew u tgħammdu għall‑indiema, ħalli intom ukoll tkunu tistgħu tieklu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja.