Skrittura
Alma 42


Kapitlu 42

Il‑ħajja mortali hija żmien ta’ prova li fih il‑bniedem ikollu ċans li jindem u jaqdi lil Alla—Il‑Waqgħa ġabet fuq l‑umanità kollha l‑mewt temporali u spiritwali—Il‑fidwa tasal permezz tal‑indiema—Alla nnifsu jpatti għad‑dnubiet tad‑dinja—Il‑ħniena hija għal dawk li jindmu—L‑oħrajn kollha huma suġġett għall‑ġustizzja ta’ Alla—Il‑ħniena tasal minħabba l‑Espjazzjoni—Huwa biss dak li jindem verament li jsalva. Madwar 74 Q.K.

1 U issa, ibni, qed nara li hemm xi ħaġa oħra li qed tinkwetak, li ma tistax tifhem—li tikkonċerna l‑ġustizzja ta’ Alla fil‑kastig tal‑midneb; għax inti taħseb li hija inġustizzja li l‑midneb ikollu jgħaddi għal stat ta’ miżerja.

2 Issa ara, ibni, ħa nispjegalek dil‑ħaġa. Għax ara, wara li l‑Mulej Alla keċċa lill‑ewwel ġenituri tagħna ’l barra mill‑ġnien tal‑Għeden, biex jaħdmu l‑art, li minnha ġew magħmula—iva, huwa ħareġ ’il barra lill‑bniedem, u qiegħed kerubin fin‑naħa tal‑lvant tal‑ġnien tal‑Għeden, u sejf tan‑nar iżiġġ li kien idur dawramejt, sabiex iħarsu s‑siġra tal‑ħajja—

3 Issa, qed naraw li l‑bniedem sar bħal Alla, jaf it‑tajjeb u l‑ħażin; u biex ma jmurx imedd idu u jieħu wkoll mis‑siġra tal‑ħajja, u jiekol u jgħix għal dejjem, il‑Mulej Alla poġġa kerubin u s‑sejf tan‑nar iżiġġ, ħalli ma jkunx jista’ jiekol mill‑frott—

4 U b’hekk naraw, li l‑bniedem ġie mogħti żmien biex fih huwa jindem, iva, żmien ta’ prova, żmien biex jindem u jaqdi lil Alla.

5 Għax ara, kieku Adam medd idu minnufih u kiel mis‑siġra tal‑ħajja, huwa kien jgħix għal dejjem, skont il‑kelma ta’ Alla, u ma kien ikollu l‑ebda żmien biex jindem; iva, u l‑kelma ta’ Alla kienet tkun ukoll għal xejn, u l‑pjan il‑kbir tas‑salvazzjoni kien jinżamm milli jiġi fis‑seħħ.

6 Iżda ara, il‑bniedem kien iddestinat li jmut—għalhekk, hekk kif huma ġew mifrudin mis‑siġra tal‑ħajja huma se jiġu mifrudin minn wiċċ l‑art—u l‑bniedem spiċċa mitluf għal dejjem, iva, huma saru bnedmin mitlufa.

7 U issa, permezz ta’ dan qed tara li l‑ewwel ġenituri tagħna nqatgħu kemm temporalment kif ukoll spiritwalment mill‑preżenza tal‑Mulej; u b’hekk naraw li huma saru suġġett li jimxu wara r‑rieda tagħhom stess.

8 Issa ara, ma kienx jaqbel li l‑bniedem jinħeles minn din il‑mewt temporali, għax dan kien jispiċċa jġib fix‑xejn il‑pjan kbir ta’ ferħ.

9 Għalhekk, hekk kif ir‑ruħ ma tista’ qatt tmut, u l‑waqgħa ġabet fuq l‑umanità kollha mewt spiritwali kif ukoll temporali, jiġifieri, huma spiċċaw biex inqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej, kien hemm bżonn li l‑umanità tinħeles minn din il‑mewt spiritwali.

10 Għalhekk hekk kif intrinsikament huma saru karnali, senswali, u mxajtna, dan l‑istat ta’ prova sar għalihom stat fejn huma setgħu iħejju lilhom infushom; sar stat ta’ prova.

11 U issa ftakar, ibni, li kieku ma kienx għall‑pjan tal‑fidwa, (ejja nassumu li ma kienx jeżisti) hekk kif huma jmutu, ruħhom kienet tkun miżerabbli, għax huma jkunu nqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej.

12 U issa, ma kien hemm l‑ebda mod kif il‑bniedem seta’ jinħeles minn dan l‑istat mitluf, li l‑bniedem ġab fuqu stess minħabba d‑diżubbidjenza tiegħu.

13 Għalhekk, skont il‑ġustizzja, il‑pjan tal‑fidwa seta’ jiġi fis‑seħħ biss bil‑kundizzjoni li l‑bnedmin jindmu f’dan l‑istat ta’ prova, iva, f’dan l‑istat ta’ tħejjija; għax li ma kienx għal dawn il‑kundizzjonijiet, il‑ħniena ma kenitx tkun effettiva sakemm ma ġġibx fix‑xejn il‑ħidma tal‑ġustizzja. Issa l‑ħidma tal‑ġustizzja ma tistax tinġieb fix‑xejn; għax jekk jiġri dan, Alla ma jibqax Alla.

14 U hekk naraw li l‑umanità kollha spiċċat mitlufa, u huma spiċċaw f’idejn il‑ġustizzja; iva, il‑ġustizzja ta’ Alla, li wasslithom biex jinqatgħu għal dejjem mill‑preżenza tiegħu.

15 U issa, il‑pjan ta’ ħniena seta’ jiġi fis‑seħħ biss jekk tiġi fis‑seħħ espjazzjoni; għalhekk Alla nnifsu patta għad‑dnubiet tad‑dinja, biex iġib fis‑seħħ il‑pjan ta’ ħniena, ħalli jissodisfa t‑talbiet tal‑ġustizzja, biex Alla jkun jista’ jkun Alla perfett u ġust, kif ukoll Alla ħanin.

16 Issa, il‑bnedmin ma setgħux jiksbu l‑indiema jekk l‑ewwel ma jkunx hemm kastig, li kien ukoll etern kif se tkun il‑ħajja tar‑ruħ, imqiegħed f’oppożizzjoni għall‑pjan ta’ ferħ, li kien etern ukoll daqs il‑ħajja tar‑ruħ.

17 Issa, kif jista’ bniedem jindem jekk huwa ma jidnibx? Kif jista’ jidneb jekk ma jkunx hemm l‑ebda liġi? Kif jista’ jkun hemm liġi jekk ma jkunx hemm kastig?

18 Issa, kien hemm kastig marbut ma’ liġi ġusta li ngħatat, li wasslet biex il‑bniedem ikollu rimors tal‑kuxjenza.

19 Issa, li kieku ma ngħatat l‑ebda liġi—jekk bniedem qatel għandu jingħata l‑mewt—hu jħossu mbeżża’ li se jispiċċa jmut jekk huwa joqtol?

20 Kif ukoll, li kieku ma ngħatat l‑ebda liġi kontra d‑dnub il‑bnedmin ma kenux jibżgħux jidinbu.

21 U li kieku ma ngħatat l‑ebda liġi, jekk il‑bnedmin jidinbu, x’setgħet tagħmel il‑ġustizzja, kif ukoll il‑ħniena, peress li huma ma kien ikollhom l‑ebda jedd fuq il‑ħlejqa?

22 Iżda ġiet mogħtija liġi, u magħha hemm marbut kastig, u ngħatat l‑indiema; liema ndiema l‑ħniena taċċetta; altrimenti, il‑ġustizzja tieħu f’idejha l‑ħlejqa u tesegwixxi l‑liġi, u l‑liġi timponi l‑kastig; jekk dan ma jseħħx, l‑għemejjel tal‑ġustizzja jiġu fix‑xejn, u Alla ma jibqax aktar Alla.

23 Iżda Alla ma jieqafx ikun Alla, u l‑ħniena tieħu lil dak li jindem f’idejha, u l‑ħniena tasal minħabba l‑espjazzjoni; u l‑espjazzjoni ġġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet; u l‑qawmien mill‑imwiet jieħu lura lill‑bnedmin fil‑preżenza ta’ Alla; u b’hekk huma jerġgħu lura fil‑preżenza tiegħu, biex isir ħaqq minnhom skont għemilhom, skont il‑liġi u l‑ġustizzja.

24 Għax ara, il‑ġustizzja teżerċita t‑talbiet kollha tagħha, u l‑ħniena tieħu f’idejha lil dawk kollha li huma tagħha; u b’hekk, ħadd għajr dak li jindem verament ma jsalva.

25 X’taħseb, li l‑ħniena tista’ ċċaħħad il‑ġustizzja? Jiena ngħidlek, Le; bl‑ebda mod. Jekk jiġri hekk, Alla ma jibqax Alla.

26 U b’hekk Alla jġib fis‑seħħ l‑għanijiet kbar u eterni tiegħu, li ġew imħejjija sa mill‑ħolqien tad‑dinja. U b’hekk tiġi fis‑seħħ is‑salvazzjoni u l‑fidwa tal‑bnedmin, kif ukoll il‑qerda u l‑miżerja tagħhom.

27 Għalhekk, O ibni, kull min irid jiġi jista’ jiġi u jixrob b’xejn mill‑ilma tal‑ħajja; u kull min ma jridx jiġi mhuwiex obbligat li jiġi; iżda fl‑aħħar jum jingħata lura lilu skont għemilu.

28 Jekk huwa kellu x‑xewqa li jagħmel il‑ħażin, u f’ħajtu ma nidimx, huwa se jirċievi lura l‑ħażen, skont ir‑restawrazzjoni ta’ Alla.

29 U issa, ibni, nixtieq li ma tħallix aktar dawn il‑ħwejjeġ jinkwetawk, u ħalli dnubietek biss jinkwetawk, b’inkwiet li jwasslek biex inti tindem.

30 O ibni, nixtieq li inti ma tiċħadx aktar il‑ġustizzja ta’ Alla. Tippruvax tiskuża ruħek bl‑ebda mod minħabba dnubietek, billi tiċħad il‑ġustizzja ta’ Alla; iżda ara li tħalli l‑ġustizzja ta’ Alla, u l‑ħniena tiegħu, u s‑sabar tiegħu jaħdmu bi sħiħ f’qalbek; u ara li dan iwasslek b’umiltà sat‑trab.

31 U issa, O ibni, inti ġejt imsejjaħ minn Alla biex ixxandar il‑kelma lil dan il‑poplu. U issa, ibni, mur u xandar il‑kelma bil‑verità u l‑għaqal, ħalli tkun tista’ twassal l‑erwieħ għall‑indiema, ħalli l‑pjan ta’ ħniena jkollu l‑jedd jeħodhom f’idu. U jalla Alla jroddlok skont kliemi. Ammen.