Skrittura
Alma 43


Kapitlu 43

Alma u wliedu jxandru l‑kelma—Iż‑Żoramiti u dissidenti Nefiti oħra jsiru Lamaniti—Il‑Lamaniti jmorru għall‑gwerra kontra n‑Nefiti—Moroni jarma lin‑Nefiti b’armatura protettiva—Il‑Mulej jiżvela ma’ Alma l‑istrateġija tal‑Lamaniti—In‑Nefiti jiddefendu d‑djar, il‑libertà, il‑familji, u r‑reliġjon tagħhom—L‑armati ta’ Moroni u Leħi jiċċirkondaw lil‑Lamaniti. Madwar 74 Q.K.

1 U issa ġara li wlied Alma marru fost in‑nies, biex ixandrulhom il‑kelma. U anke l‑istess Alma, ma setax jistrieħ, u huwa mar ukoll.

2 Issa m’għandna għalfejn ngħidu xejn aktar dwar il‑predikazzjoni tagħhom, għajr li huma xandru l‑kelma, u l‑verità, skont l‑ispirtu tal‑profezija u r‑rivelazzjoni; u huma xandru skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla li permezz tagħha ġew imsejħin.

3 U issa se nerġa’ lura għal rakkont tal‑gwerer bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti, fis‑sena tmintax tas‑saltna tal‑imħallfin.

4 Għax araw, ġara li ż‑Żoramiti saru Lamaniti; għalhekk, fil‑bidu tas‑sena tmintax il‑poplu Nefita ra li l‑Lamaniti kienu sejrin jaħbtu għalihom; għalhekk huma bdew iħejju għall‑gwerra; iva, huma ġabru flimkien l‑armati tagħhom fl‑art ta’ Ġerson.

5 U ġara li l‑Lamaniti ġew bl‑eluf tagħhom; u huma ġew fl‑art ta’ Antjonu, li hija l‑art taż‑Żoramiti; u l‑mexxej tagħhom kien raġel jismu Żeraħemna.

6 U issa, peress li l‑Għamalekin, fihom infushom, kellhom aktar tendenza li jwettqu l‑ħażen u joqtlu mil‑Lamaniti, għalhekk, Żeraħemna ħatar kap kmandanti fuq il‑Lamaniti, u huma kienu kollha Għamalekin u Żoramiti.

7 Issa hu għamel dan biex ikun jista’ jippreserva l‑mibegħda li kellhom lejn in‑Nefiti, ħalli jkun jista’ jġibhom taħt il‑kontroll tiegħu biex b’hekk iġib fis‑seħħ l‑għanijiet tiegħu.

8 Għax araw, l‑għanijiet tiegħu kienu li jipprovoka lil‑Lamaniti ħalli jeħduha kontra n‑Nefiti; huwa għamel dan biex ikun jista’ jusurpa setgħa kbira fuqhom, kif ukoll biex ikun jista’ jikseb is‑setgħa fuq in‑Nefiti billi jitfagħhom fil‑jasar.

9 U issa l‑intenzjoni tan‑Nefiti kienet li jsostnu lil artijiethom, u lil djarhom, u lil marthom, u lil uliedhom, ħalli jkunu jistgħu jħarsuhom minn idejn l‑għedewwa tagħhom; kif ukoll biex ikunu jistgħu jħarsu d‑drittijiet tagħhom u l‑privileġġi tagħhom, iva, kif ukoll il‑libertà tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jqimu lil Alla skont ix‑xewqat tagħhom.

10 Għax huma kienu jafu li jekk huma kellhom jaqgħu f’idejn il‑Lamaniti, dawk kollha li jqimu lil Alla, lil Alla veru u ħaj, fl‑ispirtu u l‑verità, kienu jispiċċaw jinqerdu mil‑Lamaniti.

11 Iva, u kienu jafu wkoll x’mibegħda mill‑aktar kbira kellhom il‑Lamaniti lejn ħuthom, li kienu n‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi, li kienu jissejħu n‑nies ta’ Għammon—u ma kenux lesti jaqbdu armi b’idejhom, iva, huma kienu daħlu f’patt u ma kenux lesti jiksruh—għalhekk, jekk kellhom jaqgħu f’idejn il‑Lamaniti huma kienu jispiċċaw jinqerdu.

12 U n‑Nefiti ma ridux iħalluhom jinqerdu; għalhekk huma tawhom artijiet biex jgħammru fihom.

13 U n‑nies ta’ Għammon taw lin‑Nefiti sehem kbir minn ġidhom biex jissapportjaw l‑armati tagħhom; u b’hekk in‑Nefiti ma kellhomx għażla oħra ħlief li jikkumbattu weħidhom lil‑Lamaniti, li kienu taħlita ta’ nisel Laman u Lemwel, u ta’ wlied Ismagħel, u dawk kollha li kienu dissidenti Nefiti, li kienu Għamalekin u Żoramiti, u dawk li kienu ġejjin min‑nisel tal‑qassisin ta’ Noè.

14 Issa kien hemm dixxendenti kważi daqs kemm kien hemm Nefiti; u b’hekk in‑Nefiti ma kellhomx għażla oħra għajr li jiġġieldu ma’ ħuthom, anke permezz tat‑tixrid tad‑demm.

15 U ġara li hekk kif l‑armati tal‑Lamaniti nġabru flimkien fl‑art ta’ Antjonu, araw, l‑armati tan‑Nefiti kienu jinsabu lesti biex jaffrontawhom fl‑art ta’ Ġerson.

16 Issa, il‑mexxej tan‑Nefiti, jew ir‑raġel li kien ġie maħtur biex ikun kap kmandant tan‑Nefiti—issa l‑kap kmandant kellu f’idu l‑armati kollha tan‑Nefiti—kien jismu Moroni;

17 U Moroni ħa f’idejh il‑kontroll, u t‑tmexxija sħiħa tal‑gwerer tagħhom. U hu kellu biss ħamsa u għoxrin sena meta nħatar bħala kap kmandant tal‑armati tan‑Nefiti.

18 U ġara li huwa affronta l‑Lamaniti fil‑fruntieri ta’ Ġerson, u n‑nies tiegħu kienu armati bix‑xwabel, u x‑ximitarri, u b’kull xorta ta’ armi tal‑gwerra.

19 U meta l‑armati tal‑Lamaniti raw li n‑nies ta’ Nefi, jew li Moroni, kien ħejja lil niesu bil‑pettorali u bil‑protezzjoni ma’ driegħhom, iva, kif ukoll bil‑protezzjoni ma’ rashom, u li kienu mlibbsin ukoll b’ilbies oħxon—

20 Issa l‑armata ta’ Żeraħemna ma kenitx tinsab imħejjija b’dawn it‑tip ta’ affarijiet; kulma kellhom kienu x‑xwabel, u l‑ixmitarri tagħhom, il‑qwas u l‑vleġeġ tagħhom, il‑ġebel u l‑iżbandoli tagħhom; u huma kienu għerja, għajr għal biċċa ġild marbuta madwar qaddhom; iva, huma kienu kollha għerja, għajr għaż‑Żoramiti u l‑Għamalekin;

21 Iżda huma ma kienu armati bl‑ebda pettoral, jew tarka—għalhekk, huma bdew jibżgħu bil‑kbir mill‑armati tan‑Nefiti minħabba l‑ilbies protettiv tagħhom, minkejja li l‑għadd tagħhom kien ferm akbar min‑Nefiti.

22 Araw, issa ġara li huma m’azzardawx jaħbtu għan‑Nefiti fil‑fruntieri ta’ Ġerson; għalhekk huma telqu ’l barra mill‑art ta’ Antjonu u rħewlha lejn ix‑xagħri, u hemm fix‑xagħri huma qabdu triq mbiegħda li kienet qrib ras ix‑xmara Sidon, biex ikunu jistgħu jaslu fl‑art ta’ Manti u jieħdu f’idejhom dik l‑art; għax huma ma kenux jimmaġinaw li l‑armati ta’ Moroni kienu se jkunu jafu fejn marru.

23 Iżda ġara li hekk kif huma telqu lejn ix‑xagħri, Moroni bagħat spiji fix‑xagħri biex joqogħdu josservaw il‑kamp tagħhom; u barra minn hekk, Moroni, peress li kien jaf bil‑profeziji ta’ Alma, bagħat għandu ċerti rġiel, fejn xtaqu jistaqsi lill‑Mulej jekk l‑armati tan‑Nefiti kellhomx imorru jiddefendu lilhom infushom kontra l‑Lamaniti.

24 U ġara li l‑Mulej kellem lil Alma, u Alma informa lill‑messaġġiera ta’ Moroni, li l‑armati tal‑Lamaniti kienu jinsabu mexjin fix‑xagħri fi triqthom lejn l‑art ta’ Manti ħalli jkunu jistgħu jagħtu bidu għal attakk fuq l‑aktar parti dgħajfa tal‑poplu. U dawk il‑messaġġiera marru u wasslu l‑messaġġ lil Moroni.

25 Issa Moroni, wara li ħalla parti mill‑armata fl‑art ta’ Ġerson, ma jmurx uħud mil‑Lamaniti b’xi mod jidħlu f’dik l‑art u jieħdu l‑belt f’idejhom, ħa l‑kumplament tal‑armata tiegħu u rħewlha lejn l‑art ta’ Manti.

26 U hu ordna biex in‑nies kollha li kienu f’dik in‑naħa tal‑pajjiż jinġabru flimkien ħalli jiġġieldu kontra l‑Lamaniti, biex jiddefendu artijiethom u pajjiżhom, drittijiethom u l‑libertà tagħhom; għalhekk huma kienu jinsabu lesti għall‑miġja tal‑Lamaniti.

27 U ġara li Moroni ordna biex l‑armata tiegħu tibqa’ mistoħbija fil‑wied li kien jinsab qrib ix‑xatt tax‑xmara Sidon, li kien fuq in‑naħa tal‑punent tax‑xmara Sidon ġewwa x‑xagħri.

28 U Moroni poġġa numru ta’ spiji mal‑madwar, biex ikun jaf meta tkun waslet biex tasal l‑armata Lamanita.

29 U issa, peress li Moroni kien jaf x’kienet l‑intenzjoni tal‑Lamaniti, fejn l‑intenzjoni tagħhom kienet li jeqirdu lil ħuthom, jew li jeħduhom taħt idejhom u jitfgħuhom fil‑jasar ħalli jkunu jistgħu jwaqqfu s‑saltna tagħhom mal‑art kollha;

30 U kien jaf ukoll li l‑unika xewqa tan‑Nefiti kienet li huma jippreservaw artijiethom, u l‑libertà tagħhom, u l‑knisja tagħhom, għalhekk huwa ħass li ma kienx ikun dnub jekk huwa kellu jiddefendihom permezz ta’ strataġemma; għalhekk, huwa sar jaf permezz tal‑ispiji tiegħu liema rotta kienu se jaqbdu l‑Lamaniti.

31 Għalhekk, huwa qasam l‑armata tiegħu u poġġa wħud minnhom fil‑wied, u żammhom mistoħbijin fin‑naħa tal‑lvant, u tan‑nofsinhar tal‑għolja Ripla;

32 U l‑bqija żammhom mistoħbijin fil‑wied tal‑punent, fuq in‑naħa tal‑punent tax‑xmara Sidon, u għalhekk mal‑fruntieri tal‑art ta’ Manti.

33 U peress li hu poġġa l‑armata tiegħu skont kif xtaq, huwa kien lest biex jaffrontahom.

34 U ġara li l‑Lamaniti waslu fin‑naħa tat‑tramuntana tal‑għolja, fejn kien hemm mistoħbija parti mill‑armata ta’ Moroni.

35 U hekk kif il‑Lamaniti għaddew minn ħdejn l‑għolja Ripla u waslu fil‑wied, u kienu se jibdew jaqsmu x‑xmara Sidon, l‑armata li kienet tinsab mistoħbija fin‑nofsinhar tal‑għolja, li kienet immexxija minn raġel jismu Leħi, u hu mexxa l‑armata tiegħu b’mod li spiċċaw iċċirkondaw lil‑Lamaniti fil‑parti ta’ wara tagħhom min‑naħa tal‑lvant.

36 U ġara li l‑Lamaniti, meta raw li n‑Nefiti kienu waslu biex jaħbtu għalihom min‑naħa ta’ wara, huma daru bil‑kontra u bdew jiġġieldu mal‑armata ta’ Leħi.

37 U b’hekk ingħata bidu għal ħidma tal‑mewt fuq iż‑żewġ naħat, iżda s‑sitwazzjoni kienet aktar tal‑biża’ fuq in‑naħa tal‑Lamaniti, għax minħabba l‑għera tagħhom huma kienu esposti għad‑daqqiet qawwija tan‑Nefiti permezz tax‑xwabel u l‑ixmitarri tagħhom, li ma’ kull daqqa spiċċaw joqtlu lil xi ħadd.

38 Waqt li min‑naħa l‑oħra, kien biss okkażjonalment li xi raġel minn fost in‑Nefiti kien jispiċċa jindarab, permezz tax‑xwabel tagħhom u t‑telfien ta’ demm, peress li l‑aktar partijiet vitali ta’ ġisimhom kienu protetti, jew aħjar, il‑partijiet l‑aktar vitali tal‑ġisem kienu protetti mid‑daqqiet tal‑Lamaniti, permezz tal‑pettorali tagħhom, u l‑protezzjoni li kellhom ma’ driegħhom, u ma’ rashom; u b’hekk in‑Nefiti komplew bil‑ħidma tagħhom tal‑mewt fost il‑Lamaniti.

39 U ġara li l‑Lamaniti nħakmu minn biża’, minħabba l‑qerda kbira li seħħet fosthom, sewwasew sal‑punt li huma bdew jaħarbu lejn ix‑xmara Sidon.

40 U warajhom marru Leħi u niesu; u Leħi wassalhom biex jaħarbu lejn l‑ilmijiet ta’ Sidon, u huma qasmu għan‑naħa l‑oħra tal‑ilmijiet ta’ Sidon. U Leħi żamm l‑armati tiegħu max‑xatt tax‑xmara Sidon biex ma jaqsmux għan‑naħa l‑oħra.

41 U ġara li Moroni u l‑armata tiegħu affrontaw lil‑Lamaniti ġewwa l‑wied, fuq in‑naħa l‑oħra tax‑xmara Sidon, u bdew jattakkawhom u joqtluhom.

42 U l‑Lamaniti reġgħu ħarbu minn quddiemhom, lejn l‑art ta’ Manti; u għal darb’oħra reġgħu sabu ma’ wiċċhom l‑armati ta’ Moroni.

43 Issa din id‑darba l‑Lamaniti tqabdu b’qawwa; iva, qatt qabel il‑Lamaniti ma kienu magħrufa bħala nies li jiġġieldu b’daqstant qawwa u qlubija, le, sa mill‑bidu nett.

44 U huma ġew ispirati miż‑Żoramiti u l‑Għamalekin, li kienu l‑kap kmandanti u l‑mexxejja tagħhom, u minn Żeraħemna, li kien il‑kap kmandant tagħhom, jew il‑mexxej u l‑kmandant ewlieni tagħhom; iva, huma bdew jiġġieldu bħad‑draguni, u spiċċaw biex qatlu bosta Nefiti, iva, għax huma qasmu f’biċċtejn ħafna mill‑elmi tagħhom, u nifdu bosta pettorali, u kienu ħafna d‑dirgħajn tagħhom li huma darbu; u l‑Lamaniti spiċċaw darbuhom b’dal‑mod fis‑saħna tal‑għadab tagħhom.

45 Madankollu, in‑Nefiti kienu spirati minn kawża aħjar, għax huma ma kinux qed jiġġieldu għal xi monarkija jew xi setgħa iżda kienu qed jiġġieldu għal djarhom u għal‑libertà tagħhom, għal marthom u għal uliedhom, u għal kulma kellhom, iva, għar‑riti ta’ qima tagħhom u għall‑knisja tagħhom.

46 U huma kienu qed jagħmlu dak li ħassew li kien id‑dmir tagħhom lejn Alla tagħhom; għax il‑Mulej kien qal lilhom kif ukoll lil missirijiethom, li: Diment li intom m’intomx ħatja tal‑ewwel offiża, lanqas tat‑tieni, m’għandkomx tħallu lilkom infuskom tinqatlu permezz ta’ idejn l‑għedewwa tagħkom.

47 U l‑Mulej qal ukoll li: Intom għandkom tiddefendu lill‑familji tagħkom anke permezz tat‑tixrid tad‑demm. Għalhekk kien minħabba f’hekk li n‑Nefiti spiċċaw jiġġieldu mal‑Lamaniti, biex jiddefendu lilhom infushom, u l‑familji tagħhom, u artijiethom, pajjiżhom, u drittijiethom, u r‑reliġjon tagħhom.

48 U ġara li meta n‑nies ta’ Moroni raw il‑qilla u r‑rabja tal‑Lamaniti, huma kienu għodhom se jduru lura u jaħarbu minn quddiemhom. U Moroni, għax fehem x’kienet l‑intenzjoni tagħhom, wasslilhom ħsibijietu li kienu ta’ ispirazzjoni għal qalbhom—iva, ħsibijiet dwar artijiethom, u l‑libertà tagħhom, iva, il‑ħelsien tagħhom mill‑jasar.

49 U ġara li huma daru għal‑Lamaniti, u b’vuċi waħda talbu bil‑ħrara lill‑Mulej Alla tagħhom, għal‑libertà tagħhom u l‑ħelsien tagħhom mill‑jasar.

50 U huma bdew jieqfu lil‑Lamaniti b’qawwa; u f’dik l‑istess siegħa li huma bdew jitolbu bil‑ħrara lill‑Mulej għall‑ħelsien tagħhom, il‑Lamaniti bdew jaħarbu minn quddiemhom; u huma baqgħu sejrin sewwasew sal‑ilmijiet ta’ Sidon.

51 Issa, il‑Lamaniti kienu mill‑aktar numerużi, iva, l‑għadd tagħhom kien aktar mid‑doppju tan‑Nefiti; madankollu, huma ġew imġiegħla jaħarbu b’mod li huma spiċċaw miġburin flimkien fi grupp wieħed ġewwa l‑wied, max‑xatt tax‑xmara Sidon.

52 Għalhekk l‑armati ta’ Moroni spiċċaw iċċirkondawhom, iva, sewwasew fuq iż‑żewġ naħat tax‑xmara, għax araw, fuq in‑naħa tal‑lvant kien hemm in‑nies ta’ Leħi.

53 Għalhekk meta Żeraħemna ra n‑nies ta’ Leħi fuq in‑naħa tal‑lvant tax‑xmara Sidon, u l‑armati ta’ Moroni fuq in‑naħa tal‑punent tax‑xmara Sidon, li huma kienu jinsabu mdawrin min‑Nefiti, huma nħakmu minn biża’ mill‑aktar kbira.

54 Issa Moroni, meta ra kemm bdew jibżgħu, ordna lin‑nies tiegħu biex ma jkomplux ixerrdu demmhom.