Skrittura
Alma 48


Kapitlu 48

Għamalikja jinċita lil‑Lamaniti kontra n‑Nefiti—Moroni jħejji lin‑nies tiegħu biex jiddefendu l‑kawża tal‑Kristjani—Huwa jithenna fil‑libertà u l‑ħelsien u huwa raġel qalbieni ta’ Alla. Madwar 72 Q.K.

1 U issa ġara li, hekk kif Għamalikja kiseb is‑saltna huwa beda jqanqal qlub il‑Lamaniti kontra l‑poplu ta’ Nefi; iva, huwa ħatar irġiel biex lil‑Lamaniti jkellmuhom minn fuq it‑torrijiet tagħhom kontra n‑Nefiti.

2 U b’hekk huwa qanqal qalbhom kontra n‑Nefiti, tant li fl‑aħħar jiem tas‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin, huwa, li sa dakinhar irnexxielu jwettaq l‑għanijiet tiegħu, iva, peress li kien inħatar sultan fuq il‑Lamaniti, ra wkoll kif huwa seta’ jsaltan fuq l‑art kollha, iva, u fuq in‑nies kollha li kienu fil‑pajjiż, kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti.

3 Għalhekk huwa wettaq il‑pjan tiegħu, għax hu wassal lil‑Lamaniti biex iwebbsu qalbhom u jdallmu moħħhom, u beda jipprovokahom ħalli jimtlew bil‑korla, tant li ġabar flimkien għadd kbir ta’ nies biex imorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti.

4 Għax huwa kien determinat, minħabba l‑għadd kbir ta’ nies li kellu, li joħroġ rebbieħ fuq in‑Nefiti u jitfagħhom fil‑jasar.

5 U b’hekk huwa ħatar kap kmandanti minn fost iż‑Żoramiti, għax kienu huma l‑aktar familjari mal‑qawwa tan‑Nefiti, u mal‑postijiet ta’ kenn tagħhom, u l‑aktar inħawi dgħajfa tal‑bliet tagħhom; għalhekk huwa ħatarhom biex ikunu kap kmandanti fuq l‑armati tiegħu.

6 U ġara li huma qabdu l‑kamp tagħhom, u rħewlha lejn l‑art ta’ Żaraħemla fix‑xagħri.

7 Issa ġara li waqt li Għamalikja kien qed jikseb il‑poter permezz tal‑ingann u l‑qerq, Moroni, mill‑banda l‑oħra, kien qed iħejji moħħ in‑nies biex huma jibqgħu fidili lejn il‑Mulej Alla tagħhom.

8 Iva, huwa kien qed issaħħaħ l‑armati tan‑Nefiti, u jibni fortizzi żgħar, jew postijiet ta’ kenn, billi beda jtella’ ħitan tar‑ramel mad‑dawra kollha ħalli jipproteġi l‑armati tiegħu, kif ukoll beda jibni ħitan tal‑ġebel mad‑dawra kollha tagħhom, madwar il‑bliet tagħhom u mal‑fruntieri ta’ artijiethom; iva, madwar l‑art kollha.

9 U fl‑aktar fortifikazzjonijiet dgħajfa tagħhom huwa poġġa l‑akbar għadd ta’ rġiel; u b’hekk huwa ffortifika u saħħaħ l‑art li kienet f’idejn in‑Nefiti.

10 U b’hekk hu kien qed iħejji biex jiddefendi l‑libertà tagħhom u artijiethom, lil marthom, u lil uliedhom, u l‑paċi tagħhom, sabiex huma jkunu jistgħu jgħixu għall‑Mulej Alla tagħhom, u jkunu jistgħu jħarsu dik li l‑għedewwa tagħhom kienu jsejħulha bħala l‑kawża tal‑Kristjani.

11 U Moroni kien raġel b’saħħtu u qalbieni; hu kien bniedem ta’ għarfien perfett; iva, bniedem li ma kienx iħobb it‑tixrid tad‑demm; raġel li ruħu kienet tithenna bil‑libertà u l‑ħelsien ta’ pajjiżu, u bil‑ħelsien ta’ ħutu mill‑ħakma u l‑jasar;

12 Iva, bniedem li qalbu kienet mimlija gratitudni lejn Alla tiegħu, għal bosta privileġġi u barkiet li huwa sawwab fuq il‑poplu tiegħu; bniedem li ħadem bil‑kbir għall‑ġid u s‑sigurtà tal‑poplu tiegħu.

13 Iva, u hu kien bniedem li kien sod fil‑fidi tiegħu fi Kristu, u kien ħalef permezz ta’ ġurament li kien sejjer jiddefendi lill‑poplu tiegħu, id‑drittijiet tiegħu, u lil pajjiżu, u r‑reliġjon tiegħu, anke jekk ikollu jxerred demmu.

14 Issa n‑Nefiti ġew mgħallma biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑għedewwa tagħhom; anke jekk ikun hemm il‑ħtieġa li huma jxerrdu demmhom; iva, u ġew mgħallma wkoll biex qatt ma jipprovokaw lil ħadd, iva, u qatt ma jgħollu x‑xabla ħlief kontra xi għadu, biex jiddefendu ħajjithom.

15 U dan kien twemminhom, li jekk jagħmlu dan Alla kien se jgħinhom jirnexxu f’arthom, jew fi kliem ieħor, jekk huma jkunu fidili fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla, huwa jgħinhom jirnexxu f’arthom; iva, iwissihom biex jaħarbu, jew biex jitħejjew għall‑gwerra, skont il‑periklu li jkunu fih;

16 U Alla jgħarrafhom ukoll jekk għandhomx imorru biex jiddefendu lilhom infushom mill‑għedewwa tagħhom, u għax jagħmel dan, il‑Mulej jgħinhom jiġu meħlusa; u dan kien it‑twemmin ta’ Moroni, u hu kien jifraħ bil‑kbir permezz ta’ dan; mhux permezz tat‑tixrid tad‑demm iżda permezz ta’ opri tajba, permezz tal‑ħarsien tal‑poplu tiegħu, iva, permezz tal‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla, iva, u li jieqaf il‑ħażen.

17 Iva, fis‑sewwa, fis‑sewwa ngħidilkom, kieku l‑bnedmin kollha kienu, u huma, u qatt ikunu bħal Moroni, araw, l‑istess qawwiet tal‑infern jispiċċaw jirtogħdu għal dejjem; iva, ix‑xitan qatt aktar ma jkollu qawwa fuq qlub ulied il‑bnedmin.

18 Araw, huwa kien raġel bħal Għammon, bin Mosija, iva, kif ukoll bħas‑subien l‑oħra ta’ Mosija, iva, kif ukoll bħal Alma u wliedu, għax huma kienu kollha rġiel t’Alla.

19 Għax araw, Ħelaman u ħutu kienu meħtieġa għall‑poplu daqskemm kien Moroni; għax huma xandru l‑kelma ta’ Alla, u għammdu għall‑indiema lil dawk kollha li kienu lesti jisimgħu kliemhom.

20 U b’hekk huma telqu, u n‑nies umiljaw ruħhom minħabba kliemhom, tant li kienu mberkin bil‑kbir mill‑Mulej, u b’hekk huma kienu ħielsa mill‑gwerer u mit‑tilwim bejniethom, iva, sewwasew għal erba’ snin sħaħ.

21 Iżda, kif għidtilkom, fl‑aħħar jiem tas‑sena dsatax, iva, minkejja l‑paċi li kellhom bejniethom, huma ġew imġiegħla, biex kontra qalbhom, jiġġieldu kontra ħuthom, il‑Lamaniti.

22 Iva, u fi ftit kliem, il‑gwerer tagħhom mal‑Lamaniti ma waqfu qatt għal bosta snin, minkejja n‑nuqqas ta’ rieda tagħhom.

23 Issa, huma sewwdu qalbhom li kellhom jaqbdu l‑armi kontra l‑Lamaniti, għax ma kenux jieħdu gost bit‑tixrid tad‑demm; iva, u dan mhux kollox—huma sewwdu qalbhom li minħabba fihom ħafna kienu dawk fost ħuthom li ħallew din id‑dinja u għaddew għal dinja ta’ dejjem, bla ma kienu lesti biex jiltaqgħu ma’ Alla tagħhom.

24 Madankollu, huma ma kenux lesti li jinqatlu, u li marthom u wliedhom jispiċċaw maqtula permezz tal‑moħqrija barbara ta’ dawk li darba kienu ħuthom, iva, u spiċċaw isseparaw ruħhom minn mal‑knisja tagħhom, u telqu minn fosthom u marru biex jeqirduhom billi ngħaqdu mal‑Lamaniti.

25 Iva, huma ma kenux lesti jaraw lil ħuthom jifirħu minħabba demm in‑Nefiti, sakemm kien ikun għad baqa’ min iħares il‑kmandamenti ta’ Alla, għax il‑wegħda tal‑Mulej kienet, li jekk huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħu huma jkollhom ir‑risq fl‑art.