Skrittura
Alma 45


Rakkont tal‑poplu ta’ Nefi, u l‑gwerer u d‑diżgwid tagħhom, fi żmien Ħelaman, skont il‑kitba ta’ Ħelaman, li huwa żamm tul ħajtu.

Jikkonsisti minn kapitlu 45 sa 62.

Kapitlu 45

Ħelaman jemmen kliem Alma—Alma jħabbar il‑qerda tal‑Nefiti—Huwa jbierek u jisħet l‑art—Jista’ jkun li Alma ġie meħud mill‑Ispirtu, sewwasew bħal Mosè—Jikber it‑tilwim fil‑Knisja. Madwar 73 Q.K.

1 Araw, issa ġara li n‑nies ta’ Nefi bdew jithennew bil‑kbir, għax il‑Mulej għal darb’oħra ħelishom minn taħt idejn l‑għedewwa tagħhom; għalhekk huma raddew ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom; iva, u huma għaddew ħin twil isumu u jitolbu, u b’ferħ kbir iqimu lil Alla.

2 U ġara fis‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, li Alma mar fuq ibnu Ħelaman u qallu: Temmen inti l‑kliem li jiena għidtlek dwar dawk l‑annali bil‑kitba ta’ kulma beda jseħħ?

3 U Ħelaman qallu: Iva, nemmen.

4 U Alma reġa’ qallu: Temmen inti f’Ġesù Kristu, li għandu jiġi?

5 U huwa qal: Iva, jien nemmen il‑kliem kollu li inti għidt.

6 U għal darb’oħra Alma qallu: Lest li tħares il‑kmandamenti tiegħi?

7 U huwa qal: Iva, jien lest inħares il‑kmandamenti tiegħek b’qalbi kollha.

8 Imbagħad Alma qallu: Imbierek inti; u l‑Mulej se jagħtik ir‑risq f’din l‑art.

9 Iżda ara, għandi xi ħaġa xi nħabbarlek; iżda dak li se nħabbarlek tiżvelah lil ħadd; iva, dak li se nħabbarlek m’għandux jiġi żvelat, sewwasew sakemm tiġi fis‑seħħ il‑profezija; għalhekk ikteb il‑kliem li se ngħidlek.

10 U dan huwa l‑kliem: Ara, nista’ nara li dawn in‑nies, in‑Nefiti, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni li jinsab fija, fi żmien erba’ mitt sena minn meta Ġesù Kristu sejjer juri lilu nnifsu lilhom, ftit, ftit sejrin jitilfu l‑fidi.

11 Iva, u mbagħad se jesperjenzaw gwerer u pesta, iva, ġuħ u tixrid tad‑demm, sewwasew sakemm il‑poplu ta’ Nefi jiġi estint—

12 Iva, u dan għaliex ftit, ftit huma jispiċċaw jitilfu l‑fidi u jibdew iwettqu l‑għemejjel tad‑dlam, u jaqgħu fiż‑żina, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen; iva, jiena ngħidlek, li minħabba li huma se jidinbu kontra daqstant dawl u għarfien, iva, jiena ngħidlek, li minn dak inhar, bosta mir‑raba’ ġenerazzjoni ma jkunux għadhom mietu meta jfeġġ dan il‑ħażen kollu.

13 U meta jasal dak il‑jum importanti, ara, ma jdumx ma jasal iż‑żmien li dawk li hawn bħalissa, jew in‑nisel ta’ dawk li huma magħduda mal‑poplu ta’ Nefi, mhumiex se jibqgħu aktar magħduda mal‑poplu ta’ Nefi.

14 Iżda dawk kollha li jkun għad baqa’, u li mhumiex se jinqerdu f’dak il‑jum tal‑biża’, sejrin jiġu magħduda mal‑Lamaniti, u se jsiru bħalhom, kollha, ħlief għal xi ftit li sejrin jissejħu d‑dixxipli tal‑Mulej; u l‑Lamaniti se jibqgħu jiġru warajhom sewwasew sakemm huma jiġu estinti. U issa, minħabba l‑ħażen, din il‑profezija sejra tiġi fis‑seħħ.

15 U issa ġara li wara li Alma qal dan lil Ħelaman, huwa bierek lilu, kif ukoll lil uliedu l‑oħra; u huwa bierek ukoll lid‑dinja f’ġieħ il‑ġusti.

16 U huwa qal: Dan jgħid il‑Mulej Alla—Misħuta tkun l‑art, iva, din l‑art, għal kull ġens, tribù, ilsien u poplu, li jagħmel il‑ħażen, u twassal għall‑qerda tagħhom meta jkunu misjurin waħda sew; u se jseħħ kif jiena għidt; għax din hi s‑saħta u l‑barka ta’ Alla fuq l‑art, għax il‑Mulej ma jistax iħares lejn id‑dnub bl‑iċken grad ta’ tolleranza.

17 U issa, meta Alma qal dan il‑kliem huwa bierek il‑knisja, iva, lil dawk kollha li jibqgħu jżommu sħiħ fil‑fidi minn dakinhar ’il quddiem.

18 U meta Alma għamel dan huwa telaq ’il barra mill‑art ta’ Żaraħemla, bħallikieku kien se jmur lejn l‑art ta’ Melek. U ġara li ħadd aktar qatt ma sema’ bih; dwar il‑mewt jew id‑difna tiegħu xejn ma nafu.

19 Araw, li nafu huwa dan, li hu kien raġel twajjeb; u x‑xniegħa ġriet mal‑knisja kollha li huwa ttieħed mill‑Ispirtu, jew ġie midfun mill‑Mulej, l‑istess bħal Mosè. Iżda araw, l‑iskrittura tgħid li l‑Mulej ħa għandu lil Mosè; u aħna naħsbu li huwa laqa’ għandu wkoll lil Alma fl‑ispirtu; għalhekk, minħabba f’hekk ma nafu xejn dwar il‑mewt u d‑difna tiegħu.

20 U issa ġara li fil‑bidu tas‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Ħelaman mar fost il‑poplu biex inxandrilhom il‑kelma.

21 Għax araw, minħabba l‑gwerer tagħhom mal‑Lamaniti u l‑ħafna diżgwid u storbju li kien hemm fost il‑poplu, kien hemm il‑ħtieġa li l‑kelma ta’ Alla tiġi mxandra fost in‑nies, iva, u tiġi stabbilita l‑ordni madwar il‑knisja kollha.

22 Għalhekk, Ħelaman u ħutu marru u waqqfu l‑knisja għal darb’oħra mal‑pajjiż kollu, iva, f’kull belt madwar l‑art kollha li kienet f’idejn il‑poplu ta’ Nefi. U ġara li huma ħatru qassisin u għalliema madwar il‑pajjiż kollu, fuq il‑knejjes kollha.

23 U issa ġara li wara li Ħelaman u ħutu ħatru qassisin u għalliema fuq il‑knejjes qam diżgwit fosthom, u ma ridux jagħtu widen għal kliem Ħelaman u ħutu.

24 Iżda huma bdew jitkabbru, għax kienu minfuħin bil‑kburija ta’ qalbhom, minħabba l‑għana mill‑aktar kbira tagħhom; għalhekk f’għajnejhom huma kienu saru għonja, u ma ridux jagħtu widen ta’ kliemhom, biex jimxu fis‑sewwa quddiem Alla.